Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta tal-Evanġelju tal-lum (cfr Mt 16,21-27) hi tkomplija ta’ dak li qrajna l-Ħadd li għadda, li fiha konna rajna l-istqarrija tal-fidi ta’ Pietru, “il-blata” li fuqha Ġesù ried jibni l-Knisja tiegħu.  Illum b’kuntrast li jdarras, Mattew jurina r-reazzjoni tal-istess Pietru meta Ġesù jħabbar lid-dixxipli tiegħu li se jkollu jbati f’Ġerusalemm, joqtluh u mbagħad iqum (cfr. V. 21).  Pietru jiġbed lil Ġesù fil-ġenb u jlumu għax dan –jgħidlu – ma jistax jiġri lilek, li int Kristu.  Iżda min-naħa tiegħu, Ġesù jċanfar lil Pietru bi kliem iebes: «Itlaq minn quddiemi ja xitan!  Int skandlu għalija għax m’intix tqis il-ħwejjeġ t’Alla imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!» (v. 23).  Ftit ħin qabel l-appostlu kien imbierek mill-Missier, għax kien irċieva mingħandu dik-ir-rivelazzjoni, kien “blata” samma li fuqha Ġesù seta’ jibni l-komunità tiegħu; u minnufih isir ostaklu, ġebla imma mhux għall-bini, imma ġebla ta’ tfixkil fit-triq tal-Messija.  Ġesù jaf tajjeb li Pietru u l-oħrajn fadlilhom triq twila ħafna x’jimxu biex isiru appostli tiegħu!

Dak il-ħin, l-Imgħallem idur lejn kull min kien miexi warajh u jippreżentalhom bla tlaqliq it-triq tal-mixja: «Jekk xi ħadd irid jimxi warajja, jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu u jiġi warajja» (v.24).  Minn dejjem, u anki llum, it-tentazzjoni hi li rridu nimxu wara Kristu mingħajr salib, anzi (nippretendu) li lil Alla nuruh it-triq it-tajba aħna; bħal Pietru: “Le, le Mulej, dan le, dan ma jkun qatt”.  Imma Ġesù jfakkarna li t-triq tiegħu hi t-triq tal-imħabba u m’hemmx imħabba vera mingħajr is-sagrifiċċju personali.  Aħna msejħin biex ma nħallux il-viżjoni ta’ din id-dinja tixrobna, imma biex ikollna dejjem l-għarfien ta’ kemm għalina l-Insara hu meħtieġ u ta’ tbatija biex nimxu kontra l-kurrent u għat-telgħa.

Ġesù jtemm il-proposta tiegħu bi kliem li jesprimu għerf kbir u validu dejjem, għax huma sfida għall-mentalità u l-imġieba egoċentrika.  Huwa jħeġġeġ: «Min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha!» (v.25). F’dan il-paradoss hemm ir-regola tad-deheb li Alla naqqax fin-natura umana maħluqa fi Kristu: ir-regola li hi biss l-imħabba li tagħti sens u hena lill-ħajja.  Li nużaw it-talenti tagħna, l-enerġiji tagħna u l-ħin tagħna biss biex insalvaw lilna nfusna, u biex nilħqu l-għanijiet tagħna, fil-verità jwassalna għat-telfien, jiġifieri għal eżistenza ta’ dwejjaq u sterili (ħawlija).  Minflok, ngħixu għall-Mulej u nibnu ħajjitna fuq l-imħabba, kif għamel Ġesù: inkunu nistgħu nduqu ferħ ġenwin u ħajjitna ma tkunx ħawlija, tkun għammiela.

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija aħna ngħejxu mill-ġdid il-misteru tas-salib; mhux biss niftakru, imma nqiegħdu fis-seħħ il-memorjal tas-Sagrifiċċju li fdiena, li fih l-Iben t’Alla xejjen għal kollox lilu nnifsu ħalli jerġa jikseb lilu nnifsu mill-Missier u b’hekk isib lilna, li konna mitlufin, flimkien mal-ħlejjaq l-oħra kollha.  Kull darba li nieħdu sehem fil-quddiesa, l-imħabba ta’ Kristu msallab u rxuxtat tingħata lilna bħala ikel u xorb, b’hekk aħna nkunu nistgħu nimxu warajh fil-mixja ta’ kuljum, bis-servizz konkret lejn ħutna.

Marija Santissma, li mxiet wara Ġesù sal-Kalvarju, takkumpanja lilna wkoll u tgħinna ma nibżgħux mis-salib, imma flimkien ma Kristu msammar, mhux salib mingħajr Ġesù, is-salib b’Ġesù, jiġifieri s-salib li nsofru għall-imħabba t’Alla u ta’ ħutna, għax din it-tbatija, bil-grazzja ta’ Kristu, hi miżgħuda bil-qawmien.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Filwaqt li nġedded il-qrubija spiritwali tiegħi mal-popolazzjonijiet tal-Asja tan-Nofsinhar, li għadhom qed ibatu l-konsegwenzi tal-għarar, nixtieq nesprimi wkoll l-emozzjoni kbira tiegħi minħabba t-tbatijiet tal-abitanti ta’ Texas u Louisiana li ntlaqtu mill-uragan u mid-dulluvju ta’ xita li ħallew vittmi, eluf ta’ turufnati u ħerba materjali kbira.  Nitlob lil Marija Santissma biex tfarraġ lil min qed ibati u tikseb mingħand il-Mulej il-grazzja tal-faraġ għal dawn ħutna li għaddew minn dil-prova iebsa.

Insellem lilkom ilkoll, għeżież pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn pajjiżi diversi.  Insellem partikolarment lill-pellegrini tal-parroċċi ta’ Sarmede, Anzano u Cappella Maggiore mid-djoċesi ta’ Vittorio Veneto, lill-fidili mill-Gżejjer Kanarji, lill-banda ta’ Pontevico, lil dawk li għamlu l-Konfermazzjoni minn Brembo di Paria u minn Prevalle, liż-żgħażagħ minn Chizzola, Cagliari u Bellagio.  U rrid irrodd ħajr lilkom ilkoll li qed tawgurawli l-vjaġġ it-tajjeb.  Grazzi, grazzi ħafna!.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber