Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-kapitlu ħmistax tal-Evanġelju ta’ San Luqa nsibu t-tliet parabboli dwar il-ħniena: dik tan-nagħġa li terġa’ tinstab (vv. 4-7), dik tal-munita li tinstab mill-ġdid (vv. 8-190), u l-parabbola l-kbira tal-iben il-ħali, jew aħjar, tal-missier ħanin (vv. 11-32).  Ikun sabiħ jekk illum naqbdu l-Evanġelju, dan il-kapitlu 15 tal-Evanġelju skont San Luqa, u naqraw it-tliet parabboli.  F’din il-mixja tar-Randan, l-Evanġelju jippreżentalna propju din l-aħħar parabbola tal-missier ħanin, li l-protagonisti tagħha huma missier flimkien maż-żewġ uliedu.  Ir-rakkont jgħinna naraw żewġ aspetti ta’ dan il-missier: hu raġel li dejjem lest li jaħfer u li dejjem jittama kontra kull tama.  Tolqtok qabel xejn it-tolleranza tiegħu quddiem id-deċiżjoni ta’ ibnu ż-żgħir li jitlaq mid-dar: seta opponih, għax kien jaf li kien għadu mhux matur, ġuvni żagħżugħ, jew ifittex avukat biex ma jtihx il-wirt minħabba li hu kien għadu ħaj.  Minflok, iħallih jitlaq minkejja li seta’ jara bil-quddiem ir-riskji li kienu possibbli.  Hekk jagħmel Alla magħna: iħallina ħielsa, anki biex niżbaljaw, għax meta ħalaqna tana r-rigal kbir tal-libertà.  Hu għalina li nużawha tajjeb.  Dar-rigal tal-libertà li jtina Alla jħallini dejjem mistgħaġeb!

Imma d-distakk ta’ dak l-iben hu biss wieħed fiżiku; il-missier dejjem baqa’ jżommu f’qalbu; bil-fiduċja jistennih jerġa’ lura; jgħarrex fil-bogħod bit-tama li jarah.  U jum wieħed jarah ġej mill-bogħod (cfr v.20).  Imma dan ifisser li dal-missier, kull jum, kien jitla’ fuq il-bejt biex jara jekk ibnu hux ġej lura!   Allura malli jarah iħossu mqanqal, jiġri lejh, jgħannqu, ibusu.  Kemm tenerezza!  U dan l-iben kien għamel waħda ħoxna!  Imma l-missier hekk jilqgħu.

Il-missier għandu l-istess atteġġjament ma’ ibnu l-kbir, li dejjem baqa’ d-dar, u issa rrabjat u qed jipprotesta għax mhux jifhem u ma jaqbilx ma’ dik il-ħniena lejn ħuħ li kien żbalja.  Il-missier joħroġ jiltaqa’ ma’ dan l-iben tiegħu ukoll u jfakkru li huma dejjem kienu flimkien u li dak li hemm hu tagħhom it-tnejn (v. 31), imma hemm bżonn laqa’ ta’ ferħ għal dan ħuħ li fl-aħħar reġa’ lura d-dar.  U dan iġegħelni naħseb ħaġa: meta bniedem iħoss li hu midneb, iħossu verament xejn jew, kif smajt lil xi ħadd jgħid – lil ħafna -: “Padre jien ninsab fil-ħama”, allura dak ikun il-waqt li mmorru għand il-Missier.  Iżda meta bniedem iħoss li hu ġust – “Jien dejjem għamilt l-affarijiet sew......” – il-Missier xorta waħda jiġi jfittixna għax dak l-atteġġjament li bniedem iħossu ġust hu atteġġjament ħażin: hija s-suppervja!  Ġejja mix-xitan.  Il-missier jistenna lil dawk li jħossu li huma midinbin u jmur ifittex lil dawk li jħossuhom ġusti.  Hekk hu l-Missier tagħna!

F’dil-parabbola nistgħu nilmħu wkoll lit-tielet iben.  It-tielet iben?  U fejn hu?  Moħbi!  Hu dak li «li ma jiqsux privileġġ li jkun bħall-Missier, imma tneżża’ minn kollox u ħa s-sura ta’ lsir» (Fil 2,6-7).  Dan l-iben-qaddej hu Ġesù!  Hu l-estensjoni ta’ dirgħajn u ta’ qalb il-Missier: Hu laqa’ lill-ħali u ħasillu saqajh li kienu maħmuġin; Hu ħejja l-mejda għall-ikla tal-maħfra.  Hu, Ġesù, jgħallimna nħennu bħalma hu ħanin il-Missier.

Il-figura tal-Missier tal-parabbola tixkef il-qalb ta’ Alla.  Hu l-Missier ħanin li f’Ġesù jsejħilna biex inħobbu mingħajr limiti, jistenna dejjem il-konverżjoni tagħna kull darba li niżbaljaw; jistedinna nerġgħu lura meta nitbiegħdu minnu għax naħsbu li nistgħu ngħaddu mingħajru; hu dejjem lest biex jiftħilna dirajgħ jiġri x’jiġri.  Bħall-missier tal-Evanġelju, Alla wkoll jibqa’ jqisna uliedu meta nkunu mitlufin, u jiġi jiltaqa’ magħna bit-tenerezza meta nerġgħu lura għandu.  U jkellimna b’tant tjubija meta naħsbu li aħna ġusti. L-iżbalji li nagħmlu, anki jekk kbar, ma jxellfux il-fedeltà ta’ mħabbtu.  Bis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni nistgħu dejjem nerġgħu nibdew mill-ġdid:  Hu jilqagħna u jroddilna lura d-dinjità ta’ uliedu u jgħidilna: “Ibqa’ miexi!  Qum, ibqa’ miexi!”

F’daż-żmien tar-Randan li għad fadlilna sal-Għid, aħna msejħin biex inżidu sew il-mixja interjuri tagħna ta’ konverżjoni.  Inħallu l-ħarsa mimlija mħabba tal-Missier tagħna tiġi fuqna u mmoru lura għandu b’qalbna kollha, u nirrifjutaw kull kompromess mad-dnub.  Il-Verġni Marija takkumpanjana sa ma’ naslu għat-tgħanniqa li ġġedded tal-Ħniena Divina.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Nesprimi l-qrubija tiegħi mas-Sorijiet Missjunarji tal-Karità, minħabba l-luttu kbir li laqathom jumejn ilu bil-qtil ta’ erba’ reliġjużi f’Aden, fil-Yemen, fejn huma kienu qed jgħinu lill-anzjani.  Nitlob għalihom u għall-persuni l-oħra kollha li sfaw maqtulin waqt l-attakk, u għall-familji tagħhom.   Dawn huma l-martri tal-lum!  Mhumiex fl-ewwel faċċata tal-ġurnali, mhumiex aħbarijiet: dawn jagħtu demmhom għall-Knisja.  Dawn il-persuni huma vittmi tal-attakk ta’ dawk li qatluhom imma wkoll tal-indifferenza, ta’ din il-globaliżżazzjoni tal-indifferenza, li ma jimpurtahiex......  Madre Tereża, akkumpanja lejn is-sema li dawn uliedek martri tal-karità, u interċedi għall-paċi u r-rispett sagru lejn il-ħajja umana.

Bħala sinjal konkret ta’ mpenn għall-paċi u l-ħajja, nixtieq insemmi u nuri l-ammirazzjoni tiegħi għall-inizjattiva biex ikun hemm kuriduri umanitarji għar-rifuġjati, mibdija dan l-aħħar mill-Italja.  Dan il-proġett-pilota, li jgħaqqad is-solidarjetà u s-sigurtà, qed jiswa biex jgħin lill-persuni li qed jaħarbu mill-gwerra u mill-vjolenza, bħalma huma l-mitt rifuġjat li diġà ġew trasferiti lejn l-Italja, fosthom tfal morda, persuni diżabbli, romol tal-gwerra bit-tfal, u anzjani.  Nifraħ dwar dan għax din l-inizjattiva hija wkoll ekumenika minħabba li warajha hemm il-Komunità ta’ Sant’Egidio, il-Federazzjoni tal-Knejjes Evanġeliċi tal-Italja, Knejjes Valdesi u Metodisti.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn tant pajjiżi oħra, partikolarment lill-fidili tal-Missjoni Kattolika minn Hagen (il-Ġermanja), kif ukoll li dawk li ġew minn Timisoara (Rumanija), Valencia (Spanja) u mid-Danimarka.

Insellem lill-gruppi parrokkjali minn Taranto, Avellino, Dobbiaco, Fane (Verona) u Ruma; liż-żgħażagħ minn Milan, Almenno San Salvatore, Vedellino-Zigonia, Latiano u liż-żgħażagħ minn Vigonovo; l-iskejjel “Don Carlo Costamagna” ta’ Busto Arsizio u “Immacolata” ta’ Soresina; il-gruppi ta’ talb “Santa Maria tal-Anġli u tat-Tama”; il-konfederazzjoni nazzjonali Ex-Alunni tal-Iskejjel Kattoliċi.

Nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titftakru fija u fil-kollaboraturi tiegħi fit-talb tagħkom għax bejn illum u nhar il-ġimgħa se nagħmlu l-Eżerċizzi Spiritwali.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber