Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 3 ta' Novembru 2013

 

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Is-silta mill-evanġelju tal-lum, meħud mill-kitba ta’ San Luqa, turina lil Ġesù li, fil-mixja tiegħu lejn Ġerusalemm, jidħol fil-belt ta’ Ġeriko.  Din hija l-aħħar tarġa mill-vjaġġ li jiġbor fih it-tifsira tal-ħajja kollha ta’ Ġesù, iddedikata għat-tfittxija u għas-salvazzjoni tan-nagħaġ il-mitlufa mid-dar ta’ Iżrael.  Imma aktar ma’ dan il-vjaġġ jersaq lejn it-tmiem tiegħu, aktar jissikka madwar Ġesù iċ-ċirku ta’ nies li ma aċċettawhx.

Iżda madanakolli f’Ġeriku jseħħ wieħed mill-aktar episodji ta’ ferħ li jirrakkonta san Luqa: il-konverżjoni ta’ Żakkew.  Dar-raġel huwa nagħġa mitlufa, hu mibgħud u mwarrab, għaliex huwa pubblikan, anzi, huwa l-kap tal-pubblikani tal-belt, ħabib tal-misħutin ħakkiema Rumani, hu ħalliel u qarrieq.

Minħabba li kien hemm xi jwaqqfu milli jersaq lejn Ġesù, probabbli minħabba l-isem ħażin li kellu, u minħabba li kien żgħir fid-daqs, Żakkew jixxabbat ma’ siġra, biex ikun jista’ jara lill-imgħallem għaddej. Dan ġest estern, li hu xi ftit tad-daħk, jixhed il-ġest ġewwieni li għamel dan ir-raġel li xtaq jogħla ‘l fuq mill-folla biex jagħmel kuntatt ma’ Ġesù.  L-anqas Żakkew stess ma kien jaf it-tifsira profonda tal-ġest li għamel, ma jafx għala jagħmel hekk, imma xorta jagħmlu;  lanqas biss jittama li b’xi mod seta’ jegħleb id-distanza li kien hemm bejnu bejn il-Mulej; ilesti ruħu biex jikkuntenta billi jarah għaddej biss.  Imma Ġesù, meta jasal qrib dik is-siġra, isejjaħlu b’ismu: “Żakkew, inżel malajr, għax illum għandi bżonn niġi f’darek” (Lq 19,5).  Dak ir-raġel żgħir fid-daqs, imwarrab minn kulħadd u mbiegħed minn Ġesù qisu mitluf fost ħafna oħrajn, bla importanza u bla tifsira; imma Ġesù jsejjaħlu, u dak l-isem “Żakkew”, fil-lingwa ta’ dak iż-żmien, għandu tifsira sabiħa u profonda: “Żakkew” fil-fatt tfisser “Alla jiftakar”.

U Ġesù jmur fid-dar ta’ Żakkew, u jiġbed lejn il-kritika tan-nies kollha ta’ Ġeriko (għax anke dak iż-żmien kien hemm min iħobb itaqtaq!), li qalu: - Imma kif?  Hawn tant nies sew f’din il-belt, kellu jmur proprju għand dak il-pubblikan?  Iva, għax hu kien mitluf; u Ġesù jgħid: “Illum f’din id-dar ġiet is-salvazzjoni, għax dan ukoll hu iben Abram” (Lq 19,9).  Fid-dar ta’ Żakkew, minn dakinhar, daħal il-ferħ, daħlet il-paċi, daħlet is-salvazzjoni, daħal Ġesù.

M’hemm l-ebda xogħol jew qagħda soċjali, m’hemm l-ebda dnub jew reat ta’ kull sens li jista’ jħassar lil wieħed minn ulied Alla mill-memorja tal-qalb tiegħu.  “Alla jiftakar”, dejjem, ma jinsa lil ħadd minn dawk li hu ħalaq; hu Missier, dejjem jistenna b’tama u mħabba li jara jerġa’ tinbet fil-qalb ta’ ibnu x-xewqa li jerġa’ lura d-dar.  U meta jagħraf dik ix-xewqa, anke b’ġest żgħir, u ħafna drabi bla ma l-persuna biss tinduna, malajr ikun ħdejh biex, permezz tal-maħfra li jagħtih, jgħinu fit-triq tal-konverżjoni li terġa’ twasslu għandu.  Ejjew illum inħarsu lejn Żekkew, hemm fuq fis-siġra: il-ġest tiegħu hu wieħed tad-daħk, imma huwa ġest li jwassal għas-salfazzjoni.  U jien ngħidlek: jekk għandek xi toqol fuq il-kuxjenza, jekk tistħi minħabba ħafna affarijiet li għamilt, ieqaf ftit, tibżax.  Aħseb li hemm xi ħadd li qiegħed jistenniek għax qatt ma waqaf jiftakrek; u dan ix-xiħadd huwa Missierek, hu Alla li qed jistenniek!  Ixxabbat, bħalma għamel Żakkew, itla’ mas-siġra tax-xewqa għall-maħfra; nassigurak li mhux se tkun deluż.  Ġesù hu kollu ħnien u qatt ma jgħejja jaħfer.  Żommha sew f’moħħok din: Ġesù hekk hu.

Ħuti, ejjew aħna wkoll inħallu lil Ġesù jsejjħilna b’isimna!  Fil-fond ta’ qalbna ejjew nisimgħu leħnu jgħidilna: “Illum għandi bżonn nieqaf f’darek”, jiġifieri f’qalbek, f’ħajtek.  U nilqgħuħ bil-ferħ: Hu jista’ jibdilna, jista’ jibdel il-qalb tal-ġebel li għandna f’qalb tal-laħam, jista’ jeħlisna mill-egoiżmu u jagħmel minn ħajjtina rigal ta’ mħabba.  Dan Ġesù jista’ jagħmlu, ħalli lil Ġesù jħares lejk!

 

Wara l-Angelus il-Papa għamel dawn it-tislimiet

Għeżież ħuti,

insellem minn qalbi lir-Rumani kollha, u lill-pellegrini hawn preżenti, b’mod partikulari l-familji, il-parroċċi u l-gruppi minn ħafna Pajjiżi tad-dinja.

Insellem lill-insara li ġew mil-Libanu u dawk mill-belt ta’ Madrid.

Insellem liż-żgħażagħ ta’ Petosino, it-tfal tal-griżma ta’ Grassina (Firenze) u ż-żgħażagħ ta; Cavallermaggiore (Cuneo), il-pellegrini minn Napli, Salerno, Venezia, Nardò u Gallipoli.

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba. Insellmilkom!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia