Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd jirrakkonta – skont San Luqa – is-sejħa tal-ewwel dixxipli ta’ Ġesù (Luqa 5,1-11).  Il-fatt iseħħ f’kuntest tal-ħajja ta’ kuljum: hemm xi sajjieda fuq ix-xatt tal-Għadira tal-Galileja, li, wara lejl ta’ xogħol bla ma qabdu xejn, qed jaħslu u jirranġaw ix-xbiek.  Ġesù jitla’ fuq id-dagħjsa ta’ wieħed minnnom, dik ta’ Xmun, imsejjaħ Pietru, jitolbu jaqla’ ftit ‘il barra mix-xatt u jibda jipprietka l-Kelma t’Ala lin-nies li kienet inġabret f’għadd kbir.  Meta jtemm jitkellem, jgħidlu biex jaqdef aktar fil-fond u jitfa’ x-xbiek.  Xmun kien diġà jafu lil Ġesù u kien ħass il-qawwa prodiġjuża tal-kelma tiegħu, għalhekk iwieġbu: «Mgħallem, ilna nitħabtu l-lejl kollu u ma qbadna xejn; imma minħabba fi kliemek se nitfa’ x-xbiek» (v. 5).  U din il-fidi tiegħu ma tisfax imqarrqa: fil-fatt ix-xbiek jimtlew b’għadd tant kbir ta’ ħut li kważi nqasmu (cfr v. 6).

Quddiem dan l-avveniment straordinarju, is-sajjieda qabadhom biża’ kbir.  Xmun Pietru jinxteħet f’riġlejn Ġesù u jgħidlu: «Mulej, tbiegħed minni għax jiena midneb (v. 8).  Dak is-sinjal prodiġjuż ikkonvinċih li Ġesù ma kienx biss mgħallem formidabbli li kelmtu hi vera u qawwija, imma li Hu huwa l-Mulej, hu l-manifestazzjoni ta’ Alla.  U din il-qrubija tqanqal f’Pietru sens qawwi tal-miżerja u x-xejn tiegħu.  Mill-aspett uman jaħseb li għandu jkun hemm distanza bejn il-midneb u l-Qaddis.  Fil-verità, propju l-kundizzjoni tiegħu ta’ midneb titlob li l-Mulej ma jitbiegħedx minnu, bl-istess mod kif it-tabib ma jistax jitbiegħed mill-marid.

It-tweġiba ta’ Ġesù lil Xmun Pietru hi ta’ serħan il-moħħ u deċiża: «Tibżax; minn isssa ‘l quddiem int tkun sajjied tan-nies» (v. 10). U mill-ġdid, is-sajjied tal-Galileja, iqiegħed il-fiduċja tiegħu f’dil-kelma, jitlaq kollox u jmur wara Dak li sar l-Imgħallem u l-Mulej tiegħu.  L-istess għamlu Ġakbu u Ġwanni, sħab Xmun fix-xogħol.  Din hi l-loġika li tmexxi l-missjoni ta’ Ġesù u hija l-missjoni tal-Knisja: tmur tfittex, “tistad” għall-bnedmin mhux biex tagħmel il-prożelitiżmu imma biex trodd lura lil kulħadd id-dinjità u l-libertà sħiħa permezz tal-maħfra tad-dnubiet.  Dan hu dak li hu essenzjali fil-Kristjaneżmu: li jxerred l-imħabba li ġġedded u gratwita ta’ Alla, b’atteġġjament ta’ akkoljenza u ħniena lejn kulħadd, ħalli kulħadd ikun jista’ jduq it-tenerezza ta’ Alla u jkollu l-milja tal-ħajja.  U hawn, b’mod partikolari, naħseb fil-konfessuri: huma tal-ewwel li għandhom id-dmir li jagħtu l-ħniena t’Alla fuq l-eżempju ta’ Ġesù, kif għamlu wkoll iż-żewġ patrijiet qaddisin, padre Leopoldo u padre Pio.

L-Evanġelju tal-lum jistaqsina: nafu nafdaw verament fil-kelma tal-Mulej?  Jew inkella naqtgħu qalbna quddiem il-fallimenti tagħna?  Tul din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena aħna msejħin biex infarrġu lil kull min iħossu midneb u mhux dehen quddiem il-Mulej u mgħakkes minħabba l-iżbalji tiegħu, billi ngħidulhom l-istess kliem ta’ Ġesù: “Tibżax”.  “Il-ħniena tal-Missier hi akbar hi akbar minn dnubietek!  Hija akbar, tibżax!”  Il-Verġni Marija tgħinna nifhmu dejjem aktar li biex inkunu dixxipli rridu mmiddu l-passi tagħna fuq dawk li ħallielna l-Imgħallem: huma l-passi tal-grazzja divina li ġġedded il-ħajja lil kulħadd.


APPELL

Bi tħassib kbir qed insegwi x-xorti drammatika tal-popolazzjonijiet ċivili fil-ġlied vjolenti li hemm fil-maħbuba Sirja, nies li jkollhom jabbandunaw kollox biex jaħarbu mill-orruri tal-gwerra.  Nawgura li b’ġenerożità solidali, tingħatalhom l-għajnuna meħtieġa biex ikunu jistgħu jgħixu u biex ikollhom id-dinjità, filwaqt li nagħmlu appell lill-komunità internazzjonali biex ma tħalli jaħarbilha ebda sforz ħalli b’mod urġenti tressaq lill-partijiet lejn il-mejda tan-negozjati.  Hi biss soluzzjoni politika tal-kunflitt li għandha ħila tiggarantixxi futur ta’ rikonċiljazzjoni u paċi lil dak il-pajjiż għażiż u tturmentat, li nitlobkom titolbu ħafna għalih; u anki issa, ilkoll flimkien, nitolbu lill-Madonna għall-maħbuba Sirja: Sliema għalik Marija.........

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum fl-Italja qed jiġi ċelebrat Jum il-Ħajja bit-tema “Il-ħniena twarrad il-ħajja”. Ningħaqad mal-Isqfijiet Taljani biex nawgura min-naħa tal-istituzzjonijiet ċivili, edukattivi u soċjali jkun hemm impenn imġedded favur il-ħajja umana mill-konċepiment sat-tmiem naturali tagħha.  Lis-soċjetà tagħna għandna ngħinuha tfiq minn kull attentat għall-ħajja, bil-kuraġġ ta’ tibdil interjuri li għandu jidher ukoll fl-opri tal-ħniena.  Insellem u nagħmel kuraġġ lill-għalliema tal-università ta Ruma u lil kull min hu impenjat biex jagħti xhieda tal-kultura tal-ħajja.

Għada se tkun ċelebrata l-Ġurnata ta’ talb u riflessjoni kontra t-tratta tal-persuni li toffri lil kulħadd l-opportunità li jgħin lill-iskjavi ġodda tal-lum ikissru l-ktajjen tqal tal-isfruttament ħalli jiksbu mill-ġdid il-libertà u d-dinjità tagħhom.  Qed naħseb partikolarment f’tant nisa u rġiel u tant tfal!  Jeħtieġ isir kull sforz biex ikun megħlub dan l-att kriminali u ta’ mistħija intollerabbli.

U għada wkoll, fil-Lvant Imbiegħed u f’inħawi oħra tad-dinja, miljuni ta’ rġiel u nisa jiċċelebraw l-ewwel tas-sena tal-qamar.  Nawgura lil kulħadd li jsib is-serenità u l-paċi fi ħdan il-familji, li huma l-ewwel post li fih jingħexu u jkunu mgħoddijin il-valuri tal-imħħabba u tal-fraternità, tal-konvivenza u l-qsim, tal-attenzjoni u l-kura tal-ieħor.  Jalla s-sena l-ġdida ġġib magħha frott ta’ kumpassjoni, ħniena u solidarjetà.  U lil dawn ħutna tal-Lvant Imbiegħed, li għada se jiffesteġġjaw il-bidu tas-sena tal-qamar, insellmulom minn hawn b’applaws!

Insellem lill-pellegrini, lill-gruppi parrokkjali u lill-assoċjazzjonijiet li ġejjin mill-Italja, minn Spanja, mill-Portugall, mill-Ekwador, mis-Slovakkja u minn pajjiżi oħra.  Huma wisq biex insemmihom kollha!  Insemmi biss lil dawk li se jagħmlu l-Griżma tal-Isqof fid-djoċesijiet ta’ Treviso, Padova, Cuneo, Lodi, Como u Crotone.  Ilkoll qiegħdin hawn, qed narahom!  U nsellem lill-komunità saċerdotali tal-Kulleġġ Messikan ta’ Ruma, flimkien ma’ Messikani oħra: grazzi għall-impenn tagħkom li takkumpanjaw bit-talb il-vjaġġ appostoliku li se nagħmel fil-Messiku ftit jiem oħra, u anki l-laqgħa li se jkolli fil-belt ta’ Havana mal-għażiż ħija Kirill.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber