Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Il-vanġelu tal-lum (Ġw 2,13-25) jippreżentalna l-episodju tat-tkeċċija tal-bejjiegħa mit-tempju, Ġesù “għamel sawt mill-ħbula u keċċa lil kulħadd ‘il barra, bin-nagħaġ u l-barrin tagħhom” (v. 15), il-flus, kollox.  Ġest bħal dan ħalla impressjoni kbira fuq il-poplu u fuq id-dixxipli.  Dan deher biċ-ċara bħala ġest profetiku, tant li wħud minn dawk li kienu hemm saqsew lil Ġesù: “X'sinjal se turina li inti tista' tagħmel dan?” (v. 18), min int biex tagħmel ħwejjeġ bħal dawn? Urina sinjal li juri li int għandel l-awtorità tagħmilhom.  Kienu qed ifittxu sinjal divin, xi miraklu li juri li Ġesù kien il-mibgħut ta’ Alla.  U hu weġibhom: “Ħottu dan it-tempju u fi tlett ijiem nerġa’ nibnih” (v. 19). Wieġbuh: “Dan it-tempju ħa sitta u erbgħin sena biex inbena, u int se ttellgħu fi tlitt ijiem?” (v. 20).  Ma fehmux li l-Mulej kien qed jitkellem dwar il-tempju ħaj ta’ ġismu, li kien se jiġi meqrud fil-mewt tas-salib, imma li kien se jerġa’ jqum fit-tielet jum.  Għalhekk “fi tlett ijiem”. “Meta mbagħad qam mill-imwiet, id-dixxipli tiegħu ftakru f'dan li kien qal, u emmnu fl-Iskrittura u fil-kliem li kien qal Ġesù.” (v. 22)

Fil-fatt, dan il-ġest ta’ Ġesù u l-messaġġ profetiku tiegħu jinftehmu b’mod sħiħ fid-dawl tal-Għid.  Hawn għandna, skont l-evanġelista Ġwannni, l-ewwel tħabbira tal-mewt u l-qawmien ta’ Kristu: ġismu, meqrud fuq is-salib mill-vjolenza tad-dnub, isir fil-Qawmin il-post fejn jiltaqgħu il-bnedmin ma’ Alla.  U Kristu Rxoxt huwa tassew il-post tal-laqgħa universali – għal kulħadd – bejn Alla u l-bnedmin.  Għalhekk l-umanità tiegħu hija it-tempju tassew, fejn Alla juri lilu nnifsu, jitkellem, iħalli lil min jiltaqa’ miegħu; u dawk li tassew jadurawh, dawk li tassew jaduraw lil Alla mhumiex dawk li jieħdu ħsieb it-tempju materjali, dawk li għandhom ill-qawwa jew l-għarfien reliġjuż, huma dawk li jaduraw lil Alla “fl-ispirtu u l-verità (Ġw 4,23).

F’dan iż-żmien tar-Randan qed inħejju ruħna biex għaċ-ċeebrazzjoni tal-Għid, meta nġeddu l-wegħdiet tal-magħmudija tagħna.  Nimxu fid-dinja bħama għamel Ġesù u nagħmlu minn ħajjitna sinjal tal-imħabba tiegħu għal ħutna, speċjalment dawk l-aktar dgħajfin u fqar, nibnu għal għall tempju fil-ħajja tagħna.U hekk ngħinu lil dawk li niltaqgħu magħhom fi triqtna jiltaqgħu ma’ Alla.  Jekk inkunu xhieda ta’ dan Kristu ħaj, ħafna nies jiltaqgħu ma’ Ġesù f’ħajjitna, fix-xhieda tagħna.  Imma – jistaqsuna, u kull wieħed minna jista’ jistaqsi – il-Mulej tassew inħossu komdu fil-ħajja tiegħi? Inħalluħ “inaddaf” fil-qalb tagħna u jkeċċi l-idoli, jiġifieri dik l-imġieba ta’ regħba, għira, ġibda lejn id-dinja, mibgħeda, dik id-drawwa ta’ tpaċpiċ żejjed fuq l-oħrajn?  Qiegħed inħallih inaddafni minn dawk l-atitudnijiet kollha li jmorru kontra Alla, kontra l-proxxmu u kontra tagħna nfusna, kif smajna fl-ewwel qari?  Kull wieħed jista’ jagħti tweġiba lilu nnifsu, fis-skiet, fil-qalb tiegħu.  “Qiegħed inħalli lil Ġesù inaddafli qalbi?”. “Oh, missier, nibża’ li ssawwatni!”.  Imma Ġesù qatt ma jsawwat.  Ġesù jnaddaf bil-ħlewwa, bil-hniena, bl-imħabba.  Il-hniena huwa l-mod kif hu jnaddaf.  Ejjew inħalluh – kull wieħed minna – ejjew inħallu lill-Mulej jidħol bil-hniena tiegħu – mhux bis-sawt, le, imma bil-hniena – biex inaddfilna qlubna.  Is-sawt li Ġesù juża magħna hija l-hniena tiegħu.  Ejjew niftħulu l-bieb sabiex jidħol inaddaf ftit.

Kull quddiesa li niċċelebraw bil-fidi tgħinna nikbru bħala tempju ħaj tal-Mulej, grazzi għat-tqarbina bil-ġisem tiegħu imsallab u mqajjem. Ġesù jaf dak li hemm ġo kull wieħed minna, u jaf ukoll xinhu dak li nixtiequ l-aktar: dak li hu jgħix fina, hu biss.  Ejjew inħalluh jidħol fil-ħajja tagħna, fil-familja tagħna, fil-qalb tagħna.  L-Imqaddsa Marija, it-tempju l-aktar privileġġjat tal-Iben ta’ Alla, timxi magħna u tqawwina fil-mixja tar-Randan, sabiex nagħrfu mill-ġdid il-ġmiel tal-laqgħa ma’ Kristu, li jeħlisna u jsalvana.

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

insellem lill-pellegrini kollha minn Ruma u dawk li ġejjin minn divesi partijiet tad-dinja.  Insellem l-insara ta’ Curitiba (fil-Brażil), il-gruppi parrokkjali ta’ Treviso, Genova, Crotone u l’Aquila u tal-inħawi ta’ Domodossola.  Insellem b’mod speċjali liż-żgħażagħ ta’ Garda li rċevew il-Griżma tal-Isqof.

Tul dan ir-randan ejjew infittxu li nkunu aktar qrib ta’ persuni li għaddejjin minn xi diffikultà: qrib tagħhom b’qalba, bit-talb u bis-solidarjetà.

Illum, it-8 ta’ Marzu, insellem lin-nisa kollha!  Lil dawk in-nisa li kuljum jippruvaw jibdu soċjetà aktar umana u aktar dħulija.  Inwassal ringrazzjament fratern anke lil dawk li b’elf mod jagħtu xhieda tal-vanġelu u li jaħdmu għall-knisja.  U din hija okkażjoni għalina biex infakkru l-importanza tagħhom u l-bżonn tagħhom fil-ħajja.  Dinha fejn il-mara hija emarġinata hija dinja sterili, għax il-mara mhux biss iġġib il-ħajja imma twassal il-kapaċità biex naraw aktar ‘il hemm – il-mara tara aktar ‘il hemm – tgħaddilna l-kapaċità li nifhmu d-dinja b’għajnejn differenti, li nisimgħu l-affarijiet b’qalb aktar kreattiva, aktar paċenzjuża, aktar ħelwa.  Talba u barka speċjali għan-nisa kollha hawn preżenti fil-pjazza u għan-nisa kollha ! Insellmilkom !

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia