Għeżież ħuti l-jum it-tajjeb!

 

F’dan il-Ħadd l-Evanġelju jippreżentalna l-miraklu tat-tkattir tal-ħobż u tal-ħut (Mattew 14, 13-21).  Ġesù jagħmel dan il-miraklu ħdejn ix-xatt tal-Galileja, f’post imwarrab, fejn Hu kien mar flimkien mad-dixxipli wara li sar jaf bil-mewt ta’ Ġwanni l-Battista.  Imma ħafna nies marru warajH u meta Ġesù rahom, ħass għalihom u baqa’ sa filgħaxija jfejjaq il-morda.  Allura d-dixxipli, imħassbin minħabba li kien tard, issuġġerewlu li jibgħat lill-folla ‘l hemm ħalli n-nies ikunu jistgħu jmorru fil-villaġġi qrib biex jixtru x’jieklu.  Imma Ġesù, bil-kalma weġibhom: Tuhom intom x’jieklu (Mattew 14, 16) u talab li jġibulu l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet, berikom u beda’ jaqsamhom u jtihom lid-dixxipli, li bdew iqassmuhom lin-nies.  Kulħadd kiel u xaba u saħansitra baqa’ żżejjed!

F’dan l-avveniment nistgħu naqraw tliet messaġġi.  L-ewwel hu l-kompassjoni.  Quddiem il-folla li kient tiġri warajH u – biex ngħidu hekk – ma kinitx tħalliH bi kwietu, ir-reazzjoni ta’ Ġesù ma kinitx waħda ta’ irritazzjoni, ma jgħidx: “Dawn in-nies qed ituni fastidju”.  Le, le.  Imma jirreaġixxi bis-sentiment tal-kompassjoni, għax jaf li mhux qed ifittxuH minħabba l-kurżità, imma għall-ħtieġa.  Imma noqgħodu attenti: il-kompasjoni – dik li ħass Ġesù – mhix sempliċiment ħasra; hija aktar minn hekk!  Tfisser kom-passjoni, jiġifieri t-twaħħid mat-tbatija tal-ieħor, sal-punt li wieħed jitgħabba biha personalment.  Hekk magħmul Ġesù: ibati flimkien magħna, ibati magħna, ibati għalina.  U s-sinjali ta’ dil-kompassjoni huma l-ħafna mirakli li għamel.  Ġesù jgħallimna biex il-ħtiġijiet tal-foqra nqiegħduhom qabel tagħna.  L-esiġenzi tagħna, minkejja li leġitiimi, qatt ma jistgħu jkunu tant urġenti daqs ta’ dawk li m’għandhomx biex jgħixu.  Aħna spiss nitkellmu dwar il-foqra.  Imma meta nitkellmu dwar il-foqra nħossu li dak ir-raġel, dik il-mara, dawk it-tfal m’għandhomx dak li hu meħtieġ biex jgħixu?  Li m’għandhomx x’jieklu, x’jilbsu, m’għandhomx biex jixtru l-mediċini….. ?  Naħsbu wkoll li t-tfal m’għandhomx il-possibiltà li jmorru l-iskola?  Għal din ir-raġuni, l-esiġenzi tagħna, minkejja li leġġitimi, qatt ma jistgħu jkunu daqstant urġenti daqs dawk tal-foqra li m’għandhomx dak li meħtieġ biex jgħixu.

It-tieni messaġġ hu l-“qsim”.  L-ewel hu l-kompassjoni, dak li kien iħoss Ġesù, it-tieni hu l-qsim.  Tajjeb li nqabblu r-reazzjoni tad-dixxipli quddiem il-folla għajjiena u bil-ġuħ, ma’ dik ta’ Ġesù.  Huma differenti.  Id-dixxipli huma tal-fehma li aħjar jibgħatuhom ‘l hemm biex ikunu jistgħu jmorru jixtru l-ikel.  Minflok, Ġesù jgħid: atugħhom intom stess x’jieklu.  Żewġ reazzjonijiet differenti li jirriflettu loġika opposta: id-dixxipli jirraġunaw skont id-dinja, jiġifieri li kulħadd għandu jaħseb għal rasu; jirraġunaw qieshom qed jgħidu: “Irranġaw waħedkom”.  Ġesù jirraġuna skont il-loġika t’Alla, li hi dik tal-kondiviżjoni, tal-qsim.  Kemm-il darba aħna ndawru wiccna biex ma narawx lil ħutna li huma fil-bżonn!  U din li nħarsu n-naħa l-oħra hu l-mod pulit li bih, bl-ingwanti bojod ngħidu “irranġaw waħedkom”!  Dan mhux ta’ Ġesù: dan hu egoiżmu.  Kieku bagħat il-folla ‘l hemm ħafna min-nies kienu jibqgħu bil-ġuħ.  Minflok, dawk il-ftit ħobżiet u ħut, kondiviżi u mberkin minn Alla, xebbgħu lil kulħadd.  U, attenzjoni!  Din mhix maġija, hija “sinjal”: sinjal biex ikollna fidi f’Alla, Missier li jipprovdi, li ma jħalliniex neqsin mill-ħobż ta’ kuljum, jekk aħna nkunu nafu naqsmuh bħall-aħwa.

Kompassjoni u kondiviżjoni.  U t-tielet messaġġ: il-miraklu tal-ħobż iħabbar minn qabel l-Ewkaristija.  Dan jidher mill-ġest ta’ Ġesù li “bierek” (v 19) qabel ma qasam il-ħobż u qassmu lill-folla.  Hu l-istess ġest li Ġesù kellu jagħmel fl-Aħħar Ċena, meta waqqaf il-memorjal perpetwu tas-Sagrifiċċju tar-redenzjoni.  Fl-Ewkaristije Ġesù ma jirregalax ħobża imma l-ħobż tal-ħajja ta’ dejjem, jagħti lilu nnifsu, billi joffri lilu nnifsu lil Missier għall-imħabba tagħna.  Imma aħna rridu nersqu lejn l-Ewkaristija bl-istess sentimenti ta’ Ġesù, jiġifieri l-kompassjoni u dik ir-rieda li naqsmu mal-oħrajn.  Min jersaq lejn l-Ewkaristija mingħajr kompassjoni lejn min hu fil-bżonn u mingħajr kondiviżjoni, mhux qiegħed sewwa ma’ Ġesù.

Kompassjoni, kondiviżjoni, Ewkaristija.  Din hi t-triq li jurina Ġesù f’dan l-Evanġelju.  Mixja li tgħinna naffrontaw bil-fraternità l-ħtiġijiet ta’ min fid-dinja jinsab fil-bżonn. Imma mixja li teħodna aktar ‘l hinn minn din id-dinja għax tibda’ minn Alla l-Missier u terġa’ lura għandu.  Il-Verġni Marija, Omm il-Ħniena Divina, takkompanjana f’din il-mixja.

 

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll – kuraġġużi fix-xita nieżla – fidili minn Ruma u pellegrini minn pajjiżi differenti.

Insellem lir-“relay” tal-parroċċa Stella Maris ta’ Lido di Latina, b’kollaborazzjoni mal-ġendarmerija tal-Vatikan u l-Gwardji Żvizzeri u nbierek il-fjakkola li se tibqa’ mixgħula tul ix-xahar ta’ Awwissu b’sinjal ta’ devozzjoni lejn il-Madonna.

Insellem liż-żgħażagħ tal-parroċċa tas-Sacro Cuore ta’ Pontedera, djoċesi ta’ Pisa, li ġew Ruma bil-mixi tul it-triq “Francigena”.

U nsellem lill-iscouts tal-AGESCI li hawn preżenti llum u nbierek lill-eluf ta’ scouts Taljani li qiegħdin fi triqthom lejn il-jamboree nazzjonali f’San Rossore.

Ftakru: kompassjoni, kondiviżjoni, Ewkaristija.

Lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija!  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għal-Malti mit-Taljan minn Joe Huber