Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent, il-liturġija teħodna fl-iskola ta’ Ġwanni l-Battista, li kien jipprietka «Magħmudija ta’ konverżjoni għall-maħfra tad-dnubiet» (Luqa 3,3).  U aħna forsi nistaqsu lilna nfusna: “Għaliex għandna nikkonvertu?”  Il-konverżjoni tolqot lil min hu ateju u jsir jemmen, ‘il-midneb li jsir ġust, imma aħna m’għandniex bżonn (ta’ konverżjoni), aħna diġà Kristjani!  Għaldaqstant aħna qiegħdin f’postna”. Dan mhux minnu.  Meta naħsbu hekk ma nkunux qed nindunaw li għandna bżonn nikkovertu propju minn din il-prużunzjoni – li aħna Nsara, ikoll tajbin, li aħna kollox sew – li għandna bżonn nikkonvertu: mis-suppożizzjoni li, kollox ma’ kollox, qiegħdin sewwa u m’għandna bżonn ta’ ebda konverżjoni.  Imma ejjew nistaqsu lilna nfusna: hu propju minnu li fis-sitwazzjonijiet u ċ-ċirkostanzi differenti tal-ħajja aħna għandna fina l-istess sentimenti ta’ Ġesù?  Hu minnu li aħna nħossu bħalma jħoss Ġesù?  Per eżempju: meta nirċievu azzjoni jew affront, jirnexxilna nirreaġixxu mingħajr rabja u naħfru mill-qalb lil min jitlobna skuża?  Kemm hu diffiċli taħfer!  Kemm hu diffiċli!.  “Tpatttiha din!”: dil-kelma toħroġ mill-ġewwieni tagħna!  Meta nkunu msejħin biex naqsmu l-ferħ jew in-niket, nafu nibku ma’ min jibki u nifirħu ma’ min jifraħ, sinċerament?  Meta jkollna nistqarru l-fidi tagħna nafu nagħmlu dan bil-kuraġġ u s-sempliċità, mingħajr ma nistħu mill-Evanġelju?  U hekk nistgħu nibqgħu nagħmlu aktar mistoqsijiet.  M’aħniex f’postna, irridu nibqgħu nikkonvertu dejjem, ikollna s-sentimenti li kellu Ġesù.

Il-leħen tal-Battista għadu jgħajjat fid-deżertijiet tal-umanità tal-lum, li huma – liema huma d-deżertijiet tal-lum? – l-imħuħ magħluqa u l-qlub iebsa, u dan jipprovokana nistaqsu jekk fil-fatt aħniex mixjin fit-triq it-tajba, aħniex ngħixu ħajja skont l-Evanġelju.  Illum, bħal dari, hu għadu jwissina bil-kliem tal-Profeta Iżaija: «Ħejju t-triq tal-Mulej!» (v. 4).  Hija stedina qawwija biex niftħu qlubna u nilqgħu s-salvazzjoni li Alla joffrilna bla ma qatt jistrieħ, kważi bir-ras iebsa, għax iridna lkoll ħielsa mill-jasar tad-dnub.  Imma leħen il-Profeta jwassa’  dak il-leħen u jħabbar li «kull bniedem għad jara s-salvazzjoni ta’ Alla» (v. 6). Is-salvazzjoni hi offruta lil kull bniedem u lil kull poplu, ħadd mhu mbarri, lil kull wieħed u waħda minna.  Ħadd minna ma jista’ jgħid: “Jien qaddis, jien perfett, jien diġà salvat”.  Le.  Irridu dejjem nibqgħu nilqgħu din-l-offerta tas-salvazzjoni.  Dan hu l-għan tas-Sena tal-Ħniena: biex nibqgħu mexjin ‘il quddiem f’din it-triq tas-salvazzjoni, dik it-triq li għallimna Ġesù.  Alla jrid li l-bnedmin kollha jkunu salvati permezz ta’ Ġesù Kristu, l-uniku medjatur (cfr  1 Tim, 2,4-6).

 

Għaldaqstant kull wieħed u waħda minna, aħna msejħin biex lil Ġesù nwassluh lil kull min għadu ma jafux.  Imma dan mhux prożelitiżmu.  Le, imma ftuħ ta’ bieb.  «Gwaj għalija jekk ma nħabbarx l-Evanġelju!» (1 Kor 9,16), kien iddikjara San Pawl.  Jekk il-Mulej Ġesù bidlilna ħajjitna, u jibdilhielna kull darba li mmorru għandu, kif jista’ jkun li ma nħossux il-ħerqa li nwassluh lill-oħrajn, lil kull min niltaqgħu miegħu fuq ix-xogħol, l-iskola, fil-kondominju, fl-isptar, fil-postijiet tal-laqgħat soċjali?  Jekk nagħtu ħarsa madwarna, insibu persuni li jafu jkunu disponibbli biex jibdew jew jibdew mill-ġdid mixja ta’ fidi, kieku kellhom jiltaqgħu ma’ Nsara li huma nnamrati ma’ Ġesù.  M’għandniex u ma nistgħux inkunu aħna dawk l-Insara?  Inħallikom b’mistoqsija: “Imma veru li jien innamrat ma’ Ġesù?”  Konvint/konvinta li Ġesù joffrili u jtini s-salvazzjoni?”  U jekk jien innamrat miegħu, għandi nwasslu lil ħaddieħor.  Imma jeħtieġ inkunu kuraġġużi: inbaxxu l-muntanji tal-kburija u tar-rivalità, ninvellaw il-widien imħaffrin mill-indifferenza u l-apatija, niddrittaw il-mogħdijiet tal-għażż tagħna u tal-kompromessi tagħna.

Tgħinna f’dan il-Verġni Marija, li hi Omm u taf x’għandha tagħmel, ħalli nneħħu l-barrieri u l-ostakli li qed iżommuna milli nikkonvertu, jiġifieri milli nkomplu l-mixja tagħna biex niltaqgħu mal-Mulej.  Hu biss, Ġesù biss, jista jwassal għall-milja tagħhom it-tamiet kollha tal-bniedem!


Wara l-Angleu:

Għeżież ħuti,

Qiegħed insegwi b’attenzjoni x-xogħol li qed isir fil-Konferenza dwar il-klima, f’Pariġi, u niftakar f’mistoqsija li għamilt fl-Enċiklika Laudato si’: «Xi kwalità ta’ dinja nixtiequ nħallu li dawk li se jiġu warajna, lit-tfal li qed jikbru?» (n. 160).  Għall-ġid tad-dar komuni  tagħna lkoll u tal-ġenerazzjonijiet futuri, f’Pariġi jeħtieġ isir kull sforz biex jittaffew l-impatti li qed iġib it-tibdil fil-klima, u fl-istess waqt, biex niġġieldu l-faqar ħalli twarrad id-dinijità umana.  Nitolbu biex l-Ispirtu s-Santu jdawwal lil kull min hu msejjaħ biex jieħu deċiżjonijiet tant importanti u jtihom il-kuraġġ li bħala kriterju jżommu dejjem l-għażla li tkun tal-akbar ġid għall-familja umana kollha.

Għada jaħbat il-ħamsin anniversarju ta’ avveniment memorabbli bejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi. Nhar is-7 ta’ Diċembru 1965, vġili tal-għeluq tal-Konċilju Vatikan II, b’dikjarazzjoni komuni bejn il-Papa Pawlu V u l-Patrijarka Ekumeniku Atenagora, ġew ikkanċellati mill-memorja s-sentenzi ta’ skomunika li kienu bidlu l-Knisja ta’ Ruma u dik ta’ Kostantinopli fl-1054.  Hu tassew providenzjali li dak il-ġest ta’ rikonċiljazzjoni, li ħoloq il-kundizzjonijiet għal djalogu ġdid bejn l-Ortodossi u l-Kattoliċi fl-imħabba u l-verità, jkun imfakkar propju fil-bidu tas-Sena tal-Ħniena.  Mhemmx mixja awtentika lejn l-għaqda mingħajr talba għall-maħfra t’Alla bejnietna għad-dnub tal-firda.  Niftakru fit-talb tagħna lill-għażiż Patrijarka Ekumeniku Bartilmewu l-kapijiet l-oħra tal-Knejjes Ortodossi, u nitolbu lill-Mulej biex ir-relazzjonijiet bejn il-Kattoliċi u l-Ortodossi jkunu dejjem ispirati mill-imħabba fraterna.

 

 

Ilbieraħ f’Chimbote (il-Perù), ġew iddikjarati beati Michele Tomaszek u Zbigniew Stralkowski, Franġiskani Konventwali, u Alessandro Dordi, saċerdot “Fidei Donum”, li ġew maqtulin minħabba l-mibgħeda lejn il-fidi fl-1991.  Jalla l-fedeltà ta’ dawn il-martri fis-sekwela ta’ Ġesù, imma speċjalment tal-Insara persegwitati f’bosta nħawi tad-dinja, tagħti l-qawwa lillna lkoll biex inkunu xhieda kuraġġużi tal-Evanġelju.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi – qed nara ħafna bnadar – partikolarment il-Kor Liturġiku minn Milherós de Poiares u lill-fidili minn Casal de Cambra, il-Portugall.  Insellem lill-parteċipanti fil-konvenju tal-Moviment tal-Impenn Edukattiv tal-Azzjoni Kattolika, lill-fidili minn Biella, Milan, Cusano Milanino, Nettuno, Rocca di Papa u Foggia; lil dawk li għamlu l-Griżma li ġew minn Roncone u minn Settimello, il-Banda minn Calangianus u l-Kor minn Taio.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u tħejjija tajba għall-bidu tas-Sena tal-Ħniena.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber