Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb f’din ix-xemx sabiħa!

 

Is-silta tal-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd tinqasam f’żewġ partijiet: waħda li tiddeskrvi kif m’għandhomx ikunu s-segwaċi ta’ Kristu; fl-oħra ningħataw ideal eżemplari ta’ kif ikun in-Nisrani.

Nibdew mill-ewwel waħda: dak li m’għandniex nagħmlu.  Fl-ewwel parti Ġesù jakkuża lill-imgħallmin tal-liġi bi tliet difetti li jidhru fl-istil tal-ħajja tagħhom: is-suppervja, ir-rgħejba u l-ipokrisija.  Lilkom – jgħidlihom Ġesù «jogħġobkom tirċievu t-tislim fil-pjazzez, ikollkom is-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi u l-postijiet ewlenin fil-pranzijiet » (Mark 12, 38-39).  Imma taħt dawn l-apparenzi tant solenni hemm moħbijin falsità u inġustizzja.  Filwaqt li jiddandnu fil-pubbliku, jużaw l-awtorità tagħhom biex «iberbqu ġid ir-romol» (cfr v. 40), li, flimkien mal-orfni u l-barranin, kienu jitqiesu bħala persuni fost l-anqas li għandhom difiża u neqsin mill-ħarsien.  Fl-aħħar, l-Iskribi «jitobu għal ħinijiet twal biex jidhru» (v.40).  Anki llum jeżisiti r-riskju li jkollna dawn l-atteġġjamenti.  Per eżempju meta nifirdu t-talb mill-ġustizzja, għax ma jistax ikollna l-kult ta’ Alla waqt li nagħmlu ħsara lill-foqra.  Jew meta ngħidu li nħobbu ‘l Alla, u minflok, inqegħdu qablu l-vanaglorja tagħna, dak li jaqbel lilna.

Fuq din l-istess linja titqiegħed it-tieni parti tal-Evanġelju tal-lum.  Ix-xena hi ambjentata fit-Tempju ta’ Ġerusalemm, preċiżament fil-post fejn in-nies kienu jitfgħu l-flus tal-offerti.  Hemm ħafna sinjuri li jitfgħu ħafna flus, u hemm mara fqira, armla, li ma tqiegħedx ħlief żewġ biċċiet ta’ flus żgħar, żewġ muniti żgħar.  Ġesù josserva bir-reqqa lil dik il-mara u jiġbed l-attenzjoni tad-dixxipli dwar il-kuntrast ċar ta’ dik ix-xena.  Is-sinjuri taw, b’ħafna pompi, dak li għalihom kien żejjed, filwaqt li l-armla, bid-diskrezzjoni u l-umiltà, tat «dak kollu li kellha biex tgħix» (v. 44).  Għaldaqstant, jgħid Ġesù, hi tat aktar minn kulħadd.  Minħabba l-faqar estrem tagħha, forsi setgħet tat waħda biss mill-muniti għat-tempju u żżomm l-oħra għaliha.  Imma hi ma tridx timxi ma’ Alla bin-nofs: tiċċaħħad minn kollox.  Fil-faqar tagħha fehemet li, meta jkollha ‘l Alla, għandha kollox; tħossha maħbuba totalment minnU u min-naħa tagħha tħobbu totalment ukoll.  X’eżempju sabiħ ta’ din l-anzjana!

Ġesù, illum, jgħid lilna wkoll li l-qies tal-ġudizzju mhux il-kwantità imma l-milja.  Hemm differenza bejn il-kwantità u l-milja.  Jista’ jkollok ħafna flus, imma tkun tħossok vojt: mhemmx milja f’qalbek.  Aħsbu, matul dil-ġimgħa, fid-differenza li hemm bejn il-kwantità u l-milja.  Mhix kwistjoni ta’ portafoll, imma tal-qalb.  Hemm differenza bejn il-portafoll u l-qalb… Hemm mard tal-qalb, li jniżżel il-qalb ġol-portafoll… U dan mhux tajjeb!  Ħobb ‘l Alla “b’qalbek kollha” jfisser li tafda fiH, fil-providenza tiegħu, u sserviH fl-aħwa l-aktar foqra mingħajr ma tistenna xejn lura.

Ippermettuli nirrakkuntalkom storja, li ġrat fid-djoċesi tiegħi ta’ qabel din.  Kien hemm fuq il-mejda jieklu, omm u tliet uliedha; il-missier kien ix-xogħol; kienu qiegħdin jieklu “cotoletta alla milanese”….  F’dak il-ħin ħabbat il-bieb u wieħed minn uliedha – żgħar, ta’ 5, 6 u 7 snin il-kbir – ġie lura u qal: “Ma, hemm fqir li qed jitlob l-ikel”.  U l-omm, Nisranija tajba, tistaqsihom: “X’se nagħmlu?” – “Nagħtuh, ma….” – “Tajjeb”.  Qabdet il-furketta u s-sikkina u bdiet taqta’ nofs minn kull “cotoletta”.  “Ah, le, ma, hekk le!  Ħu xi ħaġa mill-friġġ” – “Le, ejjew nagħmlu tliet panini hekk!”  U l-ulied tgħallmu li l-karità vera tingħata, issir, mhux minn dak li jifdallek, imma minn dak li hu meħtieġ għalik.  Jien ċert li f’dak il-waranofsinhar qabadhom xi ftit tal-ġuħ….. Imma hekk għandu jsir!

Quddiem il-ħtiġijiet tal-proxxmu, aħna msejħin biex niċċaħdu – bħal dawn it-tfal tal-“cotoletta” – minn xi ħaġa li hi indispensabbli għalina, mhux minn dak li hu żejjed; aħna msejħin biex nagħtu l-ħin meħtieġ, mhux biss dak li jifdlilna żejjed; aħna msejħin nagħtu mingħajr tnikkir u mingħajr riżervi xi talent milli għandna, mhux wara li nkunu użajnih għall-iskopijiet tagħna personali jew tal-grupp.

Nitolbu lill-Mulej li jdaħħalna fl-iskola ta’ din l-armla fqira, li Ġesù, fsot l-istgħaġib tad-dixxipli, tellagħha fuq il-kattedra u ppreżentaha bħala mgħallma tal-Evanġelju ħaj.  Bl-interċessjoni ta’ Marija, il-mara fqira li tat ħajjitha kollha lil Alla għalina, nitolbu r-rigal ta’ qalb fqira imma għanja fil-ġenerożità hienja u fil-gratwità.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Naf li ħafna minnkom tħawdu bl-aħbarijiet li kien hawn dawn l-aħħar jiem minħabba dokumenti riżervati tas-Santa Sede li nsterqu u ġew pubblikati.

Għaldaqstant irrid ngħidilkom qabel kollox, li s-serq ta’ dawk id-dokumenti hu reat.  Hu att kundannabbli u ma jgħinx.  Jien stess kont tlabt li jsir dak l-istudju, u dawk id-dokumenti, jien u l-kollaboraturi sħabi konna diġà nafuhom sewwa, u kienu ttieħdu deċiżjonijiet li kienu bdew jagħtu frott, anki li jidher.

Għalhekk irrid niżgurakom li dan il-fatt ta’ niket żgur mhux se jaljenani mill-ħidma għar-riforma li qed inwettaq flimkien mal-kollaboraturi u bis-saport tagħkom ilkoll.  Iva, bis-sapport tal-Knisja kollha, għax il-Knisja tiġġedded bit-talb u bil-qdusija ta’ kuljum ta’ kull min hu mgħammed.

Għalhekk nirringrazzjakom u nistedinkom tkomplu titolbu għall-Papa u għall-Knisja, mingħajr ma tinkwetaw, imma tibqgħu mexjin ‘il quddiem bil-fiduċja u bit-tama.

* * *

Illum fl-Italja qed ikun iċċelebrat Il-Jum ta’ Radd il-Ħajr, li dis-sena għandu t-tema “L-Art, Ġid Komuni”.  Ningħaqad mal-Isqfijiet biex nawgura li kulħadd iġib ruħu ta’ amministratur responsabbli ta’ dan il-ġid kollettiv prezzjuż, l-art, li l-frott tagħha għandu destinazzjoni universali.  Inħossni qrib, bi gratitudni, lejn id-dinja tal-agrikoltura u ninkoraġġixxi (lill-bdiewa) biex jikkultivaw l-art b’mod li jħarsu l-fertilità tagħha ħalli tkun tista’ tipproduċi ikel għal kulħadd, illum u għall-ġenerazzjonijiet futuri.  F’dal-kuntest, f’Ruma qed issir Il-Ġurnata Djoċesana għall-ħarsien tal-ħolqien li dis-sena hi arrikkita wkoll bil-“Mixja għall-Art”.

Għada ġewwa Firenze, se jibda l-ħames Konvenju Ekkleżjali Nazzjonali, bil-preżenza ta’ Isqfijiet u delegati mid-djoċesijiet Taljani kollha.  Dan hu avveniment importanti ta’ komunjoni u riflessjoni, li jien se jkolli pjaċir nieħu sehem fih fil-ġurnata ta’ nhar it-Tlieta li ġej, wara li nkun għamilt waqfa qasira fi Prato.

Insellem bil-qalb lilkom ilkoll, Rumani u Pellegrini.  Partikolarment lill-istudenti Franċiżi mir-reġjun ta’ Pariġi, lill-fidili mill-Ġappun u mill-Polonja, kif ukoll lil dawk li ġew minn Scandicci.  Insellem lir-rappreżentanti tal-Ordni tal-Predikaturi – id-Dumnikani – li l-bieraħ fetħu ċ-ċelebrazzjonijiet tat-tmien ċentinarju mit-twaqqif tagħhom.  Jalla l-Mulej iberikkom f’din ir-rikorrenza.  U grazzji għal dak kollu li tagħmlu fi, u għall-Knisja!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U tinsewx titolbu għalija!  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber