Għeżież ħuti, il-festa t-tajba!

Illum, festa tal-Epifanija tal-Mulej, l-Evanġelju (cfr Mt 2,1-12) jippreżentalna tlett atteġġjamenti li bihom intlaqgħet il-miġja ta’ Kristu Ġesù u l-manifestazzjoni tiegħu lid-dinja.  L-ewwel atteġġjament: tfittxija, tfittxija ħerqana; it-tieni: indifferenza; it-tielet: biża’.

Tfittxija ħerqana: Il-Maġi ma joqgħodux jittitubaw biex jitilqu f’mixja ħalli jfittxu lill-Messija.  Meta jaslu Ġerusalemm jistaqsu:«Fejn hu dak li twieled, ir-Re tal-Lhud?  Rajna l-kewkba tiegħu u ġejna biex inqimuh» (v. 2).  Għamlu vjaġġ twil u issa b’ħerqa kbira qed ifittxu fejn jinsab ir-Re mwieled.  F’Ġerusalemm imorru għand ir-re Erodi, li jitlob lis-saċerdoti tiegħu u lill-iskribi biex ifittxu fejn kellu jkun il-post li fih kellu jitwieled il-Messija.

B’kuntrast ma’ din it-tfittxija ħerqana tal-Maġi, għandna t-tieni atteġġjament: l-indifferenza tas-saċerdoti u tal-iskribi.  Dawn kienu jgħixu komdi.  Kienu jafu l-Iskrittura u kellhom ħila jagħtu tweġiba tajba dwar il-post tat-twelid: «F’Betlem ta’ Ġuda, għax hekk hemm miktub mill-Profeta» (v. 5); jafu, imma ma jinskomodawx ruħhom biex imorru jfittxu lill-Messija.  U Betlem kienet biss ftit kilometri bogħod, imma huma ma jiċċaqalqux.

It-tielet atteġġjament hu aktar negattiv minn hekk, dak ta’ Erodi: il-biża’.  Hu jibża’ li dak it-tfajjel se joħodlu s-setgħa.  Isejjaħ lill-Maġi u jistaqsiehom meta deheritilhom il-kewkba u jibgħathom Betlem filwaqt li jgħidilhom: «Morru tkixxfu (.....) dwar it-tifel u meta ssibuh, ejjew għiduli biex jien ukoll niġi nqimu» (vv. 7-8).  Fil-verità Erodi ma riedx imur iqim lil Ġesù: Erodi ried jaf fejn kien jinsab it-tfajjel mhux biex jadurah imma biex jeqridu, għax iħossu bħala rival.  U ifhmu tajjeb: il-biża’ dejjem iġġib magħha l-ipokrisija.  L-ipokriti huma dejjem hekk għax f’qalbhom hemm il-biża’.

Dawn huma t-tlett atteġġjamenti li nsibu fl-Evanġelju: tfittxija ħerqana mill-Maġi, indifferenza tas-saċerdoti, tal-iskribi u ta’ dawk li kienu jafu t-teoloġija; u l-biża’ ta’ Erodi.  Aħna wkoll nistgħu naħsbu u ngħażlu: liema (atteġġjament) minnhom se nieħdu.   Jien irrid immur dejjem lejn Ġesù bil-ħerqa?  “Imma Ġesù għalija ma jfisser xejn... jien komdu...”.  jew inkella nibża’ minn Ġesù u rrid inkeċċih minn ġo qalbi?

L-egoiżmu jista’ jwassal biex il-miġja ta’ Ġesù fil-ħajja tiegħi naraha bħala theddida.  Allura nipprova noħnoq jew insikket il-messaġġ ta’ Ġesù.  Meta nkunu niġru wara l-ambizzjonijiet umani, il-prospettivi l-aktar komdi, l-inklinazzjoni lejn il-ħażin, lil Ġesù nħossuh bħala ostaklu.

Min-naħa l-oħra dejjem għandna preżenti t-tentazzjoni li nkunu idifferenti.  Minkejja li nafu li Ġesù hu s-Salvatur – tagħna u ta’ kulħadd -, nippreferu ngħixu qiesu mhux hekk: minflok inġibu ruħna b’koerenza mal-fidi nisranija tagħna, nimxu fuq il-prinċipji tad-dinja, li jġegħeluna nissodifaw l-inklinazzjonijiet lejn il-prepotenza, il-kilba għall-poter, l-għana.

Iżda aħna msejħin biex nimxu fuq l-eżempju tal-Maġi: inkunu ħerqana fit-tfittxija, lesti li niskomodaw ruħna biex nilqgħu lil Ġesù fil-ħajja tagħna.  Infittxuh biex nadurawh, biex ngħarfu li Hu huwa s-Sid tagħna, li jurina t-triq vera li fiha għandna nimxu.  Jekk aħna jkollna dan l-atteġġjament, Ġesù jsalvana realment, u aħna nkunu nistgħu ngħixu ħajja sabiħa, inkunu nistgħu nikbru fil-fidi, fit-tama, fil-karità lejn Alla u lejn ħutna.

Nitolbu l-interċessjoni ta’ Marija Santissma, kewkba tal-umanità pellegrina fiż-żmien.  Jalla bl-għajnuna materna tagħha kull bniedem jasal għand Kristu, Dawl tal-verità, u jalla d-dinja timxi ‘l quddiem fit-triq tal-ġustizzja u tal-paċi.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Xi Knejjes orjetnali Kattoliċi u Ortodossi, f’dawn il-jiem jiċċelebraw il-Milied tal-Mulej.  Nagħtihom l-awguri tiegħi minn qiegħ qalbi: jalla din iċ-ċelebrazzjoni ta’ ferħ tkun għajn ta’ ħeġġa spiritwali mġedda u komunjoni bejnietna l-insara kollha, li nagħrfuh bħala s-Sid u s-Salvatur.  U rrid nespimi b’mod speċjali, il-qrubija tiegħi mal-insara Ortodossi Kopti, u nsellem minn qalbi lil ħija Tawadros II fl-okkażjoni ta’ ferħ tal-konsagrazzjoni tal-katidral il-ġdid tal-Kajr.

L-Epifanija hi wkoll Il-Jum Missjunarju tat-Tfal, li dis-sena qed jistieden lit-tfal missjunarji jagħmlu tagħhom il-ħarsa ta’ Ġesù, sabiex Hu jsir il-gwida prezzjuża tal-impenn tagħhom fil-impenn tagħhom ta’ talb, fraternità u kondiviżjoni ma’ sħabhom tamparhom speċjalment dawk l-aktar fil-bżonn.

Nagħti tislima minn qalbi lilkom ilkoll, pellegrini singoli, familji, gruppi parrokkjali u assoċjazzjonijiet, li ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi oħra.  Insellem partikolarment lill-fidili min Lavello, minn San Martino in Rio, lis-Sorijiet ta’ San Ġużepp tal-Apparizzjoni, u lill-dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Bonate Sotto u Romano di Lombardia.

Tislima speċjali lill-korteo storiku-folkloristiku li jippromwovi l-valuri tal-Epifanija li dis-sena huwa dedikat lit-territorju tal-Monti Prenestini.  Nixtieq infakkar ukoll il-korteo tal-Maġi li jsir f’bosta bliet tal-Polonja li fih jieħdu sehem għadd kbir ta’ familji u assoċjazzjonijiet.

Nawguralkom ilkoll il-festa t-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.