Għeżież ħuti il-jum it-tajjeb!

Aħna u resqin lejn tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, nixtieq insellem lilkom ilkoll li ħadtu sehem.

Qabel kollox lill-Missjunarji tal-Karità, li huma l-familja spiritwali ta’ Madre Tereża. Jalla l-Fundatriċi qaddisa tagħkom tishar dejjem fuq il-mixja tagħkom u tiksbilkom (il-grazzja) li tkunu dejjem fidili lejn Alla, lejn il-Knisja u lejn il-foqra.

B’rispett ta’ gratitudni nsellem lill-Awtoritajiet għolja li hawn preżenti, partikolarment lil dawk li ġejjin mill-pajjiżi  l-aktar marbutin mal-figura ta’ dil-qaddisa ġdida, kif ukoll lid-delegazzjonijiet uffiċjali u lill-għadd kbir ta’ pellegrini li ġew minn dawn il-pajjiżi f’din l-okkażjoni hienja.  Alla jbierek lin-nazzjonijiet tagħkom.

Minn qalbi u b’imħabba nsellem lilkom ilkoll, għeżież volontarji u operaturi tal-ħniena.  Inqiegħdkom taħt il-protezzjoni ta’ Madre Tereża; jalla ta’ kuljum hi tgħallimkom kif tikkuntemplaw u taduraw lil Ġesù Kurċifiss biex tagħrfuh u sservuħ fl-aħwa li huma fil-bżonn.  Nitolbu dil-grazzja wkoll għal dawk kollha li huma magħqudin magħna permezz tal-mezzi tal-komunikazzjoni, f’kull rokna tad-dinja.

F’dal-ħin nixtieq niftakru f’kull min, f’kundizzjonijiet diffiċli u ta’ riskju, jagħti ħajtu għas-servizz tal-aħwa.  Qed naħseb speċjalment fil-bosta reliġjużi nisa li jagħtu ħajjithom mingħajr heda.  Nitolbu partikolarment għal Swor Isabel, missjunarja Spanjola li nqatlet jumejn ilu fil-belt kapitali ta’ Haiti, pajjiż li jinsab fl-inkwiet u nawgura li tieqaf il-vjolenza u li kulħadd ikollu ħarsien akbar.  Niftakru wkoll f’sorijiet oħra, li reċentement sfaw vittmi tal- vjolenza f’pajjiżi oħra.

Dan nagħmluh billi nduru bit-talb lejn il-Verġni Marija, Omm u Reġina tal-Qaddisin kollha.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber