Għeżież ħuti,

Fil-paġna tal-Evanġelju tal-lum (Luqa 12, 32-48), Ġesù jkellem lid-dixxipli tiegħu dwar kif għandhom iġibu ruħhom fid-dawl tal-aħħar laqgħa miegħu, u jispjega kif din l-istennija għandha timbuttana biex ngħejxu ħajja għanja bl-orpi tajba.  Fost kollox jgħid: «Bigħu ġidkom kollu u agħtuh karità lill-foqra; fittxu għalikom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel ma jersaq u lanqas il-kamla ma tħassar» (v. 33).  Hija stedina biex nagħtu valur lill-elemożina bħala opra tal-ħniena u ma nqegħdux il-fiduċja tagħba fi ħwejjeġ li jgħaddu, nużaw l-affarijiet mingħajr attakkament egoistiku imma skont il-loġika ta’ Alla, il-loġika tal-attenzjoni lejn l-oħrajn, il-loġika tal-imħabba.  Aħna nistgħu nkunu marbutin ħafna mal-flus, ikollna ħafna affarijiet, imma fl-aħħar ma nistgħux neħduhom magħna.  Ftakru li l-kefen m’għandux but.

It-tagħlim ta’ Ġesù jkompli bi tliet parabboli qosra dwar is-suġġett tas-sahra.  Dan hu importanti ħafna: is-sahra, inkunu attenti, ngħassu tul ħajjitna.  L-ewwel waħda hi l-parabbola tal-qaddejja li mal-lejl jistennew lil sidhom ġej lura.  «Imberkin dawk il-qaddejja li meta sidhom jasal lura jsibu jishru» (v.37): hija l-Beatitudni tal-istennija tal-Mulej bil-fidi, dejjem lesti, b’atteġġjament ta’ servizz.  Hu qiegħed magħna kuljum, iħabbat fuq il-bieb ta’ qalbna.  U jkun imbierek min jiftaħlu, għax ħlasu jkun kbir: infatti l-Mulej innifsu jsir qaddej tal-qaddejja tiegħu – hu ħlas sabiħ – fil-mejda kbira ta’ saltnatu fejn jgħaddi Hu stess iservihom.

B’dil-parabbola ambjentata mal-lejl, Ġesù jħares lejn il-ħajja bħala sahra ta’ stennija ħawtiela, li hi preludju għall-jum imdawwal tal-eternità.  Biex naslu għalih irridu nkunu dejjem lesti, fuq tagħna u mpenjati fis-servizz lejn l-oħrajn, bil-prospettiva ta’ faraġ li “hemmhekk” ma nkunux aħna li naqdu ‘l Alla, imma jkun Hu li jilqagħna għall-mejda tiegħu.  Jekk naħsbu sewwa, dan jiġri diġà llum kull darba li niltaqgħu mal-Mulej fit-talb, jew meta naqdu lill-foqra, u, fuq kollox, fl-Ewkaristija, fejn Hu jħejji mejda biex biha jitmagħna Kelmtu u Ġismu.

It-tixbiha tat-tieni parabbola hi l-ħalliel li jasal għal għarrieda.  Dan jitlob is-sahra; infatti l-eżortazzjoni ta’ Ġesù hija: «Kunu lesti għax fis-siegħa li ma tkunux qed tistennewh, jiġi Bin il-Bniedem» (v.40).  Id-dixxiplu hu dak li jistenna lill-Mulej u s-saltna tiegħu.  L-Evanġelju jiċċara din l-istennija bit-tielet parabbola: l-amministratur ta’ dar wara li jkun telaq sidu.  Fl-ewwel kwadru, l-amministratur fidil jaqdi dmiru bir-reqqa u jirċievi l-premju.  Fit-tieni kwadru, l-amministratur jabbuża mill-awtorità tiegħu u jsawwat lill-qaddejja.  Għalhekk, meta sidu jasal għal għarrieda, jieħu l-kastig.  Dix-xena tiddeskrivi sitwazzjoni li naraw spiss fi żmienna: tant inġustizzji, vjolenza, kattiverja li jitwettqu kuljum għax nemmnu li aħna padruni ta’ ħajjet l-oħrajn.  Aħna għandna sid wieħed li ma jħobbx min isejjaħlu “sid” imma “Missier”.  Aħna lkoll qaddejja, midinbin u ulied: Hu l-uniku Missier.

Illum Ġesù jfakkarna li l-istennija għall-beatitudni eterna ma teħlisniex mill-impenn li lid-dinja nagħmluha aktar ġusta u abitabbli.  Anzi, propju din it-tama tagħna li niksbu s-Saltna għall-eternità timbuttana biex naħdmu ħalli ntejbu l-kundizzjoni tal-ħajja fid-dinja, speċjalment ta’ ħutna l-aktar dgħajfa. 

Il-Verġni Marija tgħinna nkunu persuni tal-komunità mingħajr ma nintrabtu mal-preżent, jew agħar, li jkollna nostalġija tal-passat, imma nħarsu dejjem lejn il-futur ta’ Alla, lejn il-laqgħa miegħu, li hu ħajjitna u t-tama tagħna.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Sfortunatament mis-Sirja għadhom jaslu aħbarijiet dwar vittmi ċivili minħabba l-gwerra, partikolarment minn Aleppo.  Mhux aċċettabbli li tant persuni bla difiża – tant tfal ukoll – iħallsu l-prezz tal-kunflitt, il-prezz tal-għeluq tal-qalb u tan-nuqqas ta’ rieda għall-paċi min-naħa tas-setgħana.  Aħna qrib ħutna Sirjani bit-talb u s-solidarjetà u nqegħduhom taħt il-protezzjoni materna tal-Verġni Marija.  Ejjew nitolbu lkoll flimkien ftit fis-skiet u mbagħad ngħidu s-“Sliema”.

Insellem lilkom ikoll Rumani u pellegrini minn pajjiżi differenti!  Qed nara ħafna bnadar!

Illum hawn preżenti gruppi ta’ adoloxxenti u żgħażagħ.  Insellmilkom minn qalbi!  Partikolarment lill-grupp tal-pastorali taż-żgħażagħ minn Verona; liż-żgħażagħ minn Padova, Sandrigo u Brembilla; il-grupp tal-adoloxxenti minn Fasta, li ġew mill-Arġentina.  Imma dawn l-Arġentini jagħmlu l-istorbju kullimkien!  Kif ukoll insellem lill-adoloxxenti minn Campogalliano u San Matteo della Decima, li ġew Ruma biex jagħtu servizz ta’ volontarjat fiċ-ċentri tal-akkoljenza.

Insellem ukoll lill-fidili minn Sforzatica fid-djoċesi ta’ Bergamo.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber