Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum nibdew il-mixja tal-Avvent li tilħaq il-milja tagħha fil-Milied.  L-Avvent hu ż-żmien mogħti lilna biex nilqgħu lill-Mulej li jiġi jiltaqa’ magħna, u wkoll biex neżaminaw kemm aħna mixtiqin għal Alla, biex inħarsu ‘l quddiem u nħejju ruħna għall-miġja mill-ġdid ta’ Kristu.  Hu jiġi lura għandna fil-festa tal-Milied, meta aħna nagħmlu l-memorja tal-miġja storika tiegħu fl-umiltà tal-kundizzjoni umana; imma jiġi ġewwa fina kull darba li aħna nkunu disposti li nilqugħ, u jerġa’ jiġi mill-ġdid fl-aħħar biex “jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin”.  Għaldaqstant aħna għandna dejjem nishru u nistennew lill-Mulej bit-tama li niltaqgħu miegħu.  Il-liturġija tal-lum tintroduċilna propju dan is-suġġett suġġestiv tas-saħra u l-istennija.

Fl-Evanġelju (Mk 13,33-37), Ġesù jħeġġiġna biex inkunu dejjem lesti u biex nishru, biex inkunu mħejjija ħalli nilqugħ meta jerġa’ jiġi.  Jgħidilna: “Kunu lesti, ishru għax ma tafux is-siegħa (...);  araw li meta jasal il-waqt f’ħin bla waqt, ma tkunux reqdin” (vv 33-36).

Il-bniedem li jkun dejjem lest hu dak li, fost il-ħsejjes tad-dinja, ma jħallix id-distrazzjoni u s-superfiċjalità jirkbuh, imma jgħix il-milja tal-ħajja bl-għarfien tiegħu innifsu, li t-tħassib tiegħu huwa qabel kollox għal ħaddieħor.  B’dan l-atteġġjament aħna nindunaw bid-dmugħ u l-ħtiġijiet tal-proxxmu u nkunu nistgħu nifhmu wkoll il-ħiliet u l-kwalitajiet umani u spiritwali tiegħu.  Il-persuna li tkun tishar iddawwar ħarsitha wkoll lejn id-dinja, u tfittex teħodha kontra l-indifferenza u l-krudeltà li tinsab fiha, filwaqt li tifraħ bit-teżori tal-ġmiel li jeżistu wkoll u li għandhom ikunu mħarsa.  Ifisser li ħarsitna tifhem, biex tagħraf il-miżerji u l-faqar tal-individwi tas-soċjetà, kif tagħraf ukoll l-għana moħbi fl-affarijiet iż-żgħar ta’ kuljum, propju hemm fejn qegħedna l-Mulej.

Il-persuna attenta hi dik li tilqa’ l-istedina biex tishar, jiġifieri li ma tħallix il-ħedla tal-iskoraġġiment taħkimha, in-nuqqas ta’ tama, id-delużjoni; u, fl-istess waqt, tirrifjuta l-lixka ta’ tant vanitajiet li bihom hi mfawra d-dinja u li kultant, minħabba fihom tissagrifika l-hena personali u dik tal-familja.  Hija l-esperjenza ta’ niket tal-poplu ta’ Iżrael kif jirraukkuntahielna l-Profeta Iżaija: Alla donnu ħalla l-poplu jħuf bogħod minn triqatu (63,17), imma dan kien effett tal-infedeltà tal-istess poplu (64, 4b).  Ta’ spiss aħna wkoll insibu ruħna f’dis-sitwazzjoni ta’ infedeltà għas-sejħa tal-Mulej: Hu jurina t-triq it-tajba, it-triq tal-fidi, it-triq tal-imħabba, imma aħna nfittxu l-hena tagħna xi mkien ieħor.

Li nishru u nkunu attenti huma l-kundizzjonijiet biex aħna ma nkomplux “inħufu bogħod mit-toroq tal-Mulej”, mitlufin fi dnubietna u fl-infedeltajiet tagħna; li nkunu attenti u nishru huma l-kundizzjonijiet biex nippermettu lil Alla jinfed l-eżistenza tagħna, biex iroddilha lura tifsira u valur bil-preżenza tiegħu mimlija tjieba u tenerezza.  Marija Santissma, mudell tal-istennija ta’ Alla u ikona tas-sahra, tmexxina lejn il-laqgħa ma’ Binha Ġesù, billi terġa’ tkebbes fina l-imħabba lejH.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

dal-lejl erġajt lura mill-vjaġġ appostoliku fil-Myanmar u l-Bangladesh.  Irrodd ħajr lil kull min akkumpanjani bit-talb, u nagħmel stedina biex jingħaqdu miegħi jien u niżżi ħajr ‘l Alla għall-grazzja li tani li niltaqa’ ma’ dawk il-popolazzjonijiet, partikolarment il-komunitajiet Kattoliċi, li bix-xhieda tagħhom ħassejtni edifikat.  Għandi mpressjonati f’moħħiil-ħafna uċuħ mifluġin mill-ħajja, imma nobbli u mbissmin.  Inżommhom kollha f’qalbi u fit-talb.  Grazzi kbira lill-poplu tal-Myanmar u lill-poplu tal-Bangladesh!

Fit-talb tiegħi niftakar ukoll b’mod partikolari lill-poplu tal-Honduras, ħalli jkun jista’ jegħleb b’mod paċifikuil-mument ta’ diffikultà li għaddej minnu.

Nagħti tislima lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini li tinsabu hawnhekk.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili li ġejjin minn Bratislava (Slovakkja) u minn Ludwigshafen fil-Ġermanja.

Insellem lill-grupp Pregaziol (Treviso) u liż-żgħażagħ li se jagħmlu l-Griżma minn Mestrino (Padova); kif ukoll lill-komunità Rumena li tgħix fl-Italja li llum qed tiċċelebra l-festa nazzjonali tar-Rumanija.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-mixja tal-Avvent it-tajba.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber