Il-Papa Franġisku

Angelus

Il-Ħadd, 6 ta’ April 2014

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

L-evanġelju ta’ dan il-ħames Ħadd tar-Randan ikellimna fuq il-qawmien mill-imwiet ta’ Lazzru.  Dan huwa l-qofol tas-“sinjali” mirakolżi ta’ Ġesù: huwa ġest kbir wisq, ġest li huwa bil-wisq ċar li hu ħidma divina biex ikun aċċettat mill-qassisin il-kbar, li, meta jsiru jafu, jiddeċiedu li joqtlu lil Ġesù (cfr Ġw 11,53).

Lazzu ġa kien ilu mejjet tlett ijiem meta wasal Ġesù; u lil ħutu Marta u Marija Hu jgħidilhom kelmiet li kellhom jibqgħu stampati għal dejjem fil-memorja tal-komunità nisranija.  Hekk jgħid Ġesù: «Jien il-qawmien u l-ħajja; min jemmen fija, ukoll jekk imut, jgħix; u kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt» (Ġw 11,25).  Fuq din il-kelma huwa msawwar it-twemmin tagħna li l-ħajja ta’ min jemmen f’Ġesù u jobdi l-kmandament tiegħu, wara l-mewt tiġi mibdula f’ħajja ġdida, sħiħa u li ma tintemmx.  Hekk kif Ġesù qam mill-mewt bl-istess ġisem tiegħu, waqt li ma reġax lura għall-ħajja ta’ din id-dinja, hekk ukoll aħna għad inqumu b’dawn l-iġsma tagħna li għad ikunu mibdula f’iġsma glorjużi.  Hu qed jistenniena ħdejn il-Missier, u l-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, li qajjmet lilu, għad tqajjem ukoll lil mhu magħqud miegħu.

Quddiem il-qabar issiġillat tal-ħabib tiegħu Lazzru, Ġesù « għajjat b'leħen għoli: “Lazzru, oħroġ!” U dak li kien mejjet ħareġ, b'idejh u riġlejh infaxxati u b'maktur ma' wiċċu» (vv. 43-44).  Din l-għajta aħħarija hija ndirizzata lil kull bniedem, għaliex aħna lkoll immarkati mill-mewt, ilkoll kemm aħna; dan huwa l-leħen ta’ Dak li hu s-sid tal-ħajjja li jrid li kulħadd «ikollu l-ħajja bil-bosta» (Ġw 10,10).  Kristu ma jikkuntentax bl-oqbra li bnejna għalina nfusna permezz tal-għażliet tagħna li jġibu l-ħażen u l-mewt, bl-iżbalji tagħna, bid-dnubiet tagħna.  Hu ma jikkuntentax b’dan!  Hu jistedinna, kważi jordnalna, noħroġu mill-qabar li fih tefgħuna dnubietna.  Hu l-ħin kollu jistedinna noħorġu mill-ħabs imdallam li fih ingħalaqna, billi kkuntentajna li ngħixu ħajja falza, egoista, medjokri.  «Oħroġ!» jgħidilna, «Oħroġ!» Hija stedina sabiħa biex nerqsu lejn il-ħelsien veru, stedina biex inħallu l-kliem ta’ Ġesù, li llum qiegħed jgħid lil kull wieħed minna, jaħtafna .  Hija stedina biex inħallu lilna nfusna ninħelsu mill-“faxex”, mill-faxex tal-arroganza.  Għax l-arroganza tagħmilna lsiera, lsiera tagħna nfusna, ilsiera ta’ ħafna allat foloz, ta’ ħafna affarijiet.  Il-qawmien tagħna jibda minn hawn:  meta nagħżlu li nobdu dan il-kmand ta’ Ġesù u noħorġu għad-dawl, għall-ħajja; meta jaqgħu il-maskri minn wiċċna – spiss aħna nkunu maskerati bid-dnub, il-maskri jridu jaqgħu! – u nsibu l-kuraġġ tal-wiċċ oriġinali tagħna, maħluq skont ix-xbiha u fix-xebħ ta’ Alla.

Il-ġest ta’ Ġesù li jqajjem lil Lazzru juri safejn tista’ tasal il-qawwa tall-Grazzja ta’ Alla, u għalhekk juri safejn tista’ tasal il-konverżjoni tagħna, il-bidla tagħna.  Imma isimgħunu sew: m’hemm l-ebda limitu għall-ħniena ta’ Alla li hija offruta lil kulħadd!  M’hemm l-ebda limitu għall-ħniena ta’ Alla li hija offruta lil kulħadd! Ftakruha din is-sentenza. U nistgħu ngħiduha flimkien: “M’hemm l-ebda limitu għall-ħniena ta’ Alla li hija offruta lil kulħadd!”. Ngħiduha flimkien: “M’hemm l-ebda limitu għall-ħniena ta’ Alla li hija offruta lil kulħadd!”  Il-Mulej dejjem lest iwarrab il-ġebla tal-qabar tad-dnubiet tagħna, li tifridna minnu, id-Dawl tal-ħajjin.

_____

 

Wara –Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

għada fir-Rwanda se ssir it-tifkira tal-20 anniversarju mill-bidu tal-ġenoċidju kontra t-Tutsi li beda fl-1994.  F’din l-okkażjoni nixtieq nuri li ninsab qrib il-poplu tar-Rwanda, u nħeġġu biex ikompli, bil-rieda u bit-tama, il-proċess ta’ rikonċiljazzjoni li ġa wera l-frott tiegħu, u biex ikompli l-impenn għat-tiwsir mill-ġdid uman u spiritwal tal-Pajjiż.  Ngħid lil kulħadd: Tibżgħux! Ibdu s-soċjetà tagħkom buq il-blata tal-Vanelu, fuq l-imħabba u l-ftehim, għax hekk biss tiġi fis-seħħ paċi li ttul fiż-żmien! Insejjaħ fuq l-għażiż Ġens tar-Rwanda i-protezzjoni materna tal-Madonna ta’ Kibeho.  Niftakar bil-qalb l-isqfijiet tar-Rwanda li kienu hawn, fil-Vatikan, il-ġimgħa l-oħra.  U issa nistieden lilkom ilkoll biex titolbu lill-Madonna ta’ Kibeho.

(tingħad l-Ave Maria)

Insellem lill-pellegrini kollha li hawn preżenti, b’mod partikulari lil dawk li qed jieħdu sehem fil-Kungress tal-Movimento di Impegno Educativo dell’Azione Cattolica Italiana. L-investivemnt fl-edukazzjoni jfisser investiment fit-tama!

Insellem l-insra ta’ Madrid u ta’ Menorca; dawk tad-djoċesi ta’ Concordia-Pordenone; il-grupp Brażiljan “Fraternidade e tráfico humano”; l-istudenti tal-Kanada, tal-Awstralja,  tal-Belġju u dawk ta’ Cartagena-Murcia; dawk li ġew mill-Alpi ta’ Como u ta’ Ruma.

Insellem lill-grup ta’ adolexxenti li rċevew li qed jippreparaw irwieħhom biex jirċievu s-sagrament tal-Ġriżma tal-Isqof, iż-żgħażagħ ta’ varji parroċċi u l-ħafna studenti.

Għaddew eżatt ħames snin mit-terremot li laqat l-Aquila u l-inħawi tal-madwar.  F’dan il-mument ejjew ningħaqdu ma’ dik il-komunità li tant batiet, u li għadha tbati, tissielet u tittama, b’ħafna tama f’Alla u fil-Madonna.  Nitolbu għall-vittmi kollha; jalla jgħixu għal dejjem fil-paċi tal-Mulej.  U nitolbu għall-mixja ta’ qawmien tal-poplu ta’ Aquila: jalla s-solidarjetà u l-qawmien spiritwali ġdid ikunu l-qawwa li biha tinbena mill-ġdid il-belt.

Nitolbu wkoll għall-vittmi tal-virus Ebola li żviluppa fil-Guinea u fil-pajjjżi ta’ madwarha.  Jalla l-Mulej iqawwi l-isforzi li qed isiru biex jiġi miġġieled il-bidu ta’ din l-epidemija u biex jassikura l-kura u l-għajnuna lil dawk kollha li għandhom bżonn.

U issa rrid nagħmel ġest żgħir għalikom.  Fil-ġimgħat li għaddew għedtilkom biex ilkoll ikollkom ktejjeb żgħir tal-Vanġelu li ġġorruh magħkom matul il-ġurnata, biex spiss taqraw minnu. Imbagħad ħsibt f’dik it-tradizzjoni antika tal-knisja li waqt ir-Randan jitqassam il-Vanġelu lill-katekumeni, lil dawk li jkunu qed jippreparaw għall-magħmudija.  Għalhekk illum nixtieq noffri lilkom li tinsabu fil-Pjazza – imma bħala sinjal lil kulħadd – ktejjeb tal-Vanġelu li jista’ joqgħod fil-but [juri l-ktejjeb].  Dan se jitqassam b’xejn.  Fil-pjazza hemm il-postijie minnfejn qed jitqassam  Qed narhom hemm, hemm hemm... Ersqu lejhom u ħudu Vanġelu.  Ħuduh, ġorruh magħkom, u aqraw kull jum: huwa Ġesù nnifsu li qed ikellimkom hemm!  Hija l-Kelma ta’ Ġesù; din hija l-kelma ta’ Ġesù!

U bħalu ngħidilkom: b’xejn ħadtu, b’xejn agħtu, agħtu l-messaġġ tal-Vanġelu!  Forsi hawn min fostkom ma jemminx li dan huwa b’xejn. “Kemm jiswa? Kemm irrid inħalla, Missier?”  Ejjew nagħmlu ħaġa: bħala ħlas għal dan ir-rigal, agħmlu att ta’ karità, ġest ta’ mħabba b’xejn, talbi għall-għedewwa, agħmlu l-paċi ma’ min kellkom xi tgħidu miegħu, xi ħaġa...

Illum huwa possibbli l-vanġelu jinqara anke b’ħafna mezzi teknoloġiċi.  Huwa possibbli li ġġorr miegħek il-Bibbja kollha fil-mobile, fil-tablet.  L-importanti hu li din il-Kelma ta’ Alla tinqara, b’kull mezz; basta tinqara: huwa Ġesù i qed ikellimna permezz tagħha!  U ilqgħuha b’qalb miftuħa.  Hekk iż-żerrigħa t-tajba tħalli l-frott!

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb u l-Ikla t-tajba!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.