Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, f’ħafna pajjiżi, fosthom hawn fl-Italja, qed tiġi ċelebrata s-solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddes ta’ Kristu, jew, skont l-espressjoni Latina aktar magħrufa, is-solennità ta’ Corpus Domini.  L-Evanġelju jitina l-kliem li Ġesù qal waqt l-Aħħar Ikla mad-dixxipli tiegħu: “Ħudu u kulu, dan hu ġismi”.  U mbagħad: “Dan hu demmi tal-patt, imxerred għal ħafna” (Mk14,22.24).  Propju bil-qawwa ta’ dan it-testment ta’ mħabba, kull nhar ta’ Ħadd u kull jum, il-komunità nisranija tinġabar madwar l-Ewkaristija, sagrament tas-Sagrifiċċju redentiv ta’ Kristu.  U miġbudin minn dil-preżenza reali, l-insara jadurawh u jikkuntemplawh permezz tas-sinjal umli tal-ħobż li jsir il-Ġisem tiegħu.

Kull darba li niċċelebraw l-Ewkaristija, bis-saħħa ta’ das-Sagrament hekk sobriju u fl-istess waqt tant solenni, aħna nagħmlu esperjenza tal-Patt il-Ġdid, li huwa l-milja tal-komunjoni bejn Alla u bejnna.  U għaliex aħna għandna sehem minn dal-Patt, minkejja ċ-ċokon u l-faqar tagħna, nikkollaboraw fil-bini tal-istorja kif iridha Alla.  Għaldaqstant, kull ċelebrazzjoni Ewkaristika, fil-waqt li hija att ta’ kult publiku lil Alla, teħodna lejn  il-ħajja u lejn il-ġrajjiet konkreti tal-eżistenza tagħna.   Filwaqt li nitrejqu bil-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, aħna nsiru bħalu, nirċievu fina l-imħabba tiegħu, mhux biex inżommuha għalina, biex nipposseduha, daqskemm biex naqsmuha mal-oħrajn.  Dil-loġika hi ħaġa waħda mal-Ewkaristija li daħħal fina l-imħabba tiegħu u aħna naqsmuha mal-oħrajn.  Din hi l-loġika ewkaristika.  Infatti fiha nikkuntemplaw lil Ġesù ħobż maqsum u mgħoti, demm imxerred għas-salvazzjoni tagħna.  Hija preżenza li bħan-nar teqred minn ġo fina l-atteġġajmenti egoistiċi, issaffina mit-tendenza li nagħtu biss meta nkunu rċevejna, u tkebbes fina x-xewqa li aħna wkoll, f’għaqda ma’ Ġesù, insiru ħobż maqsum u demm imxerred għall-aħwa.

Għaldaqstant, il-festa ta’ Corpus Domini hija misteru li jiġbidna lejn Kristu u biex aħna nittrasformaw ruħna fiH.  U hija skola ta’ mħabba konkreta, paċenzjuża u ta’ sagrifiċċju, bħal Ġesù fuq is-salib.  Tgħallimna nkunu aktar akkoljenti u disponibbli lejn min qed ifittex lil min jifhmu, min jgħinu, min jinkuraġġih, u huwa emarġinat u waħdu.  Il-preżenza ta’ Ġesù ħaj fl-Ewkaristija jixbah bieb, bieb miftuħ bejn it-tempju u t-triq, bejn il-fidi u l-istorja, bejn il-Belt ta’ Alla u l-belt tal-bniedem.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Ilbieraħ f’Napli kienet dikjarata Beata, Swor Marija Kroċifissa tal-Imħabba Divina, imwielda Maria Gargani, fundatriċi tas-Sorijiet appostli tal-Qalb Imqaddsa, bint spiritwali ta’ Padre Pio, li kienet appostlu veru fil-qasam skolastiku u parrokkjali.  L-eżempju tagħha u l-interċessjoni tagħha jkunu ta’ rfid għall-ulied spiritwali tagħha u għall-edukaturi kollha.  Applaws lill-Beata l-ġdida, ilkoll: insellmulha!

Ningħaqad ma’ ħuti l-Isqfijiet tan-Nikaragwa biex nesprimi n-niket tiegħi minħabba l-vjolenza gravi li ħalliet mejta u feruti, imwettqa minn gruppi armati biex irażżnu protesti soċjali. Nitlob għall-vittmi u għall-familjari tagħhom.  Il-Knisja dejjem hi favur id-djalogu, imma titlob l-impenn biex il-libertà u, l-ewwel u qabel kollox, il-ħajja, ikunu rispettati.  Nitlob biex tieqaf il-vjolenza u biex mill-aktar fis jerġa’ jibda d-djalogu.

Inellem lilkom ilkoll, pellegrini ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Partikolarment lil dawk ġejjin minn Helsinki, Huelva (Spanja), Peuerbach (Austrija) u mill-Korazja.  Insellem lill-fidili minn Caturano u minn Palermo, kif ukoll lis-soċjetà “Siderinox”, minn Abbiategrasso u lil dawk li se jagħmlu l-Griżma minn Corridonia.

Tislima speċjali lill-fidili llum miġburin f’Sotto il Monte, flimkien mal-Isqof ta’ Bergamo, fl-anniversarju tal-mewt ta’ San Ġwanni XXIII.  Jalla l-pellegrinaġġ fl-art bergamaska li għamlu l-fdalijiet ta’ dal-Papa, tant maħbub mill-poplu, tqanqal f’kulħadd proponimenti ġenerużi ta’ ġid u tjieba.

U lilkom ilkoll nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber