ANGELUS

PAPA FRANĠISKU

Il-Ħadd, 8 ta' Settembru 2013

 

Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba:

Fil-Vanġelu tallum Ġesù jtenni x’inhuma l-kundizzjonijiet għad-dixxipulat tiegħu: li ma nqiegħdu xejn qabel l-imħabba tagħna lejh, li nġorru s-salib u nimxu warajh.  Bosta nies resqu lejn Ġesù, riedu jkunu segwaċi tiegħu, imma riedu jagħmlu dan, biss, meta jseħħ xi sinjal li juri li hu l-Messija, ir-Re ta' Iżrael.

Iżda Ġesù ma jrid jqarraq b’ħadd.  Hu jaf eżattament x'kien qed jistennih f'Ġerusalemm, it-triq li kien qed jitlob minnu l-Misser: it-triq tas-Salib, tas-sagrifiċċju tiegħu nnifsu biex jifdina minn dnubietna.  Il-mixja wara Ġesù mhix xi parata trijonfali!  Il-mixja wara Ġesù hi li naqsmu miegħu mħabbtu ħanina, li nieħdu sehem fil-missjoni kbira tiegħu ta' ħniena lejn kull bniedem.  Il-missjoni ta' Ġesù hija preċiżament missjoni ta' ħniena, maħfra, imħabba! 

Ġesù hu tant ħanin! Din il-maħfra universali, din il-ħniena tiġi mis-salib.  Ġesù ma jridx iwettaq din il-missjoni waħdu, jrid li aħna naqsmuha miegħu din il-missjoni li fdalu l-Missier.

Wara l-qawmien mill-imwiet hu jgħid lid-dixxipli: Kif Missieri bagħat lili hekk jien nibgħat lilkom.... meta taħfru d-dnubiet, ikunu maħfura (Ġwanni 20: 21.22)  Dixxiplu ta' Ġesù jinża' minn ġidu kollu għax f'Ġesù jsib l-akbar ġid, dak li fih kull ġid ieħor jikseb il-valur tiegħu: ir-relazzjonijeit familjari, ir-relazzjonijiet l-oħra, ix-xogħol, l-għana kulturali u materjali...kollox...  In-Nisrani jiddistakka ruħu minn kollox u jsib kollox fil-loġika tal-Vanġelu: il-loġika tal-imħabba u l-qadi.

Biex jispjega din il-kundizzjoni, Ġesù juża żewġ parabboli: dik tat-torri li jrid jinbena u dik tar-re li jmur għall-gwerra.  It-tieni waħda hi din: Liema re, qabel ma jmur għall- gwerra kontra re ieħor, l-ewwel ma joqgħodx bilqegħda biex jara jekk bl-għaxart elef suldat ikunx jista' jeħodha kontra l-ieħor li ġej għalih b'għoxrin elf suldat?  U għalhekk, meta l-għadu jkun il-bogħod, jibgħat messaġġiera biex ifittex jagħmel paċi? (Luqa 14: 1-32).

Hawnhekk Ġesù ma jridx jiddiskuti l-gwerra, din hi biss parabbola.  Imma f'dal-waqt, meta aħna qed nitolbu bil-ħerqa għall-paċi, il-kelma tal-Mulej tolqotna mill-qrib.  Fundamentalment qed tgħidilna: hemm gwerra akbar li rridu niġġieldu lkoll kemm aħna!  Hija d-deċiżjoni qawwija u kuraġġuża li niċħdu l-ħażen u t-tlellix li dan iġib miegħu, li nagħżlu t-tajjeb u nkunu lesti biex inħallsu kollox personalment: dan hu li jfisser nimxu wara Kristu, nerfgħu salibna!  Din hi l-gwerra qalila kontra l-ħażen.

Xi skop hemm li niġġieldu l-gwerrer, ħafna gwerrer, jekk m'għandniex ħila niġġieldu din il-gwerra kbira kontra l-ħażen?  M'hemmx skop!  Ma jiswa xejn... Dan ifissser, fost kollox, li l-gwerra kontra l-ħażen hi l-le tagħna għall-mibegħda bejn l-aħwa u l-gideb li japprofitta ruħu minnha, li ngħidu le għall-vjolenza f'kull għamla tagħha, li ngħidu le għat-tixrid tal-armi tal-qerda u l-bejgħ tagħhom fis-swieq klandestini.

Hemm tant minnhom!  Hemm tant minnhom!  U dejjem jibqa' d-dubju: dik il-gwerra hemmhekk, jew hemmhekk – għax il-gwerer għaddejjin dejjem – hija verament gwerra kontra l-problemi jew hi gwerra kummerċjali, biex inbiegħu l-armi fis-swieq klandestini?  Dawn huma l-għedewwa li flimkien, magħqudin u kooerenti, għandna niġġieldu kontrihom bl-uniku għan li jsaltnu l-paċi u l-ġid komuni.

Għeżież ħuti, illum niftakru wkoll fit-twelid ta' Marija Verġni, ċelebrazzjoni li hi ħafna għall-qalb il-Knejjes orjentali.  Ilkoll kemm aħna issa nistgħu nibgħatu x-xewqat lil ħutna kollha, isqfijiet, patrijiet, sorijet tal-Knejjes orjentali Ortodossi u Kattoliċi: l-isbaħ xewqat minn għadna!

Ġesù huwa x-xemx, Marija hi l-ewwel raġġ ta' dawl li jħabbar iż-żerniq.  Ilbieraħ filgħaxija kellna l-vġili u invokajna l-interċessjoni tagħha bit-talb, għall-paċi fid-dinja, speċjalment fis-Sirja u fil-Lvant Nofsani kollu.  Nitolbuha issa, bħala reġina tal-Paċi: Reġina tal-Paċi, itlob għalina!  Reġina tal-Paċi, itlob għalina!

 

Wara t-talba tal-Angelus il-Papa żied dan l-appell:

Nixtieq inrodd ħajr lil dawk kollha, b'xi diversi modi  ħadu sehem fil-velja u sawm tal-bieraħ filgħaxija.  Nirringrazzja  lil dawk il-ħafna li offrew it-tbatijiet tagħhom u lill-awtoritajiet ċivili kif ukoll lill-membri tal-komunitajiet Insara l-oħra u dawk ta' reliġjonijiet oħra u lin-nies kollha ta' rieda tajba li, f'din l-okkażjoni, għaddew ħinijiet ta' talb, sawm u riflessjoni.

Imma xorta waħda jibqgħalna l-biċċa xogħol li nimxu 'l quddiem bit-talb u l-ħidma għall-paċi.  Nistedinkom ilkoll biex tkomplu titolbu sabiex il-vjolenza u l-qerda li qed iseħħu fis-Sirja jieqfu minnufih u jkun hemm sforzi ġodda biex tinstab soluzzjoni għall-din il-gwerra bejn l-aħwa.

Nitolbu wkoll għall-pajjiżi l-oħra tal-Lvant Nofsani, partikolarment il-Libanu, biex isib l-istabbilità tant mixtieqa u jkompli jkun mudell ta' koeżistenza; għall-Iraq, biex il-vjolenza settarja ċċedi postha għar-rikonċiljazzjoni; u biex il-proċess ta' paċi bejn iżrael u l-Palestinjani jkompli bid-determinazzjoni u l-kuraġġ.

Fl-aħħar, ejjew nitolbu wkoll għall-Eġittu, biex l-Eġizzjani kollha. Musulmani u Nsara, jimpenjaw ruħhom biex flimkien jibnu soċjetà li tkun ta' ġid għall-popolazzjoni kollha.

It-triq lejn il-paċi hija twila u titlob paċenzja u perseveranza!  Ejjew inkomplu nitolbu għal dan, temm Franġisku.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber. 

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija.