IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

3 ta' Novembru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum (cfr Lq 19,1-10) iqiegħdna mal-folla miexja wara Ġesù hu u tiela lejn Ġerusalemm u jieqaf f'Ġeriko. Kien hemm folla kbira tilqgħu, fosthom raġel jismu Żakkew, kap tal-pubblikani, jiġifieri dawk il-Lhud li kienu jiġbru t-taxxi f'isem l-imperu Ruman.  Hu kien għani mhux minħabba qligħ onest imma għax kien jitlob "commission" ħaġa li kienet iżżid id-disprezz lejh.  Żakkew xtaq jara lil Ġesù (v. 3); ma kellux ħsieb jitlaqa' miegħu, imma kien mimli kurżità: ried jara lil dak il-persunaġġ li dwaru kien sama' ħwejjeġ straordinarji.  Kellu kurżità. U billi kien qasir "biex ikun jista' jarah" (v. 4), tela' ma' siġra.  meta Ġesù jersaq qrib, jerfa' ħarstu u jarah (cfr v. 5).

Dan huwa importanti: l-ewwel ħarsa ma kinitx ta' Żakkew, iżda ta' Ġesù, minn fost il-bosta uċuħ ta' madwaru - il-folla -, fittex propju dak.  Il-ħarsa ħanina ta' Ġesù tasal fuqna qabel ma aħna nindunaw li neħtieġuha biex inkunu salvi.  U b'dil-ħarsa tal-Imgħallem Divin jibda l-miraklu tal-konverżjoni tal-midneb.  Infatti Ġesù jsejjaħlu, u jsejjaħlu b'ismu: "Żakkew inżel minnufih għax illum jeħtieġli noqgħod għandek" (v. 5).  Ma jċanfrux, ma jagħmillux 'prietka'; jgħidlu li 'ried' imur għandu: 'jeħtieġ', għax dik hi r-rieda tal-Missier. Minkejja t-tgemgim tan-nies Ġesù jagħżel li joqgħod fid-dar ta' dak il-midneb pubbliku.

Aħna wkoll konna nieħdu skandlu minn din l-imġieba ta' Ġesù.  Iżda d-disprezz u l-għeluq lejn il-midneb ma jagħmlu xejn aktar ħlief jiżolawh u jwebbsu fih id-deni li jkun qed jagħmel kontra tiegħu nnifsu u kontra l-komunità.  Minflok, Alla jikkundanna d-dnub imma jipprova jsalva lill-midneb, imur ifittxu biex ireġġgħu lura lejn it-triq it-tajba.  Min qatt ma ħassu mfittex mill-ħniena t'Alla jsibha bi tqila jifhem il-kobor straordinarju tal-ġesti u tal-kliem li bihom Ġesù jersaq lejn Żakkew.

L-akkoljenza u l-attenzjoni ta' Ġesù lejn Żakkew, lil dan iwassluh biex jagħmel bidla sħiħa fil-mentalità tiegħu: f'ħakka t'għajn jinduna kemm hi miżera l-ħajja mirkuba mill-flus li tasal tisraq lin-nies u t-tirċievi t-tmaqdir tagħhom.  Il-fatt li kellu lill-Mulej f'daru iġegħelu jibda' jara b'għajnejn differenti, ukoll bi ftit mit-tenerezza li biha kien ħares lejh Ġesù.  U jibdel ukoll il-mod kif iħares lejn u juża l-flus: l-attitudni tal-ħtif tinbidel f'dik ta' għotja.  Infatti jaqtagħha li jagħti nofs ġidu lill-foqra u li jrodd erba' darbiet aktar lil min kien seraq (cfr v. 8).  Minn Ġesù Żakkew jiskopri li huwa possibbli tħobb bil-gratwità: sa dak il-ħin kien xħiħ, issa sar ġeneruż, kellu l-kilba li jaħżen, issa qed isib il-ferħ filli jqassam.  Fil-laqgħa mal-imħabba jiskopri li minkejja dnubietu, kiseb il-ħila li jħobb lill-oħrajn u l-flus bidilhom f'sinjal ta' solidarjetà u komunjoni.

Il-Verġni Marija taqlgħalna l-grazzja li nġarrbu dejjem aktar fuqna l-ħarsa ta' ħniena ta' Ġesù, biex bil-ħniena niltaqgħu ma' min żbalja ħalli huma wkoll ikunu jistgħu jilqgħu għandhom lil Ġesù li ġie "biex ifittex u jsalva lill-mitluf" (v. 10).

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

inħossni mnikket minħabba l-vjolenza li qed iġarrbu l-insara tal-Knisja Ortodossa Tewahedo fl-Etjopja.  Nesprimi l-qrubija kollha tiegħi lejn dil-Knisja u l-Patrijarka tagħha, l-għażiż ħija Abuna Matthias, u nistedinkom titolbu għall-vittmi kollha tal-vjolenza li hemm f'din l-art.

Nitolbu flimkien: "Sliem għalik, Marija....".

Nixtieq irrodd ħajr minn qiegħ qalbi lill-Komun u lid-Djoċesi ta' San Severo fil-Puglia talli nhar it-Tnejn 28 ta' Ottubru ffirmaw il-Protokoll ta' Ftehim li lill-ħaddiema tal-id ta' dawk li jissejħu "caporalati" fiż-żona ta' Foggia, jiksbu kenn fil-parroċċi u jkunu jistgħu ikunu reġistrati fil-insinwa tal-komun.  Il-possibbiltà li jkollhom dokument ta' identifikazzjoni u ta' residenza toffrilhom dinjità ġdida u tgħinhom jinħelsu mill-kundizzjoni ta' irregolarità u sfruttament.  Grazzi kbira lill-Komun u lil dawk kollha li ħadmu biex twettaq dal-pjan.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, Rumanii u pellegrini .  Insellem partikolarment lill-Korporazzjonijiet Storiċi ta' Schützen u tal-Kavallieri ta' San Bastjan ġejjin minn diversi pajjiżi tal-Ewropa; u lill-fidili minn Lordelo de Ouro (il-Portugall).

Insellem lill-pellegrini minn Reggio Calabria, Treviso, Pescara e Sant’Eufemia di Aspromonte; insellem lill-adoloxxxenti minn Modena li rċevew is-Sagrament tal-Griżma, lil dawk minn Petosino fid-djoċesi ta' Bergamo u lil-iScouts li ġew bir-roti minn Viterbo.  Insellem lill-membri tal-Moviment Hakuna minn Spanja.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-Tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber