Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-liturġija ta’ dan il-Ħadd ittina l-parabbola tal-ħaddiema tal-għalqa tad-dwieli, li lilhom is-sid kien afdalhom f’idejhom id-dwieli li kien żergħa u mbagħad telaq (cfr Mt 21, 33-43).  B’hekk qed tgħaddi mil-prova l-lealtà ta’ dawn il-ħaddiema: l-għalqa hi afdata lilhom, għandhom jieħdu ħsiebha, jaħdmuha biex tagħmel il-frott biex imbagħad dak li jinħasad jingħata lis-sid.  Meta wasal iż-żmiem tal-ħsad tal-għeneb, is-sid jibgħat lill-qaddejja tiegħu biex jiġbru l-frott.  Iżda l-ħaddiema jieħdu atteġġjament possessiv: ma jħossuhomx sempliċi impjegati, imma sidien, u jirrifjutaw li jtuhom dak li ħasdu.  Lill-qaddejja jittrattawhom ħażin tant li joqtluhom.  Is-sid juri li jieħu paċenzja bihom: jibgħat aktar qaddejja, f’għadd akbar minn ta’ qabel, imma r-riżutat jibqa’ l-istess.  Fl-aħħar, bil-paċenzja tiegħu kollha, jaqtagħha li jibgħat lil Ibnu; imma dawk il-ħaddiema, ilsira tal-imġieba possessiva tagħhom, joqtlu lill-iben ukoll għax jaħsbu li kienu se jirtu l-għalqa huma.

Dar-rakkont juri b’manjiera allegorika iċ-ċanfir tal-Profeti dwar l-istorja ta’ Iżrael.  Hi storja tagħna wkoll: titkellem dwar il-patt li Alla ried iwaqqaf mal-umanità u li aħna wkoll imsejħin biex nieħdu sehem fih. Iżda din l-istorja tal-patt, bħal kull storja ta’ mħabba, taf waqtiet pożittivi imma hi mmarkata wkoll minn tradimenti u ċaħda.  Biex tfehemna kif Alla l-Missier twieġeb għaċ-ċaħda tal-imħabba tiegħu u dwar il-proposta tal-patt, is-silta evanġelika tqiegħed mistoqsija f’ħalq is-sid: «Issa sid l-għalqa x’jagħmlilhom lil dawk il-ħaddiema meta jiġi?» (v. 40).  Dil-mistoqsija turi biċ-ċar li d-delużjonni ta’ Alla minħabba l-imġieba ħażina tal-bnedmin mhix l-aħħar kelma!  Hawn tinsab in-novità l-kbira tal-Kristjaneżmu: Alla, illi, minkejja d-delużjoni minħabba l-iżbalji tagħna u minħabba dnubietna, qatt ma jonqos minn kelmtu, qatt ma jieqaf u, fuq kollox, ma jivvendikax ruħu!

Ħuti, Alla ma jivvendikax ruħu!  Alla jħobb, ma jpattix, jistenniena biex jaħfrilna, biex iħaddanna.  Permezz “tal-ġebel imwarrab” - u Kristu hu l-ewwel ġebla li jwarrbu l-bennejja – permezz tad-dgħufija u tad-dnub, Alla jkompli jsawwab «l-inbid it-tajjeb» tad-dielja tiegħu, jiġifieri l-ħniena; dan hu l-inbid il-ġdid tal-għalqa tal-Mulej: il-ħniena.  Hemm ostaklu wieħed quddiem ir-rieda soda u tenera ta’ Alla: l-arroganza tagħna u l-prużunzjoni tagħna, li kultant issir ukoll vjolenza!  Quddiem dawn l-atteġġjamenti u fejn ma jikbirx frott, il-Kelma t’Alla tibqa’ żomm il-qawwa tagħha biex iċċanfar u twissi:«Għalhekk ngħidilkom li s-Saltna t’Alla tittieħed mingħandkom u tingħata lil ġens li jagħmel il-frott minnha» (v.43).

L-urġenza li nwieġbu bil-frott tajjeb għas-sejħa tal-Mulej titlob minna, li aħna nsiru l-għalqa tad-dwieli tiegħu, tgħinna nfihmu x’hemm ġdid u oriġinali fil-fidi Nisranija.  Din mhix għaqda ta’ preċetti u regoli morali, imma qabel kollox hi proposta ta’ mħabba li permezz ta’ Ġesù, Alla kien jagħmel, u għadu jagħmel lill-umanità.  Hi stedina biex nidħlu f’din l-istorja ta’ mħabba, u nisru dielja ħajja u miftuha, għanja bil-frott u t-tama għal kulħadd.  Għalqa magħluqa tista’ ssir selvaġġa u tagħti għeneb selvaġġ.  Aħna msejħin biex noħorġu mill-għalqa sabiex inkunu ta’ servizz għal ħutna li mhumiex magħna, biex inċaqalqu lil xuxlin u nikoraġġixxu lil xulxin, biex infakkru lil xulxin li għandna nkunu d-dielja tal-Mulej f’kull ambjent, anki f’dawk li huma l-aktar imbegħeda u ta’ sfida.

Għeżież ħuti, insejħu l-interċessjoni ta’ Marija Santissma biex tgħinna nkunu d-dielja li l-Mulej żergħa għal-ġid ta’ kulħadd u biex nferrgħu l-inbid tajjeb tal-ħniena tal-Mulej, speċjalment fil-periferiji tas-soċjetà.

 

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Milan ġie dikjarat beatu patri Arsenio da Trigolo (imwieled Giuseppe Migliavacca), saċerdot tal-patrijiet minuri kapuċċini u fundatur tas-Sorijiet ta’ Marija Santissma Konsolatriċi.  Infaħħru l-Mulej għal dan id-dixxiplu umli tiegħu, li fil-kuntrarju  u wkoll u waqt il-prova – għadda minn ħafna u ħafna – qatt ma tilef it-tama.

Insellem minn qalbi lilkom, pellegrini, l-aktar lill-familji, lill-gruppi parrokkjali li ġejjin mill-Italja u minn diversi nħawi tad-dinja.  Partikolarment: lill-fidili mill-Awstralja, minn Franza u mis-Slovakkja, kif ukoll lil dawk li ġejjin mill-Polonja, li jingħaqdu spiritwalment mal-konnazzjonali tagħhom li llum qed jiċċelebraw Il-Jum tal-Papa.

Insellem b’imħabba lilkom, il-grupp tas-Santwarju tal-Madonna ta’ Fatima minn Città del Pieve, akkumpanjati mill-Kardinal Gualtiero Bassetti: għeżież ħuti, nikuraġġikom biex tibqgħu mexjin il-mixja tal-fidi tagħkom  bil-ferħ, taħt il-ħarsa mimlija ħrara u tenera ta’ omma ċelesti: Hi r-rifuġju tagħna u t-tama tagħna!  Ibqgħu mexjin.

Insellem lill-fidili minn Grumo Appula, l-iskawts minn Gioiosa Ionica, il-kor parrokkjali minn Siror (Trento) u liż-żgħażagħ li se jagħmlu l-Griżma minn San Teodoro (Sardinja).

Nawgura lilkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber