Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-festa tal-magħmudija tal-Mulej dejjem tagħlaq iż-żmien tal-Milied u tistedinna naħsbu fil-magħmudija tagħna. Ġesù ried jirċievi l-magħmudja li Ġwanni l-Battista kien jippriedka  u jamministra  fil-Ġordan. Kienet magħmudija ta’ ndiema: dawk li kienu jersqu biex jirċevuha kienu jesprimu x-xewqa  li jissaffaw minn dnubiethom u li bil-għajnuna t’Alla  jibdew ħajja ġdida.

Nistgħu nifhmu, allura, kemm kienet kbira l-umiltà ta’ Ġesù. Hu, li kien bla dnub, qagħad jistenna mal-midinbin, tħallat magħhom biex hu wkoll jitgħammed bl-ilma tax-xmara.  Kemm hi kbira l-umiltà ta’ Ġesù! Dan il-ġest jurina  dak li aħna niċċelebraw fil-Milied: Ġesù  kien lest li jsir parti mill-umanità, li jieħu fuqu in-nuqqasijiet u d-dgħufijiet tal-bnedmin, li jaqsam magħhom ix-xewqa li jkunu ħielsa u jegħlbu dak kollu li jbiegħedhom minn Alla u jifridhom minn ħuthom il-bnedmin. Bħalma għamel f’Betlemm, anki fuq ix-xatt tal-Ġordan, Alla żamm il-wegħda tiegħu li jieħu fuqu d-destin tal-bniedem. U Ġesù hu s-Sinjal tanġibbli u definittiv ta’ dan. Ġesù  ħa  fuqu l-ħajja tagħna lkoll, il-ħajja  ta’ kull ġurnata.

L-Evanġelju tal-lum jisħaq li meta Ġesù “tela’ mill-ilma, ra is-smewwiet jinfetħu u l-Ispirtu bħal ħamiema niżel fuqu” (Mk 1,10). L-Ispirtu s-Santu li ħadem sa mill-bidu tal-ħolqien, li mexxa lil Mosè u lill-poplu fid-deżert, niżel fuq Ġesù bil-milja tiegħu biex jagħtih il-qawwa ħalli  jwettaq il-missjoni tiegħu fuq din l-art. L-Ispirtu s-Santu huwa dak li wettaq il-magħmudija ta’ Ġesù u anki dik tagħna. Hu jiftaħ l-għajnejn ta’ qlubna għall-verità, għall-verità sħiħa. Iqanqalna biex nimxu fuq il-mogħdija tal-karità. Hu d-don li ġie mogħti lilna mill-Missier  fil-ġurnata tal-magħmudija tagħna. L-Ispirtu s-Santu jittrażmettilna t-tenerezza  tal-maħfra divina. U hu wkoll, l-Ispirtu s-Santu li jwassalna biex nisimgħu mill-ġdid il-Kelma  tal-Missier: “Int Ibni l-għażiż” (v.11)

Il-festa tal-magħmudija ta’ Ġesù tistieden lil kull nisrani biex jiftakar fil-magħmudija tiegħu. Ma nistax nistaqsikom jekk tiftakrux il-ġurnata tal-magħmudija tagħkom għax il-biċċa l-kbira tagħkom, bħali, irċevew il-magħmudija meta kontu għadkom  żgħar; aħna tgħammidna meta konna tfal żgħar. Imma nagħmlilkom mistoqsija oħra: tafuha d-data tal-magħmudija tagħkom? Tafu x’ġurnata kienet meta rċevejtu l-magħmudija? Aħsbu ftit. U jekk ma tafux id-data, inkella nsejtuha, meta tmorru d-dar staqsu lil ommkom, lin-nanna, liz-ziju, liz-zija, lin-nannu, lill-parrinu, lill-parrina: meta kienet id-data? U dik id-data jeħtieġ li  niftakruha dejjem, għax hi data ta’ festa; hi d-data ta’ meta bdiet il-qdusija tagħna, hi d-data li fiha l-Missier tana l-Ispirtu s-Santu li jqanqalna biex nimxu, hi d-data tal-maħfra kbira. Tinsewx mela: meta hi d-data tal-magħmudija tiegħi?

Nitolbu l-protezzjoni materna ta’ Marija Santissma biex l-insara kollha jkunu jistgħu jifhmu dejjem aktar id-don tal-Magħmudija u jimpenjaw ruħhom biex jgħixuh b’koerenza filwaqt li jagħtu xhieda tal-imħabba tal-Missier u tal-Iben u tal-ispirtu s-Santu.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkom, insara ta’ Ruma u pellegrini mill-Italja u minn diversi pajjiżi. Insellem b’mod partikulari lil dawk li ġew mill-Korea t’Isfel u minn Biella

Illum ukoll, fil-festa tal-Magħmudija ta’ Ġesu’,  kelli l-pjaċir nagħti l-magħmudija lil 34 tfal. Nitlob  lil Omm Alla titfa’ l-ħarsien tagħha ta’ omm fuqhom u fuq it-tfal kollha li tgħammdu dan l-aħħar biex bil-għajnuna tal-ġenituri u l-parrini  jikbru bħala dixxipli tal-Mulej. 

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb  u l-mixja t-tajba f’din is-sena li għadha kemm bdiet, grazzi għad-dawl li tana Ġesu’ bit-twelid tiegħu.

Tinsewx dak li tridu tagħmlu meta tmorru d-dar: liema hi d-data tal-magħmudija tiegħi? F’liema ġurnata tgħammidt? Fhimtu?

U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija. L-ikla t-tajba u arrivederċi!


 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard