Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dan il-Ħadd ikompli bid-deskrizzjoni tal-ġurnata ta’ Ġesù f’Kafarnahum, f’jum is-Sibt, jum ta’ festa ta’ kull ġimgħa għall-Għebrej (cfr Ma 1, 21-39).  Did-darba l-evanġelista Marku jagħti importanza lir-relazzjoni bejn l-attivita tawmaturġika ta’ Ġesù u l-qawmien tal-fidi fil-persuni li jitaqa’ magħhom. Infatti, bis-sinjali tal-fejqan li jagħmel ma’ kull tip ta’ marid, il-Mulej jistenna l-fidi bħala tweġiba.

Il-ġurnata ta’ Ġesù f’Kafarnahum tibda bil-fejqan tal-kunjata ta’ Pietru u tintemm bix-xena tan-nies kollha tal-post li jinġabru bi ħġarhom quddiem id-dar fejn kien jinsab, biex iġibulu lill-morda kollha.  Il-folla, miġrugħa bit-tbatija fiżika u bil-miżerji spiritwali, hi, biex ngħidu hekk, “l-ambjent vitali” li fih Ġesù jwettaq il-missjoni tiegħu, missjoni magħmula minn kliem u minn ġesti li jfejqu u jfarrġu.  Ġesù ma ġiex biex iġibilna s-salvazzjoni minn ġo xi laboratorju, maqtugħ min-nies: jinsab f’nofs il-folla!   Qalb il-poplu!  Aħsbu ftit: il-biċċa l-kbira tal-ħajja pubblika tiegħu Ġesù jgħaddieha fit-triq, qalb in-nies, biex jipprietka l-Evanġelju, biex ifejjaq il-ġrieħi fiżiċi u spiritwali.  Dil-folla li l-Evanġelju jkellimna dwarha bosta drabi, hija umanità mmarkata bit-tikmix tat-tbatija, tal-għeja u l-problemi: l-azzjoni qawwija, li teħles u ġġedded ta’ Ġesù hi mmirata lejn dan il-faqar uman.  Hekk, qalb il-folla, sa tard filgħaxija, jintemm dak is-Sibt.  U x’jagħmel wara Ġesù?

Qabel iż-żerniq tal-għada, Hu joħroġ bil-moħbi mill-bieb tal-belt u jmur f’post imwarrab biex jitlob.  Ġesù jitlob.  B’hekk Hu jevita li l-persuna u l-missjoni tiegħu jiksbu xejra trionfalistika li tgħawweġ is-sens tal-mirakli u tal-qawwa kariżmatika tiegħu.  Infatti l-mirakli huma “sinjali” li jistiednu l-fidi bħala tweġiba; sinjali li huma dejjem akkumpanjati mill-kliem li jdawwal; u flimkien, sinjali u kliem, iqanqlu l-fidi u l-konverżjoni bil-qawwa divina tal-grazzja ta’ Kristu.

Il-konklużjoni tas-silta tal-lum (vv. 35-39) turina li s-Saltna t’Alla, min-naħa ta’ Ġesù, ssib il-post veru tagħha propju fit-triq.  Lid-dixxipli li marru jfittxuh biex jeħduh lura lejn il-belt – id-dixxipli marru jfittxuh hemhekk, fejn kien qed jitlob u riedu jeħduh lura lejn il-belt , xi jwieġeb Ġesù?  “Ejjew immoru xi mkien ieħor, fil-villaġġi tal-madwar ħalli jien inkun nista’ nipprietka hemmhekk ukoll” (v.38).  Din kienet il-mixja ta’ Iben Alla u din kellha tkun il-mixja tad-dixxipli tieħgu.  U għandha tkun il-mixja ta’ kull nisrani.  It-triq li tkun l-imkien tal-aħbar it-tajba tal-Evanġelju, tqiegħed il-missjoni tal-Knisja taħt is-sinjal tal-”ħruġ”, tal-mixja, taħt is-sinjal tal-”moviment”, ċaqliq, u qatt (taħt is-sinjal) tal-istatiċità.

Il-Verġni Marija tgħinna nkunu miftuħin għal-leħen tal-Ispirtu s-Santu, li jimbotta lill-Knisja ħalli twaqqaf it-tinda tagħha qalb il-folla biex twassal lil kulħadd il-kelma fejjieda ta’ Ġesù, tabib tal-erwieħ u tal-ġisem.

 

Wara  l-Angelus

Għeżież ħuti,

ilbieraħ f’Vigenvano ġie dikjarat beatu ż-żgħażugħ Teresio Olivelli, li nqatel minħabba l-fidi nisranija tiegħu fl-1945, fil-”lager” ta’ Hersbruck.  Hu ta xhieda ta’ Kristu bl-imħabba tiegħu lejn l-aktar dgħajfa u jingħaqad mal-lista twila tal-martri tas-seklu li għadda.  Jalla s-sagrifiċċju erojku tiegħu jkun żerriegħa ta’ tama u fraternità, speċjalment għaż-żgħażagħ

Illum fl-Italja qed ikun iċċelebrat il-Jum tal-Ħajja li għandu t-tema “L-Evanġelju tal-ħajja, ferħ għad-dinja kollha”.  Ningħaqad mal-messaġġ tal-Isqfijiet u nesprimi l-apprezzament tiegħi u l-inkoraġġiment lid-diversi realtajiet ekkleżjali li jippromwovu b’tant modi u jsostnu l-ħajja, partikolarment il-”Movimento per la Vita”, li minn hawn insellem membri tagħhom li jinsabu fil-pjazza f’għadd żgħir.  U dan iħassibni; mhumiex bosta dawk li jitqabdu favur il-ħajja f’dinja fejn kuljum tiżdied il-produzzjoni tal-armi, kuljum isiru liġijiet kontra l-ħajja, kuljum tissaħħaħ il- ultura tal-iskart, li jkun skartat dak li ma jservix aktar, dak li jagħti fastidju.  Jekk jogħġobkom nitolbu sabiex il-poplju tagħna jkun aktar konxju tad-difiża tal-ħajja f’dan  il-waqt ta’ qerda u skart tal-umanità

Nixtieq niżgura lill-poplu tal-Madagascar mill-qrubija tiegħi, minħabba li dan l-aħħar intlaqat minn  ċiklun qawwi li ħalla vittmi, nies bla dar u ħsarat kbar.  Il-Mulej ifarraġhom u jsostniehom.

U issa aħbar.  Quddiem is-sitwazzjoni traġika ta’ kunflitti li għadhom għaddejjin f’diversi nħawi tad-dinja, nistieden lill-fidili kollha għal “Jum ta’ talb u sawm għall-paċi” fit-23 ta’ Frar li ġej, il-Ġimgħa tal-ewwel ġimgħa tar-Randan.  Noffruha b’mod partikolari għall-popolazzjonijiet tar-Republika Demokratika tal-Congo u tas-Sudan t’Isfel.  L-istess bħal f’okkażjoniet simili, nistieden ukoll lill-aħwa mhux kattoliċi u mhux insara biex jingħaqdu ma’ din l-inizjattiva bil-mod li jidhrilhom l-aħjar, imma lkoll flimkien.

Il-Missier Ċelesti tagħna dejjem jisma’ lil uliedu li jsejħulu fin-niket u d-djieqa ta’ qalb, “ifejjaq il-qlub maqsuma u jdewwi l-ġrieħi tagħhom” (Salm 147, 3).  Nagħmel appell minn qiegħ qalbi biex aħna wkoll nisimgħu dil-karba, u kull wieħed u waħda, fil-kuxjenza tiegħu/tagħha, quddiem Alla, jistaqsi: “X’nista 7nagħmel jien għall-paċi?  Żgur li nistgħu nitolbu; imma mhux biss: kull wieħed u waħda minna nistgħu ngħidu “le” għall-vjolenza safejn din tkun tiddependi minna.  Għax ir-rebħiet miksubin bil-vjolenza huma reħbiet foloz; filwaqt li l-ħidma għall-paċi tagħmel tajjeb lil kulħadd!

Insellem lilkom ilkoll fidili li ġejjin minn Ruma u pellegrini mill-Italja u minn pajjiżi differnti. Insellem lill-grupp mid-djoċesi ta’ Cádiz u Ceuta (Spanja), lill-istudenti tal-kulleġġ “Charles Péguy” minn Pariġi, lill-fidili minn Sestri Levante, Empoli, Milan u Palermo u lir-rappreżentanza tal-Belt ta’ Agrigento li lilhom nesprimi l-apprezzament tiegħi għall-impenn fl-akkoljenza u l-integrazzjoni tal-migranti.  Grazzi!  Grazzi għal dak li tagħmlu.  Insellem kordjalment lill-volontarji u lill-kollaboraturi tal-assoċjazzjoni “Fraterna Domus” li ilhom jaħdmu f’Ruma għal 50 sena fil-qasam tal-akkoljenza u s-solidarjetà.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber