Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-vanġelu ta’ dan il-Ħadd insibu l-istedina ta’ Ġesù.  Jgħid hekk: «Ejjew għandi, intom ilkomm li tinsabtu imtaqqlin u mħabbtin, u jien inserraħkom» (Mt 11,28).  Meta Ġesù jgħid dan, għandu quddiem għajnejh lill-persuni kollha li jiltaqa’ magħhom kull jum fit-toroq tal-Galilija: ħafna nies komuni, fqar, morda, midinbin, emarġinati... Dan-nies dejjem marru għandu biex jisimgħu l-kelma tiegħu – kelma li kienet tagħti t-tama!  Kliem Ġesù dejjem jagħti t-tama! – kif ukoll biex imissu mqar it-tarf tal-libsa tiegħu.  Ġesù stess kien ifittex dawn il-folol għajjenin u mtaqqlin bħal nagħaġ bla ragħaj (cfr Mt 9, 35-36) u kien ifittixhom biex iħabbrilhom is-Saltna ta’ Alla u biex ifejjaq ħafna minnhom fil-ġisem u fir-ruħ.  Issa jsejjħilhom ilkoll biex imorru għandu: «Ejjew għandi», u jwegħedhom il-mistrieħ u s-serħan.

Din l-istedina ta’ Ġesù tasal sa żminijietna, biex tilħaq ħafna aħwa mtaqqlin minħabba kundizzjonijiet ebsin tal-ħajja, minħabba sitwazzjonijiet ta’ ħajja diffiċli u kultant neqsin minn punti stabbli ma xiex huma jistgħu jiggranfaw.  Fil-Pajjiżi l-aktar fqar, imma anke fil-periferiji ta’ Pajjiżi aktar sinjuri, jinsabu ħafna nies għajjenin u mifnija taħt it-toqol bla qjiex tat-telqa u tal-indifferenza.  L-indifferena: kemm tagħmel ħsara lil dawk li huma l-aktar fil-bżonn l-indifferenza tal-bnedmin! Agħar minn din hemm l-indifferenza tal-insara!  Fit-truf tas-soċjetà ħafna huma l-irġiel u n-nisa mifnija bil-faqar estrem, imma anke dawk mifnija minħabba n-nuqqas ta’ sodisfazzjon fil-ħajja u minħabba l-frustrazzjoni.  Ħafna huma mġiegħela jemigraw minn pajjiżhom, u hekk ipoġġu ħajjithom stess fil-periklu.  Ħafna oħrajn iġorru ta’ kuljum it-toqol ta’ struttura ekonomika li tabbuża mill-bniedem, u torbtu b’madmad insopportabbli, madmad li dawk il-ftit li għandhom il-mezzi ma jridux iġorruh.  Lil kull wieħed minn dawn l-ulied tal-Missier li qiegħed fis-smewwiet, Ġesù jsostni: «Ejjew għandi, intom ilkoll».  Imma dan jgħidu anke lil dawk li għandhom kollox, imma li għandhom qalbhom vojta għax fiha m’hemmx Alla.  Lilhom ukoll Ġesù jwassal din l-istedina: “Ejjew għandi”.  L-istedina ta’ Ġesù hi għal kulħadd.  Imma b’mod speċjali hi għal dawn li qed ibatu l-aktar.

Ġesù jwiegħed li jagħti s-serħan lil kulħadd, imma jagħmlilna wkoll stedina li qisha kmand: «Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi u tgħallmu minni, għax jien ta’ qalb ħelwa u umli» (Mt 11, 29).  Il-“madmad” tal-Mulej hu li nitgħabbew bit-toqol tal-oħrajn b’imħabba fraterna.  Meta nkunu rċevejna s-serħan u l-faraġ ta’ Kristu, aħna msejħin biex insiru serħan u faraġ għal ħutna, b’imġieba ħelwa u umli, billi nixbħu lill-Imgħallem.  Il-ħlewwa u l-umiltà tal-qalb jgħinuna mhux biss biex nitgħabbew bit-toqol tal-oħrajn, imma anke biex ma nkunux ta’ toqol għalihom bl-opinjonijiet personali tagħna, il-ġudizzji tagħna, il-kritika tagħna u l-indifferenza tagħna.

Ejjew insejħu lil Marija Santissima, li tilqa’ taħt il-mant tagħha lill-persuni kollha għajjenin u mifnijin, sabiex permezz ta’ fidi mdawwla, li nagħtu xhieda tagħha fil-ħajja, inkunu nistgħu nsiru serħan għal dawk kollha li għandhom bżonn l-għajnuna, il-ħlewwa u t-tama.

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

insellmilkom ilkoll, Rumani u pellegrini!

Insellem lill-insara tal-parroċċa ta’ Salzano, fid-djoċesi ta’ Treviso, fejn kien kappillan Don Giusepe Sarto, li mbagħad sar il-Papa Piju X u  li ġie dikjarat qaddis, li din is-sena jaħbat iċ-ċentinarju minn mewtu.

Insellem il-Piccoli Missioniari ta’ Santa Paola Frassinetti, l-insara ta’ Melìa  Sambatello (Reggio Calabria), l-iskola tat-tfal tal-parroċċa ta’ Verdellino il-grupp “Brennna 60” u dawk li qed jieħdu sehem fir-rally tal-karozzi antiki.

Insellem b’mod partikulari u minn qalbi lin-nies qalbiena tal-Molise, li lbieraħ laqgħuni fl-art sabiħa tagħhom u anke fi qlubhom.  Kien laqgħa sabiħa, mill-qalb: ma ninsiha qatt! Grazzi ħafna.

Nitlobkom biex ma tinsewx titolbu għalija: jien ukoll nitlob għalikom.

Nawgura l-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd u l-ikla t-tajba. Insellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Fr Jonathan Farrugia.