Għeżież ħuti,

Ftit jiem wara s-solennità tal-Qaddisin Kollha u t-tifkira tal-fidili mejitn, il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tistedinna għal darb’oħra biex nirriflettu fuq il-misteru tal-qawmien ta’ min imut.  L-Evanġelju (cfr Lc 20,27-38) jippreżentalna lil Ġesù f’konfront ma’ xi Saduċej, nies li ma kinux jemmnu fil-qawmien u l-kunċett tar-relazzjoni tagħhom ma’ Alla kien li jarawha biss fid-dimensjoni tal-ħajja f’did-dinja.  Għalhekk, biex jirredikolaw il-qawmien u biex iqiegħdu f’diffikultà lil Ġesù, jippreżentawlu każ paradossali u assurd: mara li żżewwġet seba’ rġiel, kollha aħwa, li mietu wieħed wara l-ieħor.  Hekk  hi l-mistoqsija malizzjuża li għamlu lil Ġesù: fil-qawmien ta’ liema minnhom tkun il-mara (v. 33)?

Ġesù ma jaqax fin-nasba u jtenni l-verità dwar il-qawmien billi spjega li wara l-mewt, il-ħajja se tkun differenti minn dik ta’ hawn fl-art.  Hu jfiehem lil dawk li għamlulu l-mistoqsija li mhux possibbli li l-kategoriji ta’ din id-dinja jkunu jgħoddu għar-realtiajiet li jmorru ‘l hinn minna, u li huma akbar minn dak li naraw matul dil-ħajja.  Infatti jgħid: «Ulied id-dinja jiżżewwġu iżda dawk li jistħoqqilhom jgħaddu għad-dinja l-oħra u jqumu mill-imwiet, dawn la jżewwġu u lanqas jiżżewwġu» (vv. 34-35).  B’dal-kliem Ġesù jrid jispjega li f’did-dinja aħna ngħixu b’realtajiet proviżorji, li jintemmu; filwaqt li “n-naħa l-oħra”, wara l-qawmien, il-mewt ma tkunx tidher aktar fuq ix-xefaq tagħna u ngħixu kollox, anki r-relazzjonijiet umani, fid-dimensjoni ta’ Alla, b’mod trasfigurat.  Ukoll iż-żwieġ, sinjal u strument tal-imħabba t’Alla f’did-dinja, jilma mibdul f’dawl jgħammex fil-komunjoni glorjuża tal-qaddisin fis-Sema.

“Ulied is-sema u l-qawmien” mhumiex xi ftit privileġġjati, iżda huma l-bnedmin kollha għax Ġesù ġab is-salvazzjoni għal kull wieħed u waħda minna.  U l-ħajja ta’ dawk li jqumu tkun tixbaħ lil dik tal-anġli (cfr v. 36), jiġifieri tkun imwaħħda mad-dawl ta’ Alla, dedikata kollha kemm hi biex tfaħħar ‘l Alla, f’eternità mimlija ferħ u paċi.  Imma, attenzjoni!   Il-qawmien mhuwiex biss fatt ta’ qawmien wara l-mewt, imma hu stat ta’ ħajja ġdida li diġà nħossuha; hi r-rebħa fuq ix-xejn li nistgħu induquha minn qabel.  Il-qawmien hu l-pedament tal-fidi u tat-tama Nisranija!   Kieku aħna ma nemmnux fil-Ġenna u fil-ħajja eterna, il-Kristjaneżmu jispiċċa etika, filosofija tal-ħajja. Iżda, il-messaġġ tal-fidi Nisranija ġej mis-sema, hu rivelat minn Alla u jmur ‘l hinn minn din id-dinja.  Hu essenzjali nemmnu fil-qawmien sabiex kull att ta’ mħabba Nisranija ma jkunx effimeru u għan fih innifsu, imma jsir żerriegħa li twarrad fil-ġnien ta’ Alla u tagħti l-frott tal-ħajja ta’ dejjem.

Il-Verġni Marija, reġina tas-sema u tal-art, isseddqilna t-tama tal-qawmien u tgħinna biex il-kelma ta’ Binha miżrugħa fi qlubna, tagħti l-frott tal-opri tajba.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħabsin nixtieq nagħmel appell biex il-kundizzjonijiet tal-ħajja fil-ħabsijiet madwar id-dinja kollha, jitjiebu, ħalli tkun rispettata bis-sħiħ id-dinjità umana tal-priġunieri.  Minbarra dan, nixtieq intenni kemm hi importanti r-riflessjoni dwar il-ħtieġa li l-ġustizzja penali ma tkunx biss kastig imma tkun miftuħa għat-tama li min hu ħati jerġa’ jisb postu lura fis-soċjetà.  Irrid b’mod speċjali nippreżenta għall-kunsiderazzjoni tal-Awtoritajiet Ċivili kompetenti ta’ kull Pajjiż, il-possibiltà li f’dis-Sena tal-Ġublew tal-Ħniena, jagħmlu att ta’ ħniena ma’ dawk il-priġunieri li jidrilhom li għandhom jibbenefikaw minn dal-provvediment.

Jumejn ilu daħal fis-seħħ il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima tal-Pjaneta.  Dan il-pass importanti ‘l quddiem juri li l-umanità għandha l-ħila tikkollabora biex tħares il-ħolqien (cfr Laudato Si’: 13), biex l-ekonomija tkun għas-servizz tal-persuni u għall-bini tal-paċi u l-ġustizzja.  Għada f’Marrakech, fil-Marokk, se tibda’ s-sessjoni l-ġdida tal-Konferenza dwar il-Klima, bl-għan, fost l-oħrajn, li dan il-ftehim jissarraf f’azzjoni.  Nawgura li dal-proċess kollu jkun immexi mill-kuxjenza tar-responsabbiltà li aħna għandna biex nieħdu kura tad-dar komuni tagħna.

Ilbieraħ fi Skutari, fl-Albanija, ġew dikjarati Beati, tmienja w tletin matri: żewġ isqfijiet, bosta saċerdoti u reliġjużi, seminarista u xi lajċi, ilkoll vittmi tal-persekuzzjoni ħarxa għall-aħħar tar-reġim ateju li ddomina għal żmien twil f’dak il-Pajjiż fis-seklu li għadda.  Huma ppreferew il-ħabs, it-torturi u fl-aħħar il-mewt, basta jibqgħu fidili lejn Kristu u lejn il-Knisja.  L-eżempju tagħhom għandu jgħinna biex fil-Mulej insibu l-qawwa li tirfidna waqt il-mumenti ta’ diffikultà sabiex jispirana nieħdu atteġġjamenti ta’ tjubija, maħfra u paċi.

Insellem lilkom ilkoll pellegrini li ġejtu minn Pajjiżi differenti: il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-assoċjazzjonijiet.  Insellem partikolarment lill-fidli minn Sydney u minn San Sebastian de los Reyes, liċ-Ċentru Academico Romano Fudacion u lill-komunità Kattolika Venezwelana tal-Italja; kif ukoll lill-gruppi minn Adria-Rovigo, Mendrisio, Roccadaspide, Nova Siri, Pomigliano D’Arco u Picerno.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber