Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, festa tal-Magħmudija ta’ Ġesù, l-Evanġelju (Mt 3, 13-17) jippreżentalna x-xena li seħħet fix-xmara Ġordan: fost il-folla li kienet riesqa lejn Ġwanni l-Battista biex titgħammed hemm ukoll Ġesù.  Kien qiegħed fil-kju.  Ġwanni jixtieq iwaqqfu, u jgħidlu: «Jien għandi nitgħammed mingħandek» (Mt 3,14).  Infatti l-Battista jagħraf sewwa d-distanza kbira li hemm bejnu u Ġesù.  Imma Ġesù għalhekk ġie, biex ineħħi d-distanza bejn il-bniedem u Alla: jekk Huwa hu kollox min-naħa ta’ Alla, Huwa wkoll hu kollox min-naħa tal-bniedem.  B’hekk jgħaqqad dak li kien mifrud.  Għalhekk jitlob li Ġwanni biex jgħammdu, biex b’hekk il-ġustizzja ssib il-milja tagħha (cfr v. 15), jiġifieri li jiġi fis-seħħ il-pjan ta’ Alla li jgħaddi mill-ubbidjenza u s-solidarjetà mal-bniedem fraġli u midneb, it-triq tal-umiltà u tal-qrubija sħiħa ta’ Alla ma’ wliedu.  Għax Alla hu tant qrib tagħna, ħafna, ħafna!

Fil-ħin li Ġesù mgħammed minn Ġwanni, joħroġ mix-xmara Ġordan, leħen Alla l-Missier jinstama’ jgħid: «Dan hu ibni l-maħbub: fiH insib l-għaxqa tiegħi» (v, 17).  U fl-istjess waqt, l-Ispirtu s-Santu, f’għamla ta’ ħamiema, jieqaf fuq Ġes$ù li pubblikament jibda l-missjoni tas-salvazzjoni tiegħu: missjoni li l-istil karatteristiku tagħha hu stil ta’ qaddej umlli u manswet, armat biss fil-qawwa tal-verità kif kien ipprofetiżża Iżaija: «Ma jgħajjatx, lanqas ma jgħolli leħnu: qasba mġelġla ma jiksirhiex, musbieħ inemnem a jitfihx: ixandar is-sewwa bil-verità» (42, 2-3).  Qaddej umli u manswet.

Dan hu l-istil ta’ Ġesù u wkoll l-istil missjunarju tad-dixxipli tiegħu: it-tħabbir tal-Evanġelju bil-manswetudni u bid-deċiżjoni, mingħajr ma jgħajjat ma’ ħadd, imma bil-manswetudni u bil-fermezza, mingħajr arroganza u impożizzjoni.  Il-missjoni vera qatt m’hi l-prożelitiżmu imma l-attrazzjoni lejn Ġesù.  Imma kif?  Kif tinbena din il-ġibda lejn Ġesù?  Bix-xhieda personali, ibda mir-rabta qawwija miegħu permezz tat-talb, tal-adorazzjoni u l-karità konkreta li hi qadi ta’ Ġesù preżenti fl-iżgħar fost ħutna.  Bl-imitazzjoni ta Ġesù, ragħaj twajjeb u ħanin, u mqanqlin mill-grazzja tiegħu, aħna msejħin biex ħajjitna nagħmluha xhieda ferrieħa li ddawwl il-mixja, li tnissel tama u mħabba.

Dil-festa tgħinna niskopru mill-ġdid ir-rigal u s-sbuħija tagħna bħala poplu mgħammed, jiġifieri midneb – ilkoll kemm aħna midinbin – midinbin salvati mill-grazzja ta’ Kristu, realment, bil-ħidma tal-Ispirtu s-Santu, imdaħħlin fir-relazzjoni filjali ta’ Ġesù mal-Missier, milqugħin fi ħdan ommna l-Knisja, bil-ħila li nkunu aħwa mingħajr konfini u ħitan.

Il-Verġni Marija tgħin lilna l-Insara kollha nżommu kunxjenza ħajja u rikonoxxenti lejn il-Magħmudija tagħna biex bil-fedeltà nimxu fit-triq inawgurata b’das-Sagrament tat-twelid mill-ġdid tagħna.  U dejjem, umiltà, manswetudni u deċiżi.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti!

Fil-qafas ta’ dil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, dalgħodu għammidt għadd sabiħ ta’ trabi: tmienja u għoxrin.  Nitolbu għalihom u għall-familji tagħhom.  Ilbieraħ waranofsinhar ukoll, għammidt katekumenu żgħażugħ. U rrid li t-talba tiegħi tmur ukoll lejn il-ġenituri li f’daż-żmien qed iħejju l-Magħmudija ta’ xi ħadd minn uliedhom, jew li għadhom kif iċċelebrawha.  Ninvoka l-Ispirtu s-Santu fuqhom u fuq uliedhom, sabiex dan is-Sagrament, tant sempliċi u fl-istess waqt tant importanti, jingħex bil-fidi u bil-ferħ.

Irridu ukoll nagħmel stedina biex tingħaqdu max-Xibka Dinjija ta’ Talb tal-Papa, li xxerred, permezz tal-mezzi soċjali wkoll, l-intenzjonijiet tat-talb li jiena nipproponi lill-Knisja kollha, kull xahar.  B’hekk immexxu ‘l quddiem l-appostolat tat-talb u nsaħħu l-komunjoni.

F’dal-jiem ta’ tant kesħa qed naħseb u nistedinkom taħsbu f’dawk il-persuni kollha li jgħixu fit-triq, milqutin mill-kesħa u tant drabi mill-indifferenza.  Sfortunatament, uħud minnhom baqgħu taħtha.  Nitolbu għalihom u nitolbu l-Mulej ikebbsilna qlubna biex inkunu nistgħu ngħinuhom.

Insellmilkom ilkoll, fidili minn Ruma u pellegrini Taljani u minn pajjiżi oħra, partikolarment lill-grupp ta’ żgħażagħ minn Cagliari li ninkoraġġixxi biex jibqgħu mexjin fit-triq li bdew bis-Sagrament tal-Konfermazzjoni.  U nirringrazzjahom għax qed joffruli l-okkażjoni li nafferma li l-Konfermazzjoni jew il-Ġriżma, mhix biss tarf ta’ triq – kif jgħidu wħud, “is-Sagrament tal-addio”, le u le! – imma hi fuq kollox, punt tat-tluq lejn il-ħajja Nisranija.  Nibqgħu mexjin ‘’il quddiem bil-ferħ tal-Evanġelju!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.   Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-malti. Mit-Taljan minn Joe Huber