Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (Mark 1, 29-39) jurina lil Ġesù li, wara li kien ipprietka fis-sinagoga f’jum is-Sibt, ifejjaq ħafna morda.  Jipprietka u jfejjaq: dawn kienu l-attivitajiet prinċipali ta’ Ġesù tul il-ħajja pubblika tiegħu.  Bil-predikazzjoni Hu jħabbar is-Saltna t’Alla u bil-fejqan juri li qiegħed qrib, li s-Saltna t’Alla tinsab fostna.

Wara li daħal fid-dar ta’ Xmun Pietru, jara li omm martu kienet fis-sodda bid-deni: mill-ewwel jaqbdilha idha, ifejjaqha u jqajjimha.  Wara nżul ix-xemx, meta ntemm is-Sibt, in-nies bdew iġibulu ‘l-morda.  Hu jfejjaq għad kbir ta’ morda b’mard ta’ kull tip: fiżiku, psikiku, spiritwali.  Hu, li ġie fid-dinja biex iħabbar u jġib is-salvazzjoni għall-bniedem sħiħ u tal-bnedmin kollha, juri li jiffavorixxi lil dawk li huma feruti fil-ġisem u fl-ispirtu: il-foqra, il-midinbin, dawk maħkumin mix-xitan, il-morda, l-imwarrbin.  B’hekk Hu juri li hu tabib kemm tar-ruħ u wkoll tal-ġisem.  Hu il-veru Salvatur: Ġesù jsalva, Ġesù jikkura, Ġesù jfejjaq.

Din ir-realtà tal-fejqan tal-morda min-naħa ta’ Ġesù, tistedinna nirriflettu fuq is-sens u l-valur tal-mard.  B’dan niftakru l-Jum Dinji tal-Morda li se niċċelebraw nhar il-11 ta’ Frar, tifkira liturġika tal-Madonna ta’ Lourdes.  Inbierek l-inizjattivi li jsiru għal dil-ġurnata, partikolarment il-velja li se ssir f’Ruma nhar l-10 ta’ Frar filgħaxija.  Niftakru wkoll fil-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Pastorali tas-Saħħa, Mons. Zygmunt Zimowski, li jinsab il-Polonja għax marid ħafna.  Nitolbu għalih, għal saħħtu, għax kien hu li ħejja din il-ġurnata u qed jakkumpanjana bit-tbatija tiegħu f’dan il-jum.  Nitolbu għal Mons. Zimowski.

L-opra salvifika ta’ Kristu ma tintemmx mal-persuna tiegħu u maż-żmien li għadda fil-ħajja f’did-dinja; din tkompli permezz tal-Knisja, sagrament tal-imħabba u t-tenerezza ta’ Alla lejn il-bnedmin.  Meta jibgħat lid-dixxipli tiegħu f’missjoni, Ġesù jtihom mandat doppju: li jħabbru l-Evanġelju tas-salvazzjoni u jfejqu l-morda (Matt, 10, 7-8).  Il-Knisja, fidila lejn dan it-tagħlim, minn dejjem qieset li l-għajnuna lill-morda hi parti integrali mill-missjoni tagħha.

Il-foqra u l-batuti dejjem se jkunu magħkom, iwissi Ġesù (Matt. 26, 11) u l-Knisja ssibhom dejjem fit-triqitha għax tqis lill-morda bħala triq privileġġjata li biha tiltaqa’ ma’ Kristu, biex tilqgħu u taqdih.  Meta tikkura lill-marid, tilqgħu, isservih, tkun qed isservi lil Kristu: il-marid hu l-laħam ta’ Kristu.

Dan iseħħ anki fi żmienna, meta, minkejja dak kollu li skopriet ix-xjenza, it-tbatija interjuri u fiżika tal-bnedmin tqanqal mistoqsijiet qawwija dwar is-sens tal-mard u tat-tbatija u għaliex hemm il-mewt.  Dawn huma mistoqsijiet eżistenzjali, li għalihom il-ħidma pastorali tal-Knisja għandha twieġeb bid-dawl tal-fidi, għax quddiem għajnejha għandna l-Kurċifiss, li fih jidher il-misteru kollu tas-salvazzjoni ta’ Alla l-Missier, li għall-imħabba tal-bnedmin ma ħelishiex lanqas lill-istess Ibnu (Ruma 8,32).  Għalhekk kull wieħed u waħda minna, aħna msejħin biex inwasslu d-dawl tal-Kelma t’Alla u l-qawwa tal-grazzja lil dawk li jbatu u lil kull min jassistihom, familjari, tobba, nersis, biex is-servizz tal-morda jsir dejjem b’umanità akbar, b’dedikazjzoni ġeneruża, b’imħabba evanġelika, bit-tenerezza.  Il-Knisja Omm, bis-saħħa ta’ jdejna, tmelles it-tbatijiet tagħna u tikkura l-ġrieħi tagħna.  Dan tagħmlu bit-tenerezza ta’ omm.

Nitolbu lil Marija, Saħħa tal-Morda, sabiex kull persuna marida tkun tista’ ssib il-qawwa tal-imħabba t’Alla u l-faraġ tat-tenerezza materna tiegħu, grazzi għall-attenzjoni ta’ kull min ikun ħdejha.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum 8 ta’ Frara, tifkira liturġika ta’ Santa Ġużeppina Bakhita, is-soru mis-Sudan li fi tfulitha għaddiet mill-esperjenza drammatika għax vittma tat-traffikar uman, l-Għaqdiet tas-Superjuri Ġenerali tal-Istituti Reliġjużi Rġiel u Nisa, qed jiċċelebraw Jum ta’ talb u riflessjoni kontra t-traffikar uman.  Nagħmel kuraġġ lil kull min hu impenjat fl-għajnuna lil irġiel, nisa u tfal skajviżżati, sfruttati, abbużati u wżati bħala għodda għax-xogħol jew tal-pjaċir u spiss torutrati jew mutilati.  Nawgura li kull min hu responsabbli fil-gvernijiet jimpenja ruħu bid-deċiżjoni ħa jitwarrbu l-kawżi ta’ din il-ferita tal-mistħija, ġerħa li ma tagħmilx ġieħ lis-soċjetà ċivili.  Kull wieħed u waħda minnha għandna nħossu l-impenn li nagħtu leħen lil dawn ħutna umiljati fid-dinjità tagħhom.  Ejjew nitolbu flimkien lill-Madonna għalihom u għall-familjari tagħhom.  (Ave Maria).

Insellem lill-pellegrini kollha li hawn preżenti, lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet.  Insellem partikolarment lill-fidili minn Caravaca de la Cruz (Spanja) minn Agnani, Marcon, Quarticolo u Corato; il-kor tal-Arċidjoċesi ta’ Modena-Nonantola, liż-żgħażagħ minn Buccinasco kif ukoll lil dawk li ġejjin mill-Lettonja u mill-Brażil.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber