Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 6 ta’ Ottubru 2013

 

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Qabel kollox nixtieq inrodd ħajr lil Alla għall-ġurnata li għext f’Assisi jumejn ilu.  Aħsbu ftit li kienet l-ewwel darba li mort Assisi u kien don kbir li stajt nagħmel dan il-pellegrinaġġ proprju nhar il-festa ta’ San Franġisk.  Nirringrazzja lill-poplu ta’ Assisi għall-merbħa mill-qalb li tawni: grazzi ħafna!

Illum is-silta tal-Evanġelju tibda hekk: “F’dak iż-żmien l-appostli qalu lill-Mulej: ‘Kabbar fina l-fidi!’” (Lq 17,5-6).  Naħseb li din it-talba nistgħu kull wieħed u waħda minnha nagħmluha tagħna.  Aħna wkoll, bħall-appostli, ngħiu lill-Mulej Ġesù “Kabbar fina l-fidi!”  Iva, Mulej, il-fidi tagħna hi żgħira, il-fidi tagħna hi dgħajfa, fraġli, imma noffruhielek hekk kif inhi, sabiex int tkabbarha.  Taħsbu li hija ħaġa f’waqtha li lkoll flimkien nirrepetu: “Mulej, kabbar fina l-fidi!”?  Xi tgħidu? Ngħiduha flimkien: Mulej, kabbar fina l-fidi! Mulej, kabbar fina l-fidi! Mulej, kabbar fina l-fidi! Kabbarhielna!

U xi jweġibna l-Mulej?  Iwieġeb: “Li kieku għandu fidi mqar daqs żerriegħa tal-mustarda, u tgħiu lil din il-ħarruba: ‘Inqala’ u mur tħawwel fil-baħar’, hi tobdikom” (v.6).  Iż-żerriegħa tal-mustarda hi żgħira ħafna, imma Ġesù jgħid li biżżejjed ikollok fidi hekk, żgħira, imma vera, onesta, biex tagħmel affarijiet li għall-bniedem huma impossibbi u jmorru ‘l hemm mill-ħsieb tiegħu.  Dan kollu minnu!  Ilkoll kemm aħna nafu nies sempliċi, umli, imma li għandhom fidi qawwija ħafna, li veru tist ċċaqlaq il-muntanji!  Naħsbu ftit fil-missirijiet u l-ommijiet li jitħabtu ma’ sitwazzjonijiet verament diffiċli; jew naħsbu f’xi morda, uħud minnhom gravi, li xorta waħda jirnexxielhom jgħaddu l-hena tagħhom lil dawk li jmorru jarawhom.  Dawn in-nies, appuntu minħaba l-fidi tagħhom, ma jiftaħrux b’dak li jagħmlu, anzi, kif jgħid Ġesù fl-evanġelju, jgħidu: “Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn.  Għamilna biss dak li kellna nagħmlu” (Lq 17, 10).  Minjaf kemm nies fostna għandhom din il-fidi qawwija, umli, u li tagħmel ħafna ġid!

F’dan ix-xahar ta’ Ottubru, li hu ddedikat b’mod partikulari għall-missjoni, naħsbu f’tant missjunarji, irġiel u nisa, li biex iwasslu l-Evanġelju għelbu bsaten fir-roti ta’ kull tip, u verament taw ħajjithom; kif jgħid San Pawl lil Timotju: “Mela tistħi xejn minħabba fix-xhieda għal Sidna, anqas minħabba fija, priġunier tiegħu, imma aqsam miegħi t-tbatija għall-Evanġelju, u afda fil-qawwa ta' Alla” (2 Tm 1,8).  Dan jgħodd għalina lkoll: kull wieħed minna, fi-ħajja tiegħu ta’ kuljum, jista’ jagħti xhieda għal Kristu, bil-qawwa ta’ Alla, bil-qawwa tal-fidi, din il-fidi ċkejkna li għandna, imma li hi qawwija! B’din il-qawwa nkunu xhieda  ta’ Ġesù Kristu, inkunu nsara permezz tal-ħajja li ngħixu, bix-xhieda tagħna!

U minnfejn inġibuha din il-qawwa?  Inġibuha mingħand Alla fit-talb.  It-talb huwa n-nifs tal-fidi: fejn ikun hemm relazzjoni ta’ fiduċja, jew f’relazzjoni ta’ mħabba, ma jistax jonqos id-djalogu, u t-talb huwa d-djalogu tar-ruħ ma’ Alla.  Ottubru huwa wkoll ix-xahar tar-Rużarju, u f’dan l-ewwel Ħadd hija t-tradizzjoni li tingħad is-Supplika lill-Madonna ta’ Pompei, l-Imqaddsa Verġni Marija tar-Rużarju Mqaddes. Ningħaqdu spiritwalment ma’ dan l-att ta’ fiduċja f’Ommna, u nirċievu minn idejha l-kuruna tar-Rużarju: ir-Rużarju huwa skola ta’ talb, huwa skola ta’ fidi!

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dawn it-tislimiet:

Għeżież ħuti:

ilbieraħ f’Modena ġie pproklamat Beatu Rolando Rivi, seminarista minn dik l-art, fl-Emilia, maqtul f-1945, meta kellu 14-il sena. Dan ġie maqtul mill-għedewwa tal-fidi tiegħu, u l-ħtija tiegħu kienet biss li libes is-suttana f’dak iż-żmien meta faqqgħet ħafna vjolenza kontra l-kleru, minħabba li s-saċerdoti kienu jitkellmu b’mod qawwi kontra u jikkundannaw fl-isem ta’Alla l-massakri li kienu qed isiru fiż-żmien eżatt wara t-tmiem tal-gwerra.  Imma l-fidi f’Ġesù tirbaħ fuq l-ispirtu tad-dinja!  Inroddu ħajr lil Alla għal dan iż-żagħżugħa martri, xhud erojku tal-Evaġelju.  U kemm hawn żgħażagħ ta’ 14-il sena li llum għandhom quddiemhom dan l-eżempju: żagħżugħ kuraġġjuż, li kien jaf fejn kellu jmur, kien għaraf l-imħabba ta’ Ġesù fil-qalb tiegħu u ta ħajtu għaliH. Eżempju mill-isbaħ għaż-żgħażagħ!

Nixtieq infakkar flimkien magħkom lil dawk il-persni li tilfu ħajjithom f’Lampedusa, nhar il-Ħamis li għadda.  Ejjew nitolbu ftit fis-skiet għal dawn l-aħwa tagħna: nisa, irġiel, tfal... ejjew inħallu l-qlub tagħna jibku.  Nitolbu fis-skiet.

Insellem bil-qalb lill-pellegrini kollha b’mod speċjali lill-familji u l-gruppi parrokkjali.  Insellem l-insara tal-belt ta’ Mede, dawk ta’ Poggio Rusco, u ż-żgħażagħ ta’ Zambana u ta’ Caserta.

Inwassal ukoll tislima speċjali lill-komunità Peruvjana ta’ Ruma, li ġabu proċessjonalment ix-xbieha mqaddsa tas- Señor de los Milagros.  Qiegħed nara din ix-xbieha, hemm, f’nofs il-Pjazza.  Ejjew insellmu lkoll is- Señor de los Milagros, hemm, fil-Pjazza!  Insellem lill-insara li ġew miċ-Ċile, u l-grupp Bürgerwache Mengen mid-djoċesi ta’ Rottenburg-Stuttgart, fil-Ġermanja.

Insellem lin-nisa li ġew minn Gubbio, fuq l-hekk imsejħa “Via Fancigena Francescana”; insellem lil dawk li jmexxu l-Comunità di Sant’Egidio f’diversi pajjiżi tal-Asja – kemm huma bravi dawn ta’ Sant’Egidio!  Insellem lil dawk li jagħtu d-demm mal-ASFA ta’ Verona u dawk mal-AVIS ta’ Carpinone;  insellem il-knsill nazzjonai tal-AGESCI, il-grupp tal-pensjonati tal-isptar Sant’Anna ta’ Como, l-Istituto Canissiano ta’ Brescia u l’Associacione “Misssione Effatà”.

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb. L-ikla t-tajba u sakemm nerġgħu niltaqgħu!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.