Għeżież ħuti,il-Ħadd it-tajjeb!!

Il-liturġija tal-lum, it-tieni Ħadd wara l-Milied, ittina l-prologu tal-Evanġelju  ta’ San Ġwann li fih hemm iddikjarat li «Il-Verb – jew il-Kelma ħallieqa ta’ Alla – sar bniedem u ġie jgħammar fostna» (Ġwanni 1,14).  Dik il-Kelma li tgħammar fis-sema, jiġfieri fid-dimensjoni ta’ Alla, ġiet fid-dinja biex aħna nisimgħuha u nsiru nafuha, immisu b’idejna l-imħabba tal-Missier.  Il-Verb t’Alla hu l-istess Ibnu l-Waħdieni, magħmul bniedem, mimli mħabba u fedeltà (cfr Ġwanni 1,14), huwa Ġesù nnifsu.

L-Evanġelista ma jaħbix id-drammatiċità tal-Inkarnazzjoni ta’ Iben Alla, u jisħaq li r-rigal tal-imħabba t’Alla hi kuntrast maċ-ċaħda tal-bnedmin. Il-Kelma hi dawl, madankollu l-bnedmin għażlu d-dlam; il-Kelma niżlet fost tiegħu iżda huma ma laqgħuhiex (cfr vv. 9-10).  Għalqu l-bieb f’wiċċ l-Iben t’Alla.  Hu l-misteru tal-ħażen li jhedded anki ‘l ħajjitna u li jitlob minna li nishru u noqgħodu attenti biex ma jegħlibniex.  Il-Ktieb tal-Ġenesi għandu sentenza sabiħa li biha nifhmu dan: jgħid li l-ħażen jinsab “jissajja wara biebna” (4,7).  Gwaj għalina jekk inħalluh jidħol: b’hekk ikun hu li jagħlaq il-bieb tagħna għal kulħadd, hu min hu.  Iżda aħna msejħin biex niftħu beraħ il-bieb ta’ qalbna għall-Kelma t’Alla, għal Ġesù, biex insiru wliedu.

Fil-jum tal-Milied kien diġà xxandar dan il-bidu tal-Evanġelju ta’ Ġwanni; illum qed jittenna.  Hu l-istedina ta’ Ommna l-Knisja Mqaddsa biex nilqgħu din il-Kelma tas-salvazzjoni, dan il-misteru ta’ dawl. Jekk nilqugħ, jekk nilqgħu ‘il Ġesù, nikbru fl-għarfien u fl-imħabba tal-Mulej, nitgħallmu kif inħennu bħalU.  Speċjalment f’din is-Sena tal-Ħniena, inqisu li L-Evanġelju jsir dejjem aktar laħam f’ħajjitna.  Nersqu lejn l-Evanġelju, nimmeditawh, ninkarnawh fil-ħajja ta’ kuljum għax dan hu l-aħjar mod biex bih insiru nafu lil Ġesù u nwassluh lill-oħrajn.  Din hi l-vokazzjoni u ferħ ta’ kull mgħammed: li juri u jagħti ‘l Ġesù lill-oħrajn; imma biex nagħmlu dan jeħtieġ inkunu nafuh u li jkun jinsab ġo fina, ikun is-Sid ta’ ħajjitna.  U Hu jiddefedina mill-ħażen, mix-xitan li dejjem jinsab jissajja quddiem biebna, quddiem qalbna, u jrid jidħol.

B’entużjażmu mġedded ta’ abbandun filjali, nintlequ mill-ġdid f'idejn Marija: f’dawn il-jiem tal-presepju nikkuntemplaw ix-xbieha ħelwa tagħha ta’ omm ta’ Ġesù u ommna.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem minn qalbi lilkom fidili minn Ruma u pellegrini li ġejtu mill-Italja u minn pajjiżi oħra.  Insellem lill-familji, lill-assoċjazzjonijiet, il-gruppi parrokkjali, partikolarment dak li ġej minn Monzambano, liż-żgħażagħ minn Bonate li se jagħmlu l-Griżma u liż-żgħażagħ minn Maleo.

F’dan l-ewwel Ħadd tas-sena nġedded l-awguri ta’ paċi u ġid fil-Mulej.  Fil-waqtiet hienja u f’dawk ta’ niket, nintelqu f’idejh, Hu li hu l-ħniena tagħna u t-tama tagħna!  Infakkar ukoll fl-impenn li ħadna fl-ewwel tas-sena, il-Jum Dinji tal-Paċi: “Irbaħ l-indifferenza u ikseb il-paċi”; bil-grazzja t’Alla nistgħu nqiegħdu dan fi-seħħ.  U nfakkar ukoll fil-parir li tajtkom kemm-il darba: ta’ kuljum aqraw silta mill-Evanġelju, pass mill-Evanġelju, biex issiru tafu lil Ġesù aħjar, biex niftħu qlubna għal Ġesù, u b’hekk inkunu nistgħu nwassluh aħjar lill-oħrajn.  Inżommu kopja ċkejkna tal-Evanġelju fil-but, fil-basket: jagħmlilna tajjeb.  Tinsewx, naqraw kuljum pass mill-Evanġelju.

Nawuguralkom il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.  U jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Arrivederci.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber