F’dan l-ewwel ħadd tar-Randan, l-Evanġelju jintroduċilna l-mixja tagħna lejn l-Għid billi jurina lil Ġesù li għal erbgħin jum jibqa’ fid-deżert u jkun ittantat mix-xitan (cfr Mt 4,1-11).  Dan l-episodju jseħħ f’waqt preċiż tal-ħajja ta’ Ġesù: eżatt wara l-Magħmudija fix-xmara Ġordan u qabel jibda l-ministeru pubbliku.  Hu għadu kif irċieva l-investitura solenni: L-Ispirtu t’Alla niżel fuqu, il-Missier tas-sema iddikjara li Hu «Ibni l-maħbub» (Mt 3,17).  Issa Ġesù lest biex jibda l-missjoni tiegħu: u minħabba li din għandha għadu dikjarat, jiġifieri Satana, Hu jaffrontah mill-ewwel “wiċċ imb’wiċċ”.  Ix-xitan jinqeda propju bit-titlu ta’ “Iben Alla”, biex ibiegħed lil Ġesù milli jwettaq il-missjoni tiegħu: «Jekk int Iben Alla...» itennilu (vv 3.6), u jissuġġerilu li jagħmel xi ġesti mirakolużi – li jsir “saħħar” – biex jibdel il-ġebel f’ħobż ħalli jaqta’ l-ġuħ, li jintefa’ għal isfel minn fuq il-ħajt tat-tempju biex isalvawh l-anġli.  Wara dawn iż-żewġ tentazzjonijiet, hemm it-tielet waħda: jadura lilu, lix-xitan, biex ikollu s-setgħa fuq id-dinja (cfr v. 9).

Permezz ta’ dawn it-tliet tentazzjonijiet, Satana jrid jaljena lil Ġesù mit-triq tal-ubbidjenza u l-umiljazzjoni – għax jaf li b’hekk, minn dit-triq, il-ħażen jisfa megħlub – u jwasslu fuq it-triq falza tas-suċċess u l-glorja ta’ malajr.  Imma Ġesù jilqa’ l-vleġġeġ velenużi tax-xitan kollha bit-tarka tal-Kelma t’Alla (vv. 4.7.10) li tesprimi r-rieda tal-Missier.  Ġesù ma jgħid ebda kelma minn żniedu: iwieġeb biss bil-Kelma t’Alla.  B’hekk, l-Iben, mimli bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, joħroġ mid-deżert rebbieħ.

Bħala Nsara, matul l-erbgħin jum tar-Randan, aħna msejħin biex nimxu fuq il-passi ta’ Ġesù u naffrontaw it-taqbida spiritwali kontra l-Malinn bil-qawwa tal-Kelma t’Alla.  Mhux bi kliemna, ma jiswew xejn.  Il-Kelma t’Alla: dik għandna l-qawwa biex tegħleb lil Satana.  Għalhekk jeħtieġ li jkollna kunfidenza mal-Bibbja: naqrawha spiss, nimmeditawha, nassimilawha.  Il-Bibbja fiha l-Kelma t’Alla li hija dejjem attwali u effikaċi.  Xi ħadd staqsa: x’jiġri kieku kellna nittrattaw il-Bibbja kif nittrattaw il-mowbjal tagħna?  Kieku nġorruha dejjem magħna, jew tal-anqas il-ktejjeb tal-but bl-Evanġelju, x’jiġri?; kieku kellna nerġgħu lura jekk inkunu nsejniha: int tinsieh il-mowbajl? – Oh! Insejtu, ħa mmur lura biex inġibu; kieku niftħu l-Bibbja aktar minn darba matul il-ġurnata; kieku naqraw il-messaġġi ta’ Alla li jinsabu fil-Bibbja bħalma naqraw il-messaġġi tal-mowbajl, x’jiġri?  Huwa ċar li l-paragun hu paradossali, imma jġegħlek tirrifletti.  Fil-fatt, kieku kellna l-Kelma t’Alla dejjem f’qalbna, ebda tentazzjoni ma tkun tista’ tbegħedna minn Alla u ebda ostaklu ma jkun jista’ jtellfilna t-triq tas-sewwa; ta’ kuljum inkunu nistgħu nagħrfu ngħelbu s-suġġestjoni tal-ħażen li hemm ġo fina u barra minna; insibu li għandna ħila ngħixu ħajja irxuxtata skont l-Ispirtu, nilqgħu u nħobbu lil ħutna, speċjalment lill-aktar dgħajfa u fil-bżonn, u anki lill-għedewwa tagħna.

Il-Verġni Marija, ikona perfetta tal-ubbidjenza lejn Alla u tal-fiduċja bla kundizzjonijiet għar-rieda tiegħu, issostnina fil-mixja tar-Randan, sabiex nisimgħu bil-ħlewwa l-Kelma t’Alla ħalli jkollna verament il-konverżjoni ta’ qlubna.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lill-familji, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet u lill-pellegrini kollha li ġew mill-Italja u minn pajjiżi differenti oħra.

Insellem lill-fidili li ġew mid-djoċesijiet ta’ Madrid, Córdoba u Varsavja; kif ukoll lil dawk li ġew minn Belluno u Mestre.  Insellem liż-żgħażagħ tad-dekanat ta’ Baggio (Milan) u lil dawk li qed jieħdu sehem fil-laqgħa mnedija mill-‘Maestre Pie Filippini’.

Ftit jiem ilu bdejna r-Randan, il-mixja tal-Poplu t’Alla lejn l-Għid, mixja ta’ konverżjoni, ta’ taqbida kontra l-ħażen bl-armi tat-talb, tas-sawm u tal-opri tal-karità.  Nawgura lil kulħadd mixja tar-Randan għanja bil-frott u nitlobkom titolbu għalija u għall-kollaboraturi tiegħi tal-Kurja ta’ Ruma li llejla se nibdew il-ġimgħa ta’ eżerċizzi spiritwali.  Grazzi mill-qalb għat-talb li se toffru.

U, jekk jogħġobkom, tinsewx – tinsewx! – x’jiġri kieku kellna nittrattaw il-Bibbja bħalma nittrattaw il-mowbajl tagħna.  Aħsbu f’dan.  Il-Bibbja dejjem magħna, qrib tagħna!

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb!  Il-pranzu t-tajjeb!  Arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber