Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-silta evanġelika tal-lum, meħuda mill-kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ Luqa (vv. 1-12.17-20), turina kemm hi ta’ ħtieġa li ninvokaw lil Alla, «il-Mulej tal-ħsad, biex jibgħat ħaddiema għall-għalqa tiegħu» (v. 2).  Il-ħaddiema li jitkellem dwarhom Ġesù huma l-missjunarji tas-Saltna t’Alla, li kienu msejħin minnu stess u mibgħutin «tnejn, tnejn qablu f’kull belt u raħal fejn kellu jmur Hu (v. 1).  Xogħolhom hu li jħabbru l-messaġġ tas-salvazzjoni lil kulħadd. Il-missjunarji dejjem iħabbru l-messaġġ tas-salvazzjoni lil kulħadd; mhux biss il-missjunarji li jmorru ‘l bogħod, aħna wkoll, missjunarji nsara li ngħidu kelma tajba ta’ salvazzjoni.  Dan hu r-rigal li jtina Ġesù permezz tal-Ispirtu s-Santu.  Din it-tħabbira hi, li tgħid: «is-Saltna t’Alla hija qrib» (v. 9), għax Ġesù qarreb lil Alla lejna; Alla sar wieħed minna; f’Ġesù Alla jsaltan fostna, l-imħabba ħanina tiegħu tegħleb id-dnub u l-miżerja umana.

U din hi l-Aħbar it-Tajba li “l-ħaddiema” għandhom iwasslu lil kulħadd: messaġġ ta’ tama u faraġ, ta’ paċi u karità.  Meta Ġesù jibgħat lid-dixxipli qablu fl-irħula, jirrikmandalhom: «L-ewwel għidu “Paċi lil din id-dar!” (.....) Fejqu l-morda li jkunu fiha» (vv. 5.9).  Dan kollu jfisser li s-Saltna t’Alla tinbena jum wara l-ieħor u diġà minn did-dinja toffri l-frott tal-konverżjoni, tal-purifikazzjoni, ta’ mħabba u ta’ faraġ fost il-bnedmin.  Hi ħaġa sabiħa!  Il-bini tas-Saltna t’Alla jum wara ieħor.  Mhux it-tkissir, il-bini!

B’liema spirtu għandu jaqdi din il-missjoni d-dixxiplu ta’ Ġesù?  Qabel kollox għandu jkun konxju mir-realtà diffiċli u kultant ostili li qed tistennih.  Ġesù ma jogħmodx kliemu dwar dan!  Ġesù jgħid: «Qed nibgħatkom bħala nagħaġ fost l-ilpup» (v. 3).  Ċarissmu.  L-ostilià minn dejjem hi l-bidu tal-persekuzzjonijiet kontra l-insara; għax Ġesù jaf li l-missjoni ssib l-ostakli mill-ħidma tal-malinn.  Għalhekk “il-ħaddiem tal-Evanġelju” irid jagħmel ħiltu biex jinħeles mill-kundizzjunamenti umani ta’ kull tip, ma jieħux miegħu qoffa, xkora, sandli (cfr v. 4), kif irrikmanda Ġesù, biex il-fiduċja tiegħu tkun biss fil-qawwa tas-Salib ta’ Kristu.  Dan ifisser li jabbanduna kull għamla ta’ ftaħir personali, karriera jew kilba għall-poter, u jsir strument umli tas-salvazzjoni li seħħet bis-sagrifiċċju ta’ Ġesù.

Il-missjoni tan-nisrani fid-dinja hi missjoni stupenda, missjoni destinata għal kulħadd, missjoni ta’ qadi, mingħajr ħadd ma jkun eskluż; titlob ħafna ġenerożità u, fuq kollox, ħarsa u qalb merfgħuin ‘il fuq biex jitolbu l-għajnuna tal-Mulej.  Hemm bżonn kbir ta’ nsara li jkunu xhieda ferrieħa tal-Evanġelju fil-ħajja ta’ kuljum.  Id-dixxipli mibgħutin minn Ġesù reġgħu lura mimlijin ferħ” (v. 17).  Meta aħna nagħmlu dan, qalbna timtela bil-ferħ.  U din l-espressjoni ġġegħelni naħseb f’kemm tifraħ il-Knisja, kemm tkun kuntenta, meta wliedha jirċievu l-Aħbar it-Tajba bis-saħħa tad-dedikazzjoni ta’ tant irġiel u nisa li kuljum iħabbru l-Evanġelju: saċerdoti – dawk il-kappillani bravi li lkoll nafuhom -, sorijiet, konsagrati nisa, missjunarji nisa, irġiel... U nistaqsi – isimgħu l-mistoqsija -: kemm minnkom żgħażagħ li qiegħdin hawn fil-pjazza, tħossu s-sejħa tal-Mulej biex timxu warajH?  Tibżgħux!  Kunu kuraġġużi u wasslu lill-oħrajn dik il-fjamma ta’ żelu appostoliku li nagħtatilna minn dawn id-dixxipli eżemplari.

Nitolbu l-Mulej, bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, biex fil-Knsija qatt ma jkunu nieqsa qlub ġenerużi li jaħdmu biex iwasslu l-imħabba u t-tenerezza tal-Missier Ċelesti lil kulħadd.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn il-familjari tal-vittmi u l-feruti tal-attentat li seħħ ilbieraħ f’Dakka, u anki ta’ dak li seħħ f’Baghdad.  Nitolbu flimkien.  Nitolbu flimkien għalihom, għall-mejtin u nitolbu l-Mulej biiex jikkonverti l-qlub tal-vjolenti mogħmija bill-mibgħeda.  Sliem għalik, Marija .....

Insellem lilkom ilkoll, fidili ta’ Ruma u Pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi diversi.  Partikolarment lill-grupp minn Bergamo mmexxi mill-Isqof -  il-Bergamaschi ma qagħdux lura biex jagħmlu l-“poster”!  Jidher sewwa! -; il-grupp minn Braganca-Miranda (Portugall); lis-sorijiet missjunarji tal-Qalb ta’ Ġesù li ġew mill-Korea flimkien ma’ xi fidili; liż-żgħażagħ minn Ibiza li qed jitħejjew għall-konfermazzjoni; u l-grupp ta’ pellegrini Venezwelani.  Irrid insellem ukoll lil sħabi (Arġentini) minn Rioja, del Chiecito: il-bandiera tidher sewwa hemmhekk!

Insellem lill xi pellegrini speċjali, f’isem il-Ħniena: dawk minn Ascoli Piceno, li ġew bil-mixi tul it-triq antika “Salaria”; lis-soċi tal-Federazzjoni Taljana tat-Turiżmu Ekwestri, li ġew biż-żwiemel, uħud minnhom saħansitra minn Krakovja; u lill-grupp tar-roti u l-muturi minn Cardito (Napli).

Insellem fl-aħħar lill-Assoċjazzjoni “Frak ta’ Tama ta’ Carla Zichetti”, Llll-Familja Kamilljana Lajka, lill-Kidergarten ta’ Verdellino, u liż-żgħażagħ minnn Albino u Desenzano u dawk minn Sassari.

F’dis-Sena tal-Ħniena bi pjaċir infakkar li nhar l-Erbgħa li ġej se niċċelebraw it-tifkira ta’ Santa Maria Goretti, it-tfajla martri li qabel ma’ mietet ħafret lil min kien qatilha. Dit-tfajla kuraġġuża jistoqqilha l-applaws tal-pjazza kollha!

U nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-Pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber