Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-Vanġelu tal-lum (Mark 7, 31-37) jirrakkonta l-fejqan tal-mutu u t-trux, avveniment straordinarju li juri kif Ġesù jistabbilixxi l-komunikazzjoni sħiħa tal-bniedem ma’ Alla u mal-bnedmin l-oħra.  Il-miraklu jseħħ fiż-żona tad-Dekapoli, jiġifieri f’territorju kollu kemm hu pagan; għaldaqstant il-mutu u trux li jittieħed għand Ġesù jsir simbolu ta’ bniedem li ma jemminx iżda li jibda mixja lejn il-fidi.  Infatti, in-nuqqas ta’ smigħ tar-raġel tal-parabbola jesprimi in-nuqqas ta’ ħila li nisimgħu u nifhmu mhux biss il-kliem tal-bnedmin imma wkoll il-Kelma t’Alla.  U San Pawl ifakkarna li l-fidi tinbet mis-smigħ tal-predikazzjoni. (Rumani 10, 17).

L-ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù hi li jwarrab lir-raġel bogħod mill-folla; ma jridx jagħti pubbliċità lill-ġest li se jwettaq, imma lanqas ma jrid li kliemu jkun mgħotti mill-ħamba tal-ilħna u mit-tlablib tal-ambjent.  Il-Kelma t’Alla li jtina Kristu teħtieġ is-silenzju biex tkun milqugħa bħala Kelma li tfejjaq, li tgħaqqad u li treġġa’ lura mill-ġdid il-komunikazzjoni.

Imbagħad naraw ċari żewġ ġesti oħra ta’ Ġesù.  Hu jmiss il-widnejn u l-ilsien tal-mutu u trux.  B’hekk jikseb lura r-relazzjoni tiegħu ma’ dak ir-raġel li ma kellu ebda komunikazzjoni.  L-ewwel ma’ għamel kien li raġa’ stabbilixxa l-kuntatt.  Imma l-miraklu hu rigal li jiġi mill-għoli, li Ġesù jitolbu lill-Missier; huwa għalhekk li Hu jerfa’ għajnejh lejn is-sema u jordna: “Infetaħ!”.  U widnejn il-mutu u trux jinfetħu, tinħall l-għoqda li kellu fi lsienu u jibda’ jitkellem kif suppost (cfr v. 35).

It-tagħlima li nislitu minn dan l-episodju hi li Alla mhux magħluq fih innifsu, imma jinfetaħ u jidħol f’komunikazzjoni mal-umanità.  Fil-ħniena bla tarf tiegħu jegħleb l-abiss infinit li hemm bejnu u bejna u jiġi għandna. Biex iqiegħed fis-seħħ din il-komunikazzjoni mal-bniedem, Alla jsir bniedem; mhux biżżejjed għalih ikellimna permezz tal-liġi u l-profeti, imma jersaq qrib tagħna u jurina lilu nnifsu fil-persuna ta’ Ibnu, il-Kelma magħmula laħam.  Ġesù hu l-bennej il-kbir tal-pontijiet, li fih innifsu jibni l-pont il-kbir tal-komunjoni sħiħa mal-Missier.

Imma dan l-Evanġelju  jlellem lilna wkoll: spiss aħna nibqgħu lura u magħluqin fina nfusna, u b’hekk noħolqu ħafna ”gżejjer” li ħadd ma jista’ jasal fihom u li ma jilqgħukx.  Saħansitra r-relazzjonijiet umani l-aktar elementari, kultant joħolqu realtajiet li ma jkollhomx ħila jinfetħu reċiprokament.: il-koppja magħluqa, il-familja magħluqa, il-grupp magħluq, il-parroċċa magħluqa, il-patrija magħluqa.  Dan kollu mhux ta’ Alla!  Dan kollu hu “tagħna”, hu d-dnub tagħna.

Madankollu, fil-bidu tal-ħajja Nisranija tagħna, fil-Magħmudija, hemm propju dal-ġest u dik il-kelma ta’ Ġesù: “Effatà! – Infetaħ!”.  U l-miraklu sar: aħna fiqna min-nuqqas ta’ smigħ u mill-egoiżmu u mill-għeluq li jnissel fina l-fatt li ma nistgħux nitkellmu, mid-dnub, u dħalna fil-familja kbira tal-Knisja; nistgħu nisimgħu lil Alla li jkellimna u jagħti l-Kelma tiegħu lil min qatt ma semagħha, jew lil min nesiha u difinha taħt ix-xewk tal-preokkupazzjonijiet u l-inganni tad-dinja.

Nitolbu lill-Verġni Mqaddsa, mara tas-smigħ u tax-xhieda ferrieħa, biex tweżinna fl-impenn tal-istqarrija tal-fidi tagħna, u fl-impenn tagħna li nwasslu l-meravilji tal-Mulej lil kull min niltaqgħu miegħu fi triqtna.


APPELL

Għeżież ħuti,

Il-ħniena t’Alla tingħaraf mill-opri li nwettqu, kif kienet tat xhieda l-ħajja tal-Beata Madre Tereża ta’ Calcutta, li lbieraħ fakkarna l-anniversarju tal-mewt tagħha.

Quddiem it-traġedja tal-għexieren ta’ eluf ta’ rifuġjati li qed jaħarbu mill-mewt minħabba l-gwerra jew il-ġuħ, u jinsabu mexjin lejn tama ta’ ħajja, l-Evanġelju jsejħilna, jitlob minna li nkunu “proxxmu” tal-iżgħar u tal-abbandunati. Biex nagħtuhom tama konkreta.  Mhux biss ngħidulhom: “Kuraġġ, paċenzja!....”  It-tama Nisranija taf titqagħbad bir-rieda samma ta’ min miexi lejn għan ċert.

Għaldaqstant, issa li qed joqrob il-Ġublew tal-Ħniena, qed nagħmel appell lill-parroċċi, lill-komunitajiet reliġjużi, lill-monasteri u lis-santwarji tal-Ewropa kollha biex jesprimu l-Evanġelju b’mod konkret u jagħtu kenn lil familja ta’ rifuġjati.  Ġest konkret bi tħejjija għas-sena Mqaddsa tal-Ħniena.

Kull parroċċa, kull komunità reliġjuża, kull monasteru, kull santwarju fl-Ewropa għandu jospita familja, ibda mid-djoċesi tiegħi ta’ Ruma.

Nappella lil ħuti l-Isqfijiet tal-Ewropa, rgħajja tabilħaqq, biex fid-djoċesijiet tagħhom itennu dan l-appell tiegħi, billi jiftakru li l-Ħniena hija t-tieni isem tal-Imħabba: «Dak kollu li tagħmlu mal-iċken wieħed minn dawn ħuti, tkunu għamiltuh miegħi» (Mattew 25,40).

Anki ż-żewġ parroċċi tal-Vatikan, f’dawn il-ġranet se jilqgħu fihom żewġ familji ta’ rifuġjati.


Wara l-Angelus:

Issa se ngħid kelma bl-Ispanjol dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela u fil-Kolombja.  F’dawn il-jiem, l-Isqfijiet tal-Venezwela u tal-Kolombja huma miġburin biex jeżaminaw flimkien is-sitwazzjoni doloruża li nqalgħet minħabba l-fruntiera bejn iż-żewġ pajjiżi.  Nibgħat lil din il-laqgħa sinjal ċar ta’ tama.  Nistieden lil kulħadd, partikolarment lill-maħbubin popli tal-Venezwela u l-Kolombja, biex jirsistu ħalli bi spirtu ta’ solidarjetà u fraternità, jegħlbu s-sitwazzjoni diffiċli attwali.

Ilbieraħ f’Gerona, fi Spanja, ġew dikjarati beati Fidelia Oller, Giuseppa Monrabal u Faconda Margenat, reliġjużi nisa tal-istitut tas-Sorijiet ta’ San Ġużepp ta’ Gerona, li kienu nqatlu minħabba l-fedeltà tagħhom lejn Kristu u lejn il-Knisja.  Minkejja t-theddid u l-intimidazzjonijiet, dawn in-nisa baqgħu f’posthom bil-kuraġġ kollu biex jassitu lill-morda mimlijin bil-fiudċja f’Alla.  Jalla x-xhieda erojka tagħhom, li wasslithom sat-tixrid ta’ demmhom, tagħti l-qawwa u t-tama lil kull min illum huwa persegwitat minħabba l-fidi Nisranija tiegħu.  U aħna nafu li dawn huma ħafna.

Jumejn ilu, fi Brazzaville, il-belt kapitali tar-repubblika tal-Kongo, ġiet inawgurata l-11-il edizzjoni tal-Logħob tal-Pajjiżi Afrikani, li fihom qed jieħdu sehem eluf ta’ atleti mill-kontinent kollu.  Nawgura li dil-festa kbira ta’ sports tkun ta’ fejda għall-paċi, għall-fraternità u għall-iżvilupp tal-Pajjiżi Afrikani kollha.  Insellem lill-Afrikani li qed jieħdu sehem f’din il-11-il edizzjoni tal-logħob.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn Pajjiżi oħra, partikolarment il-kor “Harmonia Nova” minn Molvena, lis-sorijiet Ulied is-Salib, lill-fidilli minn San Martino Buon Albergo, liż-żgħażagħ mid-djoċesi ta’ Ivrea li ġew Ruma bil-mixi fit-triq “Francigena”.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber