Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Ftit tal-ħin ilu, fil-Bażilika ta’ San Pietru ġiet fi tmiemha ċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika li biha ingħata bidu għall-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet.  Il-Padri Sinodali, li ġejjin minn kull naħa tad-dinja, flimkien mas-Suċċessur ta’ Pietru, għal tliet ġimgħat se jirriflettu fuq il-vokazzjoni u l-missjoni tal-familja fil-Knisja u fis-soċjetà, biex isir dixxerniment spiritwali u pastorali fil-fond.  Se nżomu ħarsitna fissa fuq Ġesù biex, fuq il-bażi tal-verità, u tal-ħniena, infittxu l-aħjar toroq għal impenn xieraq tal-Knisja mal-familji u għall-familji, sabiex il-pjan oriġinali tal-Ħallieq għar-raġel u għall-mara jitwettaq u jkun jista’ jaħdem bis-sbuħija kollha tiegħu u bil-qawwa tiegħu fid-dinja tal-lum.

Il-liturġija ta’ dan il-Ħadd tagħtina propju test fundamentali mill-ktieb tal-Ġenesi dwar il-kumplimentarjetà u r-reċiproċità bejn raġel u mara (cfr.Ġen. 2, 18-24).  Għalhekk, tgħid il-Bibbja, ir-raġel iħalli ‘l missieru u ‘l ommu u jingħaqad ma’ martu u t-tnejn isiru ħaġa waħda, jiġifieri ħajja waħda, eżistenza waħda (cfr v. 24).  F’din l-għaqda, il-miżżewġin jittrażmettu l-ħajja lil bnedmin oħra; isiru ġenituri.  Jipparteċipaw fil-qawwa ħallieqa ta’ Alla nnifsu.  Imma attenzjoni!  Alla hu mħabba, u l-parteċipazzjoni fl-opra tiegħu issir meta l-imħabba tkun miegħu u bħal tiegħu.  Għal din ir-raġuni – jgħid San Pawl – l-imħabba xterdet fi qlubna permezz tal-Ispirtu s-Santu li ngħatalna (cfr Rum 5,5).  U din hi wkoll l-imħabba li tingħata lill-għarajjes fis-Sagrament taż-żwieġ.  Hi l-imħabba li tmantni r-relazzjoni tagħhom, fil-ferħ u fin-niket, fil-waqtiet hienja u diffiċli.  Hija l-imħabba li tqanqal ix-xewqa biex jintisslu l-ulied, nistennewhom, nilqugħhom, irrabbuhom, nedukawhom.  Hi l-istess imħabba li Ġesù juri mat-tfal fl-Evanġelju tal-lum: «ħallu t-tfal jiġu għandi, twaqqfuhomx: għax ta’ min hu bħalhom hi s-saltna t’Alla» (Mark 10,14).

Illum nitolbu ‘l Alla biex il-ġenituri kollha u l-edukaturi tad-dinja, kif ukoll is-soċjetà kollha, isiru strumenti ta’ dik il-laqgħa, dik l-akkoljenza u dik l-imħabba li bihom Ġesù jgħannaq liż-żgħar nett.  Hu jħares f’qalbhom bit-tenerezza u l-ħerqa ta’ missier u fl-istess ħin ta’ omm.  Qed niftakar f’tant tfal bil-ġuħ, abbandunati, sfruttati, imġegħlin jiġġieldu fill-gwerra, rifjutati.  Hu tal-biki tara stampi ta’ tfal imdejqin, b’ħarsithom mitlufa, li jaħarbu mill-faqar u l-kunflitti, iħabbtu fuq il-bibien tagħna u fuq qlubna, jitkarrbu għall-għajnuna.  Il-Mulej jgħinna biex ma nkunux soċjetà/fortizza, imma soċjetà/familja, bil-ħila li nilqgħu, bir-regoli addattati, imma nilqgħu, nilqgħu dejjem, bl-imħabba!

Nitlobkom tgħinu l-ħidma tas-Sinodu bit-talb tagħkom, biex l-Ispirtu s-Santu jgħin lil-Padri Sinodali jilqgħu bil-ħlewwa l-ispirazzjonijiet li jtihom.  Nitolbu l-interċessjoni materna tal-Verġni Marija billi ningħaqdu spiritwalment ma’ kull min, f’dan il-waqt, fis-Santwarju ta Pompej qed jirreċita s-Supplika lill-Madonna tar-Rużarju.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ, f’Santander, fi Spanja, ġew dikjarati beati Pio Heredia u sbatax imsieħba rġiel u nisa tal-Ordni taċ-Ċisterċensi li jgħixu b’ubbidjenza stretta r-regola ta’ San Bernard.  Huma nqatlu minħabba l-fidi tagħhom waqt il-gwerra ċivili Spanjola u l-persekuzzjoni reliġjuża tas-snin tletin tas-seklu li għadda.  Infaħħru lill-Mulej għal dawn ix-xhieda kuraġġużi tiegħu u bl-interċessjoni tagħhom, nitolbuh bil-ħerqa biex jeħles lid-dinja mill-flaġell tal-gwerra.

Nixtieq nagħmel talba lill-Mulej għall-vittmi tat-tiġrif tal-blat li kines villaġġ sħiħ fil-Gwatemala, kif ukoll tal-għarar li seħħ fi Franza fuq il-Costa Azzurra.  Aħna qrib il-popolazzjonijiet milqutin tant qawwi anki bis-solidarjetà konkreta.

Nirringrazzja lilkom ilkoll li ġejtu tant numerużi minn Ruma, mill-Italja u minn tant inħawi tad-dinja.  Insellem lill-fidili mill-Arċidjoċesi ta’ Poderborn (il-Ġermanja), lil dawk minn Porto (il-Portugall) u l-grupp mill-Kulleġġ Mekhitarista f’Ruma.

Fil-jum ta’ San Franġisk ta’ Assisi, patrun tal-Italja, insellem partikolarment minn qalbi lill-pellegrini Taljani, partikolarment lill-fidili minn Reggio Calabria, Bollate, Mozzanica,  Castano Primo, Nule u Parabita.  Insellem liż-żgħażagħ minn Belvedere di Spinello u l-Assoċjazzjoni tad-drittijiet ta’ min jimxi fit-triq ta’ Ruma u tar-Reġjun tal-Lazio.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber