Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb,

Fl-Evanġeju ta’ dan it-tieni Ħadd tal-Avvent tidwi l-istedina ta’ Ġwanni l-Battista: “Indmu, għax is-Saltna tas-sema hi fil-qrib! (Mt 3,2).  B’dan l-istess kliem, Ġesù jibda l-missjoni tiegħu fil-Galilija (cfr Mt 4,17).; u din hi l-istess bxara li kellhom iwasslu d-dixxipli fl-ewwel esperjenza missjunarja tagħhom (cfr Mt 10,7).  B’hekk l-Evanġelista Mattew irid jippreżenta lil Ġwanni bħala dak li jħejji t-triq tal-Mulej li ġej u jippreżenta liddixxipli bħala dawk li kellhom ikomplu l-predikazzjoni ta’ Ġesù.  Hu (Ġesù) l-istess aħbar ta’ ferħ: riesqa s-Saltna t’Alla, anzi, Huwa qrib, jinsab fostna!  Dil-kelma hi importanti ħafna: “Is-Saltna t’Alla tinsab fostkom”, jgħid Ġesù.  U Ġwanni jħabbar dak li kien għad irid jgħid Ġesù: “Is-Saltna t’Alla waslet, waslet u tinsab fostkom”.  Dan hu l-messaġġ ċentrali ta’ kull missjoni Nisranija.  Meta missjunarju jitlaq, meta Nisrani jmur iħabbar lil Ġesù, ma jmurx biex jagħmel il-prożeliti, qiesu xi fanatiku li qed ifittex is-sapporters għat-tim li jħobb hu.  Le, imur sempliċiment biex iħabbar: “Is-Saltna t’Alla tinsab fostkom”.  U b’hekk il-missjunarju jħejji t-triq għal Ġesù li jiltaqa’ mal-poplu tiegħu.

Imma xinhi din is-Saltna t’Alla, din is-Saltna tas-Smewwiet?  Jixxiebħu.  Aħna mill-ewwel naħsbu dwar xi ħaġa ta’ dinja oħra; il-ħajja eterna.  Ċertament dan hu minnu, is-Saltna t’Alla m’għandhiex tmiem, tmur ‘l hinn mill-ħajja fuq din l-art, imma l-aħbar sabiħa li jġibilna Ġesù – u li Ġwanni jantiċipaha – hi, li s-Saltna t’Alla m’għandniex għalfejn nistennewha fil-futur: ġie qribna, b’xi mod diġà hu preżenti u sa minn issa nistgħu nħossu l-qawwa spiritwali tiegħu.  “Is-Saltna t’Alla tinsab fostkom!”, jgħid Ġesù.  Alla jiġi biex iwaqqaf is-sinjorija tiegħu fl-istorja tagħna, fil-lum ta’ kuljum, f’ħajjitna; huwa hemmhekk li din tintlaqa’ bil-fidi u bl-umiltà u li fiha jwarrdu l-imħabba, il-ferħ u l-paċi.

Il-kundizzjoni biex nidħlu nieħdu sehem minn din is-Saltna hi li nibdlu ħajjitna, jiġifieri nikkonvertu, nikkonvertu kuljum, pass pass kull jum li jgħaddi... ifisser li nħallu wara spallejna t-toroq komdi li jfixkluna, tal-idoli ta’ din id-dinja: is-suċċess akkost ta’ kollox, il-poter minn fuq dahar id-dgħajjef, l-għatx għall-għana, il-pjaċir jiswa x’jiswa.  U, minflok, niftħu t-triq għall-Mulej li ġej: Hu ma jeħdilniex il-libertà tagħna imma jtina l-hena veru.  Bit-twelid ta’ Ġesù f’Betlem hu Alla stess li jiġi jgħammar fostna biex jeħlisna mill-egoiżmu, mid-dnub tal-korruzzjoni, minn dawn l-atteġġjamenti li huma tax-xitan: li nfittxu s-suċċess akkost ta’ kollox; li niksbu l-poter għad-detriment tal-aktar dagħjfin; li nixxenqu għall-għana u nfittxu l-pjaċir jiswa x’jiswa.

Il-Milied hu festa ta’ ferh kbir li jidher minn barra wkoll, imma fuq kollox hu ġrajja reliġjuża li għaliha meħtieġa tħejjija spiritwali.  F’daż-żmiem tal-Avvent inħallu l-eżortazzjoni tal-Battista tmexina: “Ħejju t-triq tal-Mulej, iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu”, jgħidlina (v.3).  Aħna nħejju t-triq tal-Mulej u nwittu triqatu meta neżaminaw il-kuxjenza tagħna, meta bir-reqqa neżaminaw l-atteġġjamenti tagħna biex inwarbu minna dawn l-atteġġjamenti tad-dnub li semmejt qabel, li mhumiex ta’ Alla: is-suċċess akkost ta’ kollox, il-poter għad-detriment tal-aktar dgħajfin; il-kilba għar-rikkezzi, il-pjaċir jiswa x’jiswa.

Il-Verġni Marija tgħinna nħejju rwieħna għal-laqgħa ma’ din l-Imħabba-dejjem-akbar, li hi dik li ttina lil Ġesù, li fil-lejl tal-Milied sar ċkejken bħal żerriegħa li waqgħet fl-art.  Ġesù hu din iż-żerriegħa: iż-żerriegħa tas-Saltna t’Alla. 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini!

Insellem b’mod partikolari lill-fidili li ġew minn Córdoba, Jaén u Valencia, fi Spanja; minn Split u Makarska, fil-Korazja; mill-parroċċi ta’ Santa Maria dell’Orazione u tas-Santissimu Ġisem u Demm ta’ Kristu f’Ruma.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba, din it-tħejjija tat-triq tal-Mulej u l-konverżjoni ta’ kull jum

Arrivederci għal nhar il-Ħamis, festa tal-Immakulata.  F’dal-jiem nitolbu magħqudin flimkien, l-interċessjoni materna tagħha għall-konverżjoni tal-qlub u d-don tal-paċi.

U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb.  Għal nhar il-Ħamis!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber