Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum niċċelebraw l-Epifanija tal-Mulej, jiġifieri l-manifestazzjoni ta’ Ġesù li jiddi bħal dawl għall-ġnus kollha.  Is-simbolu ta’ dan id-dawl li jiddi fid-dinja u jrid idawwal il-ħajja ta’ kull bniedem hija l-kewkba li mexxiet lill-Maġi lejn Betlem.  L-Evanġelju jgħidilna li huma «raw tfiġġ il-kewkba tiegħu» (Mt 2,2) u qatugħa li jimxu warajha: għażlu li jħallu l-kewkba ta’ Ġesù tmexxihom.

Fil-ħajja tagħna wkoll hemm ħafna kwiekeb, dwal li jilmaw u jorjentaw.  Jiddependi minna wara liema minnhom irridu nimxu.  Per eżempju, hemm dwal li jixegħlu u jitfu, li jiġu u jmorru, bħalma jagħmlu s-sodisfazzjonijiet żgħar tal-ħajja: anki jekk ikunu tajbin, mhumiex biżżejjed, għax jintemmu f’ħakka t’għajn u ma jħallux fina l-paċi li nkunu qed infittxu.  Hemm imbagħad, id-dwal li jgħammxu, dawk tal-palk, il-flus u s-suċċess, li jwiegħdu kollox u malajr: jisseduċuk, imma l-qawwa tagħhom tgħamik u minħabba fihom tgħaddi mill-ħolm tal-glorja għad-dlam taqtgħu b’sikkina.  Imma l-Maġi jistiednuna għal mixja wara dawl stabbli, dawl ġentili,  li qatt ma jnin għax mhux ta’ did-dinja: jiġi mis-sema u jiddi.. fejn?  Fil-qalb.

Dan id-dawl veru hu d-dawl tal-Mulej, jew aħjar, hu l-Mulej innifsu.  Huwa d-dawl tagħna: dawl li ma jgħammixx, imma jakkumpanja u jagħti ferħ uniku.  Dan hu dawl għal kulħadd u jsejjaħ lil kulħadd: b’hekk nistgħu nisimgħu is-sejħa tal-istedina li l-Profeta Iżaija jagħmlilna llum: «Qum, imtela bid-dawl» (60,1).  Hekk kien jgħid Iżaija meta kien jipprofetiżża dan il-ferħ tal-lum f’Ġerusalemm: «Qum, imtela bid-dawl». Kuljum fil-bidu tal-ġurnata nistgħu nilqgħu din l-istedina: qum, imtela bid-dawl, illum, fost il-bosta meteoriti tad-dinja, imxi wara l-kewkba tad-dawl ta’ Ġesù!  Meta nimxu warajha, inħossu l-ferħ, kif ġralhom il-Maġi, li «malli lemħu l-kewkba imtlew b’ferħ kbir» (Mt 2,10), għax fejn hemm Alla hemm il-ferħ.  Min iltaqa’ ma’ Ġesù ħass fih il-miraklu tad-dawl li jċarrat id-dlamijiet u jifhem x’inhu dan id-dawl li jdawwal u jnebbaħ.  Nixtieq, b’rispett kbir, nistieden lil kulħadd biex ma jibżax minn dan id-dawl u jinfetaħ għall-Mulej.  Fuq kollox, irrid ngħid li min tilef il-forza li jfittex, lil min hu għajjien, lil min, għax mgħarraq mid-dlamijiet tal-ħajja, intfietlu kull xewqa: qum, kuraġġ, id-dawl ta’ Ġesù jaf jegħleb l-iswed dlamijiet; qum, kuraġġ!

U kif jinstab dad-dawl divin?  Nimxu fuq l-eżempju tal-Maġi li l-Evanġelju jiddeskrivihom bħala persuni dejjem f’moviment.  Infatti, min irid id-dawl, joħroġ minnu nnifsu u jfittex: ma jibqax fl-għeluq, wieqaf iħares lejn dak li qed jiġri madwaru, imma jirriskja ħajtu; joħroġ minnu nnifsu.  Il-ħajja Nisranija hi mixja bla waqfien, magħmula mit-tama’, mixja li, bħal tal-Maġi, tibqa’ għaddejja wkoll meta għal xi waqt il-kewkba tinħeba, ma narawhiex aktar.  F’dil-mixja hemm perikli li għandhom ikunu evitati: it-tlablib superfiċjali u mondan, li jtaqqal il-pass; il-kapriċċi tal-egoiżmu li jipparaliżża; il-ħofor tal-pessimiżmu li huma nassa għat-tama. Dawn l-ostakli mblukkaw lill-Iskribi, li jkellimna dwarhom l-Evanġelju tal-lum.  Huma kienu jafu fejn kien id-dawl imma ma ċċaqalqux.  Meta Erodi jistaqsiehom: “Fejn għandu jitwieled il-Messija?” – “F’Betlem!”  Kienu jafu fejn imma baqgħu ma ċċaqalqux.  Il-kuxjenza tagħhom kienet frivola, kienu jafu ħafna affarijiet, imma kollu ta’ xejn, kollox fil-vojt.  Mhux biżżejed l-għarfien li Alla twieled, jekk miegħu ma jsirx il-Milied fil-qalb.  Alla twieled, hu minnu, imma f’qalbek twieled?  Twieled f’qalbi?  U hekk insibuH, bħalma sabuh il-Maġi, ma’ Marija u Ġużeppi, fl-istalla.

Il-Maġi dan għamlu: wara li sabu lit-Tarbija «inxteħtu minn tulhom u adurawHa» (v.11).  Ma ħarsux lejHa biss, ma qalux biss xi talba taċ-ċirkostanza u telqu ‘l hemm, le, imma adurawHa; daħlu f’komunjoni personali ta’ mħabba ma’ Ġesù.  Imbagħad tawh id-deheb, l-inċens u l-mirra, l-aktar ħwejjeġ prezzjużi li kellhom.  Nitgħallmu mill-Maġi biex lil Ġesù ma ntuhx biss loqom ta’ ħin jew xi ħsieb dwaru kultant, għax inkella ma jkollniex id-dawl tiegħu.  Bħall-Maġi, ejjew nitilqu f’mixja, ejjew nilbsu dan id-dawl aħna u mexjin wara l-kewkba ta’ Ġesù, u naduraw lill-Mulej bl-essri tagħna kollu.

Wara l-Angelus:

Għada, il-komunitajiet ekkleżjali tal-Orjent li jimxu fuq il-kalendarju Ġuljan se jiċċelebraw il-Milied Imqaddes.  Bi spirtu ta’ fraternità ferrieħa nawgura li t-twelid mill-ġdid tal-Mulej Ġesù jimliehom bid-dawl u l-paċi.

L-Epifanija hi l-Jum tal-Infanzja Missjunarja.  Nagħti kuraġġ lit-tfal kollha u liż-żgħażagħ li f’tant inħawi tad-dinja huma impenjati biex iwasslu l-Evanġelju u biex jgħinu lil min hu tamparhom li jinsab f’xi diffikultà.  Insellem lil kull min illum ġie (mir-reġjuni) mill-Lazio, mill-Abruzzo u mill-Molise u nirringrazzja lill-Opra Pontifiċja tal-Infanzja Missjunarja għas-servizz edukattiv li tagħti.

Insellem lill-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-kortejo storiku/folkloristiku li dis-sena hu dedikat għall-artijiet tal-Umbria tan-nofsinhar u li għandu l-għan li jferrex il-valuri tas-solidarjetà u l-fratellanza.

Insellem lill-gruppi li ġew minn Malta, minn California u mill-Polonja; u nagħti l-barka tiegħi lill-parteċipanti tal-Kortejo tar-Re Maġi li jsir ġo Varsavja bil-parteċipazzjoni ta’ bosta familji u bosta tfal.

Insellem lill-fidili minn Ferrara, Correggio, Ruvo di Puglia, Robecco sul Naviglio u Cucciago; kif ukoll li dawk li se jagħmlu l-konfermazzjoni minn Rosolina u Romano di Lombardia, lill-ministranti tad-djoċesi ta’ Asti, liż-żgħażagħ minn Cologno al Serio, u lill-ħbieb u volontarji tal-Fraterna Domus.

Il-Maġi joffru lil Ġesù r-rigali tagħhom, imma fir-realtà Ġesù stess hu l-veru don ta’ Alla: infatti Huwa hu Alla li jingħata għalina, fiH aħna naraw il-wiċċ mimli ħniena tal-Missier li qed jistenniena,  jilqagħna, jaħfrilna dejjem; il-wiċċ ta’ Alla li qatt ma jimxi magħna skont dak li nagħmlu, skont dnubietna, imma biss skont l-immensità tal-ħniena bla tarf tiegħu.  U la qed nitkellmu dwar ir-rigali jien ukoll ħsibt li nagħtikom rigal żgħir... m’hawnx iġmla, imma se ntikom rigal.  Il-ktejjeb “Ikoni tal-Ħniena”.  Ir-rigal ta’ Alla hu Ġesù, il-ħniena t’Alla; u għalhekk, bħala tifkira ta’ dar-rigal ta’ Alla, se ntikom dar-rigal li se jitqassmilkom mill-foqra, minn min m’għandux saqaf u mir-rifuġjati flimkien ma’ volontiera u reliġjużi li nsellmilhom bil-ħerqa u nirringrazzjahom minn qiegħ qalbi.

Nawguralkom sena ta’ ġustizzja, maħfra, serenità, imma fuq kollox sena ta’ ħniena.  Dan il-ktejjeb jgħinkom tagħmlu dan: jidħol fil-but, tistgħu ġġorruh magħkom.

Jekk jogħġobkom, tinsewx ittuni intom ukoll ir-rigal tat-talb tagħkom.  Il-Mulej iberikkom.  Il-festa t-tajba, il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber