Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju tal-lum jippreżentalna l-episodju li fih Ġesù jkeċċi l-bejjiegħa mit-tempju ta’ Ġerusalemm, skont il-verżjoni ta’ Ġwanni (cfr Ġw 2, 13-25).  Hu wettaq dal-ġest bis-sawt u qaleb l-imwejjed waqt li qal: “Id-dar ta’ Missieri għamiltuha dar tan-negozju! (v. 16). Dan il-ġest qawwi mwettaq qrib l-Għid, ħalla impressjoni kbira fuq il-folla u fuq l-ostilità tal-awtoritajiet reliġjużi u fuq kull min ħass l-interessi ekonomiċi tiegħu mhedda.  Imma kif nistgħu ninterpretawha?  Żgur li ma kienx att vjolenti, tant hu hekk li ma kienx meħtieġ l-intervent tal-ħarriesa tal-ordni pubbliku: tal-puluzija.  Le!  Imma tqieset bħala azzjoni tipika tal-profeti li, f’isem Alla, spiss kienu jikkundannaw l-abbużi u l-eċċessi.  Il-kwistjoni kollha kienet dwar l-awtorità.  Infatti l-Lhud staqsew lil Ġesù: “X’sinjal se turina li inti tista’ tagħmel dan? (v. 18), jiġifieri x’awtorità għandek biex tagħmel dawn l-affarijiet?  Qieshom qed jitolbuh jurihom li dak li kien qed jagħmel kien f’isem Alla.

Biex jinterpretaw il-ġest tal-purifikazzjoni tad-dar t’Alla min-naħa ta’ Ġesù, id-dixxipli tiegħu jinqdew b’test Bibliku meħud mis-Salm 69: “Il-ħerqa għal darek fnietni!” (v. 17); hekk jgħid is-Salm: “il-ħerqa għal darek, fnietni!”  Das-Salm hu talba ħerqana għall-għajnuna f’sitwazzjoni ta’ periklu estrem minħabba l-mibgħeda tal-għedewwa: is-sitwazzjoni li kellu jgħaddi minnha Ġesù fil-passjoni tiegħu.  Il-ħerqa għall-Missier u għad-dar tiegħu twasslu għas-salib: din tiegħu hi ħerqa ta’ mħabba li twassal għas-sagrifiċċju tiegħu innifsu, mhux dik falza li tippretendi li taqdi ‘l Alla bil-vjolenza.  Infatti “s-sinjal” li jagħti Ġesù bħala prova tal-awtorità tiegħu kellu jkun propju l-mewt u l-qawmien tiegħu: “Jien inħott dan it-tempju – jgħid – u fi tlett ijiem nerġa’ ntellgħu” (v. 19).  U l-Evanġelista jżid jinnota: “Hu kien qed jitkellem dwar it-tempju tal-ġisem tiegħu” (v. 21).  Bl-Għid ta’ Ġesù jibda l-kult il-ġdid, fit-tempju l-ġdid, il-kult tal-imħabba, u t-tempju l-ġdid huwa Hu nnifsu.

L-atteġġjament ta’ Ġesù li tirrakkuntalna l-paġna tal-Evanġelju tal-lum, iħeġġiġna ngħejxu ħajjitna mhux biex infittxu l-vantaġġi u l-interessi tagħna, imma għall-glorja t’Alla li huwa mħabba.  Aħna msejħin dejjem inżommu f’moħħna dak il-kliem qawwi ta’ Ġesù “Id-dar ta’ Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” (v. 16).  Hu ikrah ħafna meta l-Knisja tiżloq lejn dan l-atteġġjament li d-dar t’Alla tagħmilha negozju.  Dal-kliem jgħinna nirrifjutaw il-periklu li anki l-ispirtu tagħna, li hu l-għamara ta’ Alla, nagħmluh negozju, billi ngħejxu l-ħin kollu nfittxu dak li jaqbel lilna minflok (infittxu) l-imħabba ġeneruża u solidali.  Dat-tagħlim ta’ Ġesù dejjem hu attwali, mhux biss għall-komunitajiet ekkleżjali, imma wkoll għall-individwi, għall-komunitajiet ċivili u għas-soċjetà kollha.  Infatti t-tentazzjoni li napprofittaw ruħna minn attivitajiet tajbin, kultant ukoll dovoti, biex nikkultivaw l-interessi privati, jekk saħansitra mhux ukoll illeċti, hi komuni ħafna.  Hu periklu gravi, speċjalment meta jistrumentaliżża lil Alla stess u l-kult li jistħoqqlu, inkella (jisrumentaliżża) l-qadi lejn il-bniedem, xbieha tiegħu.  Għalhekk, dik id-darba, Ġesù uża manjieri iebsa biex jeħlisna minn dal-periklu mortali.

Il-Verġni Marija ssostnina fl-impenn tagħna li r-Randan ikun okkażjoni tajba biex aħna nagħrfu lil Alla bħala s-Sid waħdieni ta’ ħajjitna, billi jneħħi minn qlubna u minn għemilna kull għamla ta’ idolatrija.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem lilkom ilkoll li ġejjin minn Ruma, mill-Italja u minn diversi pajjiżi, partikolarment lill-pellegrini mid-djoċesijiet ta’ Granada, Málaga u Córdoba, fi Spanja.

Insellem lill-għadd kbir ta’ gruppi parrokkjali, fosthom il-fidili minn Spinaceto, Milan u Napli, kif ukoll  liż-żgħażagħ minn Azzano Mella u lil dawk li se jagħmlu l-Griżma mid-djoċesi ta’ Vicenza, u nagħmilhom kuraġġ – inħeġġiġhom! - biex jagħtu xhieda ferrieħa tal-Evanġelju, speċjalment fost żagħżagħ tamparhom.

U nawgura li kulħadd il-Ħadd it-tajjeb!  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber