SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

It-Tnejn, 6 ta' Jannar, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Qed niċċelebraw is-solennità tal-Epifanija, it-tifkira tal-Maġi li ġew mill-Orjent lejn Betlem mexjin wara kewkba, biex iżuru lill-Messija li għadu kif twieled.  Fi tmiem ir-rakkont evanġeliku, jingħad li "billi l-Maġi kienu mwissijin f’ħolma biex ma jerġgħux imorru għand Erodi, telqu lura lejn arthom minn triq oħra" (v.12).  Minn triq oħra.

Wara li kienu vvjaġġaw ħafna, dawn l-għorrief ġejjin minn pajjiżi mbegħeda, isibu lil dak li xtaqu jsiru jafuh, wara li kienu fittxewh fit-tul, żgur qalb ħafna tbatija u avventuri.  U meta fl-aħħar waslu fejn riedu jaslu inxteħtu wiċċhom fl-art quddiem it-Tfajjel, offrewlu r-rigali prezzjużi tagħhom.  Wara, reġgħu bdew triqthom biex bla telf ta' żmien imorru lura lejn arthom.  Iżda dik il-laqgħa ma' dak it-Tfajjel bidlithom.

Il-laqgħa ma' Ġesù mhux talli ma waqqfitx il-Maġi, talli nisslet fihom ħeġġa ġdida biex jerġgħu lura lejn pajjiżhom ħalli jirrakkunatw dak li kienu raw u l-ferħ li kienu ġarrbu.  F'dan kollu hemm it-turija tal-istil ta' Alla, tal-mod kif Hu jimmanifesta ruħu fl-istorja.  L-esperjenza ta' Alla mhix ostaklu, imma tilliberana; ma tjassarniex, iżda terġa' tibdielna t-triq, treġġgħana lura lejn id-drawwiet normali tal-eżistenza tagħna.  L-imkejjen huma l-istess, imma wara l-laqgħa tagħna ma' Ġesù aħna ma nibqgħux dak li konna qabel.  Il-laqgħa ma' Ġesù tibdilna, tittrasformana.  L-evanġelista Mattew jisħaq li l-Maġi reġgħu lura "minn triq oħra" (v.12).  Huma mnebbħin biex  jibdlu t-triq mit-twissija tal-anġlu, biex ma jiltaqgħux ma' Erodi u l-konfoffi tal-poter tiegħu.

Kull esperjenza ta' laqgħa ma' Ġesù ġġagħalna naqbdu toroq differenti, għax minnu tiġi qawwa pożittiva li tfejjaq il-qalb u tbegħedna mill-ħażen.

Hemm dinamika ta' dehen bejn il-kontinwità u n-novità: "lura lejn artna", iżda "minn triq oħra".  Dan jurina li huwa dmirna li ninbidlu, li għandna nibdlu l-mod kif ngħixu, dejjem fl-ambjenti tas-soltu, li nibdlu l-kriterji tal-ġudizzju tagħna dwar ir-realtà li għandna madwarna.  Din hi l-vera differenza bejn Alla veru u l-idoli tradituri, bħalma huma l-flus, is-setgħa, is-suċċess...; bejn Alla u dawk li jwegħdu li jtuk dawn l-idoli, bħalma huma s-saħħara, dawk li jaqraw il-karti, dawk li jagħmlu l-maġija.  Id-differenza hi li l-idoli jorbtuna magħhom, jagħmluna dipendenti minnhom u aħna nagħmluhom tagħna.  Il-veru Alla la jżommna u lanqas iridna nżommuh għalina: jiftħilna toroq ta' novitajiet u ta' libertà, għaliex hu Missier dejjem magħna biex jgħinna nikbru.  Jekk inti tiltaqa' ma' Ġesù, jekk ikollok laqgħa spirtiwali ma' Ġesù, ftakar: trid terġa' lura lejn l-imkejjen tas-soltu, imma minn triq oħra, bi stil  ieħor.  U b'hekk ikun l-Ispirtu s-Santu, li jtina Ġesù, li jibdlilna qalbna.

Nitolbu lill-Verġni Qaddisa sabiex insiru xhieda ta' Kristu kull fejn inkunu, permezz ta' ħajja ġdida ittrasformata minn imħabbtu.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

indur bi ħsieb partikolari lejn ħutna tal-Knejjes Orjentali kattoliċi u ortodossi, li l-biċċa l-kbira minnhom għada jiċċelebraw it-Twelid tal-Mulej.  Lilhom u lil komunitajiet tagħhom nawgurawlhom id-dawl u l-paċi ta' Kristu Salvatur.  Nagħtu applaws lil ħutna ortodossi u kattoliċi tal-Knejjes Orjentali.

Fil-jum tal-Epifaniija ikun iċċelebrat ukoll il-Jum Dinji tal-Infanzja Missjunarja.  Hija l-festa tat-tfal u tal-adoloxxenti missjunarji li jgħixu s-sejħa universali għall-qdusija bl-għajnuna li jagħtu lil tamparhom li jinsabu fil-bżonn permezz tat-talb u ġesti ta' kondiviżjoni.  Nitolbu għalihom.

Nagħti merħba minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll Rumani u pellegrini.  Fostkom, insellem b'mod partikolari lil dawk li ġejjin mill-Korea t'Isfel u lill-istudenti tal-istitut franġiskan "Siena College" minn New York; kif ukoll il-grupp missjunarju minn Biassono u l-fidili minn Ferrara.

Tislima speċjali tmur lejn kull min qed jieħu sehem fil-korteo storiko-folkloristiku, imnebbaħ mit-tradizzjoniet tal-Epifanija u li dis-sena hu dedikat lit-territorju ta' Allumiere u l-Valle del Mignone.  U nestendi t-tislima wkoll lill-korteo tal-Maġi li jsir f'bosta bliet u villaġġi tal-Polonja.  Hu pjaċir tiegħi insellem tant espressjonijiet popolari marbutin mal-festa tal-lum - qed naħseb fi Spanja, fl-Amerika Latina, fil-Ġermanja -, drawwiet li għsandhom jibqgħu isiru fid-dawl tat-tifsira nisranija ġenwina tagħhom.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber