Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Irregalatilna ġurnata sabiħa s-sena l-ġdida!  X’temp sabiħ!

Fl-Evanġelju li qrajna llum San Ġwann jgħidilna: “Kellu l-ħajja fih, u l-ħajja kienet id-dawl tal-bnedmin.  Id-dawl jiddi fid-dlam, imma d-dlam ma għelbux...... Dak id-dawl veru, li jdawwal kull bniedem, huwa u ġej fid-dinja” (1, 4-5.9).  Il-bnedmin jitkellmu ħafna dwar id-dawl, imma spiss jippreferu t-trankwillità li tinganna, tad-dlam.  Aħna nitkellmu ħafna dwar il-paċi imma spiss induru lejn il-gwerrer jew nagħżlu s-silenzju kompliċi, jew inkella ma nagħmlu xejn biex nibnu l-paċi.  Infatti San Ġwann jgħid: “ġie fost tiegħu iżda ma laqgħuhx” (1,11): għax dan hu l-ħaqq: id-Dawl – Ġesù – ġie fid-dinja imma l-bnedmin ħabbew aktar id-dlam mid-dawl għax għemilhom kien ħażin.  Għax kull min jagħmel il-ħażin jobgħod id-dawl u ma jresaqx lejn id-dawl biex għemilu ma jinkixifx” (Ġwanni 3, 19-20).  Hekk jgħid fl-Evanġelju San Ġwann.  Il-qalb tal-bniedem tista’ tirrifjuta d-dawl u tagħżel id-dlam għax id-dawl jikxef il-qerq tagħha.  Min jagħmel il-ħażin jobgħod id-dawl.  Min jagħmel il-ħażin jobgħod il-paċi.

Ftit jiem ilu bdejna sena ġdida f’isem Omm Alla u ċċelebrajna l-Jum Dinji tal-Paċi bit-tema “Mhux aktar ilsira, imma aħwa”.  L-awgurju tiegħi hu li jkun megħlub l-isfruttament tal-bniedem minn bnedmin oħra.  Dan l-isfruttament hu pjaga soċjali li jimmortifka r-relazzjonijiet inter-personali u jostakola l-ħajja ta’ komunjoni ttimbrata mir-rispett, il-ġustizzja u l-karità.  Kull bniedem u kull poplu għandhom il-ġuħ u l-għatx għall-paċi; għalhekk hu neċessarju u urġenti li nibnu l-paċi!

Il-paċi mhix biss nuqqas ta’ gwerra, imma qagħda ġenerali li fiha l-persuna umana tinsab f’armonija magħha nnifisha, f’armonija man-natura u f’armonija mal-oħrajn.  Din hi l-paċi.  Madankollu li jissiktu l-armi u jintfew il-fanatiżmi li jqanqlu l-gwerrer, tibqa’ dejjem il-kundizzjoni inevitabbli biex tinbeda l-mixja li twassal għall-kisba tal-paċi fl-aspetti differenti tagħha.  Qed naħseb fil-kunflitti li għadhom idemmu wisq reġjuni tal-pjaneta, fit-tensjonijiet fil-familji u fil-komunitajiet – imma f’kemm familji, f’kemm komunitajiet, anki parrokkjali, hemm il-gwerra! – kif ukoll fil-kuntrasti li jinqalgħu fl-ibliet tagħna bejn gruppi li ġejjin minn kulturi, etniji u reliġjonijiet differenti.  Jeħtieġ nikkonvinċu ruħna, minkejja l-kuntrarju kollu, li l-armonija hija dejjem possibbli f’kull livell u sitwazzjoni.  Mhemmx futur mingħajr għanijiet u proġetti tal-paċi!  Mhemmx futur mingħajr il-paċi!

Fl-Antik Testment, Alla għamel wegħda.  Il-Profeta iżaija kien jgħid: «huma jibdlu x-xwabel tagħhom f'sikek tal-moħriet, u l-lanez tagħhom fi mnieġel.  Ebda ġens ma jerfa' x-xabla kontra ġens ieħor, u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed» (Iżaija 2,4).  Kemm hu sabiħ!  Il-paċi hija mħabbra bħala don speċjali ta’ Alla fit-twelid tar-Redentur : «Paċi fl-art lill-bnedmin li Alla jħobb» (Luqa 2,14).  Dan ir-rigal jeħtieġ li nitolbu għalih bil-ħniena u bla waqfien.  Niftakru f’dak il-poster li kien hawn fil-pjazza: “fl-għeruq tal-paċi hemm it-talb”.  Jeħtieġ nitolbu għaliha bil-ħniena u jeħtieġ li nilqugħa kuljum b’impenn fis-sitwazzjonijiet li nsibu ruħna fihom.  Fil-bidu ta’ din is-sena ġdida, ilkoll aħna msejħin biex fi qlubna nixgħelu mill-ġdid xrara ta’ tama li trid tissarraf f’opri ta’ paċi konkreti.  “Int ma taqbilx ma’ dil-persuna?”; “Fid-dar?  Agħmel paċi!”; “Fil-komunità tiegħek? Agħmel paċi!”.  Opri ta’ paċi, ta’ rikonċiljazzjoni u fraternità.  Kull wieħed minna għandu jagħmel dawn il-ġesti ta’ fraternità fil-konfront tal-proxxmu, speċjalment dawk li huma mnikktin mit-tensjonijiet familjari jew firdiet ta’ natura differenti.  Dawn il-ġesti żgħar għandhom valur kbir: jistgħu jkunu żerriegħa li tnibbet it-tama, jistgħu jiftħu toroq u prospettivi ta’ paċi.

Issa ninvokaw lil Marija, Reġina tal-Paċi, Hi, tul ħajjitha fid-dinja, kuljum iltaqgħet ma’ ħafna diffikultajiet fit-tbatija tal-eżistenza tagħha.  Imma qatt ma tilfet il-paċi ta’ qalbha, frott tal-abbandun tagħha mimli fiduċja fil-ħniena t’Alla.  Lil Marija, Omm tenera tagħna, nitolbuha turi lid-dinja kollha t-triq vera tal-imħabba u tal-paċi.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll għeżież pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra biex tieħdu sehem f’din il-laqgħa ta’ talb.

Insellem partikolarment lill-fidili minn Casirate d’Adda, Alfianello, Val Brembilla u Verona.  Lil kull wieħed u waħda nawguralkom li tgħaddu dan it-tieni Ħadd ta’ wara l-Milied, li jtawwal iż-żmien tal-ferħ tat-twelid ta’ Ġesù, fil-paċi u s-serenità.

Kif tħabbar diġà, fl-14 ta’ Frar li ġej se jkolli l-ferħ li nlaqqa’ Konċistorju li fih se naħtar 15-il Kardinal ġodda, ġejjin minn 13-il pajjiż differenti, minn kull kontinent biex fihom tidher ir-rabta li ma tinħallx bejn il-Knisja ta’ Ruma u l-Knejjes partikolari li hawn fid-dinja.

Il-Ħadd 15 ta’ Frar se nippresjiedi konċelebrazzjoni solenni mal-Kardinali l-ġodda, filwaqt li fit-12 u t-13 ta’ Frar se nlaqqa’ Konċistorju flimkien mal-Kardinali kollha biex nirriflettu fuq it-triq u l-proposti għar-riforma tal-Kura Rumana.

Il-Kardinal l-ġodda huma:

1 – Mons. Dominique Mamberti, Arċisqof titulari ta’ Sagona, Prefett tat-Tribunal Suprem tas-Senjatura Appostolika.

2 – Mons. Manuel José Macário do Nascimento Clemente, Patriarka ta’ Lisbona (Portugall).

3 – Mons. Berhaneyesus Demerew Souraphiel, C.M., Arċisqof ta’ Addis Abeba (Etjopia).

4 – Mons. John Atcherley Dew, Arċisqof ta’ Wellington (New Zealand).

5 – Mons. Edoardo Menichelli, Arċisqof ta’ Ancona-Osimo (Italja).

6 – Mons. Pierre Nguyên Văn Nhon, Arċisqof ta’ Hà Nôi (Viêt Nam).

7 – Mons. Alberto Suárez Inda, Arċisqof ta’ Morelia (Messiku).

8 – Mons. Charles Maung Bo, S.D.B., Arċisqof ta’ Yangon (Myanmar).

9 – Mons. Francis Xavier Kriengsak Kovithavanij, Arċisqof ta’ Bangkok (Tajlandja).

10 – Mons. Francesco Montenegro, Arċisqof ta’ Agrigento (Italja).

11 – Mons. Daniel Fernando Sturla Berhouet, S.D.B., Arċisqof ta’ Montevideo (Uruguay).

12 – Mons. Ricardo Blázquez Pérez, Arċisqof ta’ i Valladolid (Spanja).

13 – Mons. José Luis Lacunza Maestrojuán, O.A.R., Isqof di David (Panama).

14 – Mons. Arlindo Gomes Furtado, Isqof ta’ Santiago de Cabo Verde (Arċipelagu ta’ Capo Verde).

15 – Mons. Soane Patita Paini Mafi, Isqof ta’ Tonga (Gżejjer ta’ Tonga).

Minbarra dawn se ngħaqqad mal-Kulleġġ tal-Kardinali 5 Arċisqfijiet u Isqfijiet Emeriti li ddistingwew ruħhom fil-karità pastorali u fis-servizz lejn is-Santa Sede u lejn il-Knisja.  Huma jirrappreżentaw lil ħafna Isqfijiet li bil-ħidma sfiqa tagħhom bħala rgħajja taw xhieda ta’ mħabba għal Kristu u għall-poplu t’Alla kemm fil-Knejjes partikolari, kif ukoll fil-Kurja Rumana u fis-Servizz Diplomatiku tas-Santa Sede.  Dawn huma:

1 – Mons. José de Jesús Pimiento Rodríguez, Arċisqof Emeritu ta’ Manizales.

2 – Mons. Luigi De Magistris, Arċisqof Titulari ta’ Nova, Pro-Penitenzier Maġġur Emeritu.

3 – Mons. Karl-Joseph RauberArċisqof Titulari ta’ Giubalziana, Nunzju Appostoliku.

4 – Mons. Luis Héctor Villalba, Arċisqof Titulari ta’ Tucumán.

5 – Mons. Júlio Duarte Langa, Isqof Titulari ta’ Xai-Xai.

Nitolbu għall-Kardinali l-ġodda sabiex, filwaqt li jġeddu mħabbithom lejn Kristu, jkunu xhieda tal-Evanġelju tiegħu fil-Belt ta’ Ruma u fid-dinja u biex bl-esperjenzi pastorali tagħhom ikunu ta’ sostenn akbar għalija fis-sevizz appostoliku tiegħi.

Il-Ħadd it-tajjeb lil kulħadd!  Ġurnata sabiħa biex tmorru żżuru l-mużewijiet.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber