Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

 

F’ħafna pajjiżi, fosthom l-Italja, illum qed tkun iċċelebrata s-solennità tal-Ġisem u d-Demm l-aktar Qaddis ta’ Kristu, jew, skont l-espressjoni Latina l-aktar magħrufa, is-solennità ta’ Corpus Domini.

L-Evanġelju jippreżentalna r-rakkont tat-twaqqif tal-Ewkaristija, li Ġesù għamel waqt l-Aħħar Ċena, fiċ-ċenaklu ta’ Ġerusalemm, lejlet il-mewt redentriċi tiegħu fuq is-Salib.  Hu għamel dak li kien ħabbar: «Jiena hu il-ħobż ħaj li niżel mis-sema.  Min jiekol minn dal-ħobż jgħix għal dejjem u l-ħobż li nagħti jien huwa ġismi għal ħajja tad-dinja…… Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih» (Ġwanni 6, 51.56).  Ġesù jieħu l-ħobż f’idejh  u jgħid «Ħudu, dan hu ġismi» (Mark 14,22).  B’dan il-ġest u b’dan il-kliem, lill-ħobż Hu tah funzjoni oħra li mhix aktar dik ta’ sempliċi nutriment fiżiku, imma dik li biha tkun preżenti l-Persuna tiegħu fost il-komunità ta’ min jemmen.

L-Aħħar Ċena tirrappreżenta l-qofol tal-ħajja kollha ta’ Kristu.  Mhix biss l-antiċipazzjoni tas-sagrifiċċju tiegħu li kellu jintemm fuq is-Salib, imma ukoll sintesi ta’ eżistenza offruta għas-salvazzjoni tal-umanità kollha.  Għalhekk mhux biżżejjed li naffermaw li Ġesù hu preżenti fl-Ewkaristija, imma jeħtieġ li fiha naraw il-preżenza ta’ ħajja mogħtija u nieħdu sehem minnha.  Meta nieħdu u nieklu dak il-Ħobż, aħna ningħaqdu mal-ħajja ta’ Ġesù, nidħlu f’komunjoni miegħu, nimpenjaw ruħna biex innisslu l-komunijoni bejnietna, biex nittrasformaw ħajjitna f’għotja, speċjalment għall-aktar foqra.

Il-festa tal-lum tqanqal dan il-messaġġ ta’ solidarjetà u timbuttana biex nilqgħu l-istedina intima għall-konverżjonni u għas-servizz, għall-imħabba u għall-maħfra.  Tistimolana biex, b’ħajjitna insiru nixbħu dak li qed niċċelebraw fill-liturġija.  Kristu li qed jitmagħna bl-ispeċi konsagrati tal-ħobż u tal-inbid, hu l-istess wieħed li jiġi jiltaqa’ magħna f’kull ma jiġri tul il-ġurnata: jinsab fil-fqir li qed joħroġ idu, f’min qed ibati u qed jitlob l-għajnuna, f’ħuna li jitlob id-disponibbiltà tagħna u jistenna li nilqugħ.  Tinsab fiċ-ċkejknin li ma jafu xejn dwar Ġesù, dwar is-salvazzjoni, li m’għandhomx fidi.  U wkoll f’kull ħlejqa umana anki l-aktar waħda żgħira u li m’għandhiex difiża.

L-Ewkaristija, għajn ta’ mħabba għall-ħajja tal-Knisja, hija skola ta’ karità u solidarjetà.  Min jiekol il-Ħobż ta’ Kristu ma jistax jibqa’ indifferenti quddiem min m’għandux il-hobża ta’ kuljum.  U llum nafu li din hi probelma li qed tikber dejjem.

Jalla l-festa ta’ Corpus Domini tispira u tmantni dejjem aktar f’kull wieħed u waħda minna x-xewqa u l-impenn t6a’ soċjetà aktar akkoljenti u solidali.  Inqegħdu dawn it-tamiet fil-qalb tal-Verġni Marija, il-Mara Ewkaristika, biex Hi tnissel fina l-ferħ tal-parteċipazzjoni fil-quddiesa, speċjalment fil-jum tal-Ħadd, u ttina l-kuraġġ biex nagħtu xhieda ferrieħa tal-karità infinita ta’ Kristu.


Wara l-Angelus:

Għeżiż ħuti,

Hemmisfel qed naqra kartellun lil għid “bentornato”!  Grazzi, għax ilbieraħ kont Sarajevo fil-Bożnja u l-Erżegovina, bħala pellegrin tal-paċi u t-tama.  Sarajevo hija belt-simbolu.  Għal sekli sħaħ kienet post fejn għexu flimkien popli u reliġjonijiet differenti tant, li kienet tissejjaħ “Ġerusalemm tal-punent”.  Fiż-żmien reċenti saret simbolu tal-qerda tal-gwerra.   Issa għaddej proċess sabiħ ta’ rikonċiljazzjoni u din kienet ir-raġuni ewlenija għala mort: biex ninkoraġġixxi din il-mixja ta’ konvivenza paċifika bejn popolazzjonijiet differenti; mixja tqila, diffiċli imma possibbli!  U sejrin tajjeb.   Inġedded ir-rikonoxxenza tiegħi lejn l-awtoritajiet u lejn iċ-ċittadinanza kollha għall-laqgħa entużjasta li tawni.  Nirringrazzja lill-għażiża komunità Kattolika li ridt inwasslilha l-imħabba tal-Knisja universali u nirringrazzja partikolarment lill-fidili kollha: l-Ortodossi, il-Musulmani, l-Għebrej u l-oħrajn li jiffurmaw il-minoranzi reliġjużi.  Apprezzajt l-impenn fil-kollaborazzjoni u s-solidarjetà bejn dawn in-nies ta’ reliġjonijiet differenti u nixpruna lil kulħadd biex ikomplu din l-opra ta’ rikostruzzjoni spiritwali u morali tas-soċjetà.  Huma jaħdmu flimkien verament bħal aħwa.  Il-Mulej ibierek lil Sarajevo u l-Bożnja u l-Erżegovina.

Nhar il-Ġimgħa li ġej, fis-Solennità tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù naħsbu fl-imħabba ta’ Ġesù, kif ħabbna; din l-imħabba kollha tinsab f’qalbu.  Nhar il-Ġimgħa jiġi ċelebrat ukoll il-Jum Dinji kontra x-Xogħol mill-Minuri.  Tant tfal madwar id-dinja m’għandhomx il-libertà li jilgħabu, li jmorru l-iskola u jispiċċaw sfruttati bħala ħaddiema tal-id.  Nawgura li l-Komunità Internazzjonali timpenja ruħha bla telf ta’ żmien u bla waqfien biex tippromwovi u tagħraf bil-fatti d-drittijiet tal-minuri.

U issa nsellem lilkom ilkoll pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Qed nara bnadar ta’ pajjiżi differnti. Insellem partikolarment lill-fidili minn Madrid, minn Brażilja u minn Curitiba; lil dawk minn Chiavari, Catania u Cottolengo (Brescia).  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber