PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru - Il-Ħadd, 5 ta’ Jannar 2014

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tipproponielna , fil-Prologu tal-Vanġelu ta’ San Ġwann, it-tifsira l-aktar profonda tal-Milied ta’ Ġesù. Huwa il-Kelma t’Alla li saret bniedem u tella’ it-“tinda” tiegħu, qagħad fost il-bnedmin. L-Evanġelista jikteb: “Il-Kelma saret ġisem u għammret fostna” (“Ġw 1, 14). F’dan il-kliem, li qatt ma jieqaf jimmeraviljana, hemm il-Kristjaniżmu kollu! Alla sar mortali, fraġili bħalna, sieħeb magħna l-kondizzjoni umana, ħlief id-dnub, iżda ħa fuqu d-dnubiet tagħna daqs li kienu tiegħu. Daħal fl-istorja tagħna, sar għalkollox Alla-magħna! Għalhekk, it-twelid ta’ Ġesù jurina li Alla ried jingħaqad ma’ kull raġel u mara, ma’ kull wieħed u waħda minna, biex jgħaddi lilna ħajtu u l-ferħ tiegħu.

Hekk, Alla huwa Alla magħna, Alla li jħobbna, Alla li jimxi magħna. Dan hu l-messaġġ tal-Milied: il-Kelma saret ġisem. Hekk il-Milied jirrivelalna l-imħabba immensa t’Alla għall-umanità. Minn hawn ġej ukoll l-entużjażmu, it-tama tagħna l-insara, li fil-faqar tagħna nafu li aħna maħbubin, li għandna min iżurna, li aħna akkumpanjati minn Alla; u nħarsu lejn id-dinja u lejn l-istorja bħala l-post fejn aħna nimxu flimkien miegħu u bejnietna, lejn smewwiet ġodda u art ġdida. Mat-twelid ta’ Ġesù twieldet wegħda ġdida, twieldet dinja ġdida, imma ukoll dinja li dejjem tista’ tiġġedded. Alla dejjem preżenti biex iqajjem bnedmin ġodda, biex isaffi id-dinja mid-dnub li ixejjaħha, mid-dnub li jikkorrompiha. Għalkemm l-istorja umana u dik personali ta’ kull wieħed minna tista’ tkun immarkata b’ diffikultajiet u b’ dgħufijiet, il-fidi fl-Inkarnazzjoni tgħidilna li Alla huwa bis-sħiħ mal-bniedem u ma’ l-istorja tiegħu. Din il-viċinanza t’Alla lejn il-bniedem, lejn kull bniedem, lejn kull wieħed minna, hija rigal li ma jgħejb qatt! Huwa jinsab magħna! Huwa hu Alla magħna! U din il-viċinanza ma tgħejb qatt. Din hi t-tħabbira ferrieħa tal-Milied: id-dawl divin li ssawwab fil-qlub tal-Verġni Marija u ta’ San Ġużepp, u mexxa lir-rgħajja, jiddi ukoll lilna llum.

Fil-misteru ta’ l-Inkarnazzjoni ta’ l-Iben t’Alla hemm ukoll aspett li hu marbut mal-libertà umana, mal-libertà ta’ kull wieħed minna. Fil-fatt, il-Kelma t’Alla jtella t-tinda tiegħu fostna, midimbin u fil-ħtieġa tal-ħniena. U aħna lkoll għandna ngħaġġlu biex nirċievu l-grazzja li hu joffrielna. Imma għall-kuntrarju, jkompli jgħidilna l-Vanġelu ta’ San Ġwann, “dawk tiegħu ma laqgħuhx (v. 11). Aħna wkoll, ħafna drabi niċħduh, nippreferixxu li nibqgħu fl-għeluq tal-iżbalji tagħna u fid-dwejjaq ta’ dnubietna. Imma Ġesù ma jħalliniex u ma jieqafx milli joffri lilu nnfisu u l-grazzja tiegħu li ssalvana! Ġesù huwa paċenzjuż, Ġesù jaf jistenna, jistenniena dejjem. Dan huwa messaġġ ta’ tama, messaġġ ta’salvazzjoni, qadim u dejjem ġdid. U aħna msejħin biex bil-ferħ nagħtu xhieda ta’ dan il-messaġġ tal-Vanġelu tal-ħajja, tal-Vanġelu tad-dawl, tat-tama u ta’ l-imħabba. Għaliex il-messaġġ ta’ Ġesù huwa dan: ħajja, dawl, tama, mħabba.

Marija, Omm Alla u Omm ħelwa tagħna, żommna int dejjem, biex nibqgħu fidili għall-vokazzjoni nisranija, u nkunu nistgħu inwettqu ix-xewqat ta’ ġustizzja u ta’ paċi li nġibu fina fil-bidu ta’ din is-Sena Ġdida.

 

Wara l-Anġelus

Ħuti,

F’din il-klima ta’ ferħ, karatteristika ta’ dan iż-żmien tal-Milied, nixtieq inħabbar li mill-24 sas-26 ta’ Mejju li ġej, jekk Alla jrid, se nagħmel pellegrinaġġ għall-Art Mqaddsa. L-iskop ewlieni huwa li nfakkar il-laqgħa storika bejn il-Papa Pawlu VI u l-Patriarka Atenagoras li ġrat eżattament fil-5 ta’ Jannar, bħallum 50 sena ilu. Nieqaf fi tlett postijiet: Amman, Betlem u Ġerusalemm. Tlett ijiem. Ħdejn il-Qabar Qaddis niċċelebraw Laqgħa Ekumenika mar-rappreżentanti kollha tal-Knejjes Nsara ta’ Ġerusalemm, flimkien mal-Patriarka Bartolomew ta’ Konstantinopli. Sa minn issa nitlobkom titolbu għal dan il-pellegrinaġġ, li se jkun pellegrinaġġ ta’ talb.

Dawn l-aħħar ġimgħat, irċevejt minn kull parti tad-dinja ħafna messaġġi ta’ awguri għall-Milied  u għas-Sena l-Ġdida. Jiddispjaċini, imma jaħasra impossibbli  inwieġeb għal kollha. Għalhekk nixtieq nirringrazzja minn qalbi lit-tfal iż-zgħar għad-disinji sbieħ tagħhom. Huma tassew sbieħ! It-tfal iż-żgħar jagħmlu disinji sbieħ! Sbieħ, sbieħ, sbieħ! Nirringrazzja lit-tfal iż-żgħar, l-ewwel. Nirringrazzja liż-żagħżagħ, lill-anzjani, lill-familji, lill-kommunitajiet parrokkjali u reliġjużi. Lill-assoċjazzjonijiet, lill-movimenti, u lill-gruppi differenti li riedu juruni affezzjoni u viċinanza. Nitlob lil kulħadd li jkomplu jitolbu għalija, għandi bżonn ta’ talb, u jitolbu għal dan is-servizz lejn il-Knisja.

U issa insellem lilkom minn qalbi, għeżież pellegrini hawn preżenti llum, speċjalment lill-Assoċjazzjoni Taljana ta’ Għalliema Kattoliċi: ninkoraġġikom fix-xogħol edukattiv tagħkom, hu important ħafna. Insellem lill-Fidili ta’ l-Ark ta’ Trento u Bellona, liż-żgħażagħ ta’ Crema u ta’ Mantova li jaħdmu ma’ persuni b’disabiltà. Insellem ukoll lill-folla sfieqa ta’ baħrin brażiljani.

Lilkom lkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb u pranzu tajjeb. Sa ma nerġgħu niltaqgħu!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Anton Azzopardi SJ