Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba !

Dan il-Ħadd jimmarka t-tieni waqfa taż-Żmien tal-Avvent, żmien sabiħ ħafna li jqajjem mill-ġdid fina l-istennija għall-miġja mill-ġdid ta’ Kristu u t-tifkira tal-ewwel miġja tiegħu fl-istorja.  Il-liturġija tal-lum tippreżntalna messaġġ mimli tama.  Hija l-istedina  tal-Mulej imwassla minn ħalq il-profeta Iżaija :  « Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi, jgħid Alla tagħkom » (40, 1).  B’dawn il-kelmiet jingħata bidu għall-Ktieb tal-Faraġ, li fih il-profeta jwassal it-tħabbira tal-ħelsien lill-poplu li kien jinsab fil-jasar.  Żmien it-taqlib kien wasal fi tmiemu ; il-poplu ta’ Iżrael jista’ jħares bit-tama lejn il-ġejjieni : fl-aħħar kien wasal iż-żmien li jmur lura lejn pajjiżu.  Għal dan il-għan l-istedija hija biex jitħalla jitfarraġ mill-Mulej.

Iżaija qiegħed jitkellem ma’ nies li kienu għaddew minn żmien imdallam, nies li kien għadda minn prova iebsa ħafna ; imma issa wasal iż-żmien tal-faraġ.  Id-dwejjaq u l-biża issa jwarrbu biex flokhom jidħol il-ferħ, għax il-Mulej innifsu se jmexxi l-poplu tiegħu fit-triq tal-ħelsien u tas-salvazzjoni.  Kif se jagħmel dan kollu? Permezz tat-tħabrik u l-ħlewwa ta’ ragħaj li jieħu ħsieb il-merħla tiegħu.  Dan fil-fatt se jgħaqqad il-merħla u jħarisha, joħodha fejn tirgħa, jiġbor fil-maqjel tiegħu in-nagħaġ li xterdu, jagħti attenzjoni kbira lil dawk li huma l-aktar fraġli u dgħajfa (v. 11).  Dan huwa kif Alla jġib ruħu magħna, il-ħlejjaq tiegħu.  Għaldaqstant il-profeta jistieden lil min qiegħed jisimgħu – inklużi aħna, illum – biex ixerrdu fost il-poplu din l-aħbar ta’ tama :  li l-Mulej isabbarna. L-istedina hija wkoll biex f’ħajjitna nagħmlu spazju għal dan il-faraġ li ġej mill-Mulej.

Imma ma nistgħux inkunu l-messaġġiera tal-faraġ ta’ Alla jekk l-ewwel ma nkunux aħna li jkollna l-esperjenza tal-faraġ u tal-imħabba tiegħu.  Din l-esperjenza tiġi l-ewwel u qabel kollox meta nisimgħu l-Kelma tiegħu, mill-Vanġelu, li għandna dejjem inġorru magħna fil-but : tinsewhx dan!  Inżommu l-Vanġelu fil-but jew fil-basket biex inkunu nistgħu naqraw minnu l-ħin kollu.  U dan itina l-faraġ:  meta nibqgħu fil-preżenza tiegħu miġburin fit-talb fis-skiet, meta niltaqgħu miegħu fl-Ewkaristija jew fis-sagrament tal-Maħfra.  Dan kollu jtina l-faraġ.

Ejjew mela nħallu li l-istedina ta’ Iżaija - «Farrġu, farrġu l-poplu tiegħi» - jinstema fil-qalb tagħna f’dan iż-żmien tal-Avvent.  Illum hawn bżonn ta’ persuni li jkunu xhieda tal-hniena u tal-ħlewwa tal-Mulej, li jħarrek lil min qata’ qalbu, li iqajjem mill-ġdid lil min tilef it-tama, li jkebbes in-nar tat-tama.  Hu, mhux aħna, jkebbes in-nar tat-tama! Ħafna huma s-sitwazzjonijiet li jitolbu x-xhieda tagħna li ġġib il-faraġ.  Hemm bżonn li nkunu persuni ta’ ferħ, persuni imfarrġa.  Qed jiġuni f’moħħi kemm nies huma mjassra mit-tbatijiet, mill-inġustizzji u mill-abbużi ; qed naħseb f’kemm huma ilsiera tal-flus, tal-poter, tas-suċċess, tal-ħajja tad-dinja.  Imsejknin!  Dawn hawn faraġ kosmetiku, mhux il-faraġ veru li jagħti l-Mulej!  Aħna lkoll imsejjħin biex infarrġu lil ħutna, billi nuruhom li Alla biss jista’ jegħleb il-kawżi tad-drammi eżistenzjali u spiritwali. Dan hu jista’ jagħmlu, għax hu qawwi!

L-aħbar ta’ Iżaija li tinstema’ f’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent, hija balzmu fuq il-feriti tagħna, u tħeġġiġa biex inħejju b’impenn it-triq tal-Mulej.  Il-profeta, fil-fatt, illum ikellem lill-qalb tagħna biex jgħidilna li Alla jinsa d-dnubiet tagħna u jfarraġna.  Jekk aħna nafdaw lilna nfusna f’idejH b’qalb umli u niedma, Hu jwaqqa’ l-ħitan tal-ħażen, jimla l-ħofor tad-dmirijiet li ħallejna, iwitti t-tumbati tas-suppervja u tal-vanità u jiftaħ it-triq biex niltaqgħu miegħu.  Hija ħaġa kurjuża, imma sbiss nibżgħu mill-faraġ, milli nkunu mfarrġa minn Alla. Anzi, aktar inħossuna nafu fejn qiegħedin fid-dwejjaq u fin-niket.  Tafu għalfejn? Għax fid-dwejjaq inħossuna l-protagonisti!  Iżda fil-faraġ il-protagonista huwa l-Ispirtu s-Santu!  Hu li jfarraġna, Hu jtina l-kuraġġ noħorġu minna nfusna.  Hu li jwassalna fl-għajn ta’ kull faraġ veru, jiġifieri għand il-Missier!  Din hija l-konverżjoni.  Nitlobkom, ħallu lilkom infuskom tiġu mfraġġa mill-Mulej!  Ħallu lilkom infuskom tiġu mfarrġa mill-Mulej!

Il-Verġni Marija hija t-triq li Alla nniffsu ħejja għalih biex jiġi fid-dinja.  Ejjew nafdaw lilha s-salvazzjoni u tal-paċi li l-bnedmin kollha ta’ żmienna qed jistennew.

__

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ :

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll, l-insara ta’ Ruma u l-pellegrini li ġew mill-Italja u minn diversi Pajjiżi : il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet.  Insellem b’mod partikulari lill-missjunarji rġiel u nisa Identes, li tant huma tajbin u li jagħmlu tant tajjeb ; l-insara ta’ Bianzè, Dalmine, Sassuolo, Arpaìse u Oliveri ; il-komunità tar-Rumani ta’ Cordenons – Pordenone ; l-għaqda « Porta Aperta » ta’ Modena, il-familji ta’ Fratta Polesine, iż-żgħażagħ ta’ Petosino.

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. Jekk jogħġbokom ħallu lilkom infuskom tiġu mfarrġa mill-Mulej ! Ftehmna? Ħallu lilkom infuskom tiġu mfarrġa mill-Mulej! U tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u nsellmilkom! U nawguralkom għal għada, f’Jum l-Immakulata. Il-Mulej iberikkom.

 

 

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.