Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Dalgħodu, permezz tal-konċelebrazzjoni ewkaristika fil-bażilka ta’ San Pietru, ingħata bidu għall-Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet.  Il-Missirijiet tas-Sinodu, li ġejjin minn naħa tad-dinja, flimkien miegħi se jgħixu ġimgħatejn ta’ smigħ attiv u ta’ diskusssjoni, imsaħħin bit-talb, fuq it-tema: “L-isfidi pastorali fuq il-familja fil-kuntest tal-evanġelizzazzjoni”.

Illum il-kelma ta’ Alla tippreżentalna x-xbiha tad-dielja bħala simbolu tal-poplu li l-Mulej għażel għalih.  Bħal dielja, il-poplu jistħoqqlu ħafna kura, jeħtieġ imħabba paċenzjuża u fidila.  Hekk jagħmel Alla magħna, u hekk aħna msejjħin biex nagħmlu aħna r-Rgħajja.  Anke li nieħdu ħsien il-familja huwa mod kif naħdmu fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej, sabiex tagħme il-frott għas-Saltna ta’ Alla (cfr MT 21,33-43).

Imma biex il-familja tkun tista timxi sew, bil-fiduċja u bit-tama, hemm bżonn li tkun imsaħħa mill-kelma ta’ Alla.  Għaldaqstant hija kumbinazzjoni sabiħa li proprju llum ħutna l-Paolini xtaqtu li jqassmu l-Bibbja hawn fil-Pjazza u f’ħafna bnadi oħra.  Dan qed jagħmlu fl-okkażjoni taċ-Ċentinarju mill-fondazzjoni tagħhom mill-beatu Giacomo Alberione, appostlu kbir tal-komunikazzjoni.  Għalhekk illum, waqt li qed jibda s-Sinodu għall-Familja, bil-għajnuna tal-Paolini nistgħu ngħidu: Bibbja għal kull familja!  “Imma, Missier, ġa għandna tnejn, tlieta...” Fejn ħbejtuhom allura?  Il-Bibbja mhix hemm biex titpoġġa fuq xkaffa, imma biex iżżommha fejn tilħaqha, biex taqra minnha spiss, kuljum, kemm waħdek kif ukoll mal-oħrajn, ir-raġel u l-mara, ġenituri u wlied, forsi filgħaxija, speċjalment nhar ta’ Ħadd.  Hekk il-familja tikber, timxi ‘l quddiem, bid-dawl u l-qawwa tal-Kelma ta’ Alla!

Nistieden lil kulħadd biex isejsu x-xogħol tas-Sinodu bit-talb, billi jsejjħu l-interċessjoni materna tal-Verġni Marija.  F’dan il-mument ejjew nissieħbu spiritwalment ma’ tant nies li, fis-Santwarju ta’ Pomepi, qed jitobu s-“Supplika” tradizzjonali lill-Madonna tar-Rużarju.  Jalla Hi ġġb il-paċi lill-familji u lid-dinja kollha!

L-anġlu t’Alla....

____

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ fl-Istati Uniti ġiet proklamata beata Swor Maria Teresa Demjanovich, tas-Sorijiet tal-karità ta’ Santa Eliżabetta.  Nirringrazzaw lil Alla għal din id-dixxiplu fidila ta’ Kristu li għexet ħajja spiritwali intensa.

Illum fl-Italja qed jiġi ċelebrat il-Jum għat-twaqqigħ tal-ostakli arkitettoniċi.  Inħeġġeġ lil min jaħdem f’dan il-qasam biex jiggarantixxu opportunitajiet indaqs fil-ħajja għal kulħadd, indipendentement mill-kundizzjoni fiżika ta’ kull persuna.  Nawguria li l-Istituzzjonijiet u ċ-ċittadini individwali joqgħodu dejjem aktar attenti għal dan il-fini soċjali.

Issa nsellem kordjalment lilkom ilkoll, insara Rumani u pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn Pajjiżi oħra.  Inselleb f’mod speċjali lill-istudenti li ġew mill-Awstralja u dawk tas-San Bonaventura Gymnasium Dillingen (fil-Ġermanja), iż-żgħażagħ tal-Ġordanja, l-Għaqda San Giovanni de Matha u l-insara tal-parroċċa ta’ San Pawl f’Bergamo.

Insellem il-pellegrini li ġew hawn bir-rota miż-żona ta’ Milan fit-tifkira ta’ Santa Gianna Berretta Molla, omm qaddisa ta’ familja, xhud tal-Vanġelu tal-ħajja, u nħeġġiġhom biex ikomplu bl-inizjattivi tagħhom ta’ solidarjetà mal-persuni l-aktar fraġni.

Nitlobkom biex ma tinsewx: itolbu għas-Sinodu, itolbu lill-Madonna sabiex tħares din l-Assemblea Sinodali.  Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-Tajjeb. Itolbu għalija. L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.