Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Ilbieraħ iċċelebrajna s-Solennità tal-Qaddisin kollha, u llum il-liturġija tistedinna nfakkru l-insara mejtin. Dawn iż-żewġ festi huma marbutin b’mod strett bejniethom, l-istess kif i-ferħ u d-dmugħ isibu f’Ġesù għaqda li hija l-pedament tal-fidi tagħna u tat-tama tagħna.  Fuq naħa, fil-fatt, il-Knisja, pellegrina fl-istorja, tifraħ bl-interċessjoni tal-Qaddisin u tal-Beati li jsostnuha fil-missjoni tagħha li tħabbbar l-Evanġelju; min-naħa l-oħra, hi, bħal Ġesù, tibki ma’ min jibki l-firda mill-persuni maħbuba, u bħalu u miegħu issemma’ r-radd ta’ ħajr lill-Missier li ħelisna mill-ħakma tad-dnub u tal-mewt.

Bejn ilbieraħ u llum ħafna jżuru ċ-ċimiterju, li, hekk kif tfisser din il-kelma, hu “il-post tal-mistrieħ”, fl-istennija tal-qawmien aħħari.  Kemm hu sabiħ naħbu se jkun Ġesù stess li se jqajjimna!  Ġesù stess qalilna li l-mewt tal-ġisem hija bħal raqda li minnha jqajjimna Hu.  B’din il-fidi qawwija nintasbu – anke b’mod spiritwali – qrib l-oqbra tal-għeżież tagħna, ta’ dawk li ħabbewna u dawk li għamlulna l-ġid.  Imma llum aħna msejjħin biex niftakru fil-mejtin kollha, anke f’dawk li ħadd ma jiftakar fihom.  Niftakru fil-vittmi tal-gwerer u tal-voljenzi; tant “żgħar” tad-dinja li ġew misħuqa mill-ġuħ u mill-miżerja; niftakru f’dawk bla isem li jinsabu fil-kannierji komuni. Niftakru fl-aħwa maqtula għax huma nsara; u f’dawk kollha li taw ħajjithom biex jaqdu lill-oħrajn.  Nafdaw f’idejn il-Mulej b’mod speċjali lil dawk kollha li ħallewna matul din is-sena.

It-tradizzjoni tal-Knisja dejjem ħeġġet it-talb għall-mejtin, b’mod speċjali billi noffru għalihom iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristija: din hija l-aqwa għajnuna spiritwali li nistgħu nagħtu lill-erwieħ tagħhom, b’mod partikulari lil dawk l-aktar abbandunati.  Il-pedament għat-talb għas-suffraġju jinsab fl-għaqda tal-Ġisem Mistiku. Kif jgħid il-Konċilju Vatikan II, “Il-Knisja pellegrina fuq l-art, li taf sewwa b’din l-għaqda mistika tal-Ġisem Mistiku ta’ Ġesù Kristu, sa mill-ewwel żminijiet tal-fidi nisranija sawwret hniena kbira għat-tifkira al-mejtin” (Lumen Gentium, 50).

It-tifkira tal-mejtin, il-kura tal-oqbra u t-talb ta’ suffraġju huma xhieda ta’ tama mimlija fiduċja, imħawwla fiċ-ċertezza li l-mewt mhix l-aħħar kelma fuq il-ġrajja tal-bniedem, għax il-bniedem huwa msejjaħ għal ħajja bla limiti, li għandha l-għeruq tagħha u l-milja tagħja f’Alla. 

Inwasslu din it-talba lil Alla:

“O Alla ta’ ħniena bla tmiem, nerħu f’idejn it-tjieba kbira tiegħek lil dawk kollha li ħallew din il-ħajja biex jiġu fl-eternità, fejn int tistenna lill-ġens uman kollu, meħlus permezz tad-demm għażiż ta’ Kristu, Ibnek, li miet bi tpattija għal dnubietna.  La tħarisx, Mulej, lejn il-faqar, il-miżerji u d-dgħufijiet tal-bnedmin, meta nidhru quddiem il-qorti tiegħek, biex inkunu ġudikati għall-ferħ jew għall-kundanna.  Itfa’ fuqna l-ħarsa tiegħek mimlija ħniena, li tiġi mill-ħlewwa tal-qalb tiegħek, u għinna nimxu tul it-triq ta’ purifikazzjoni sħiħa.  Jalla ħadd minn uliedek ma jmur jintilef fin-nar dejjiemi tal-infern, fejn ma jistax ikun hemm aktar indiema.  Nerħu f’idejk, Mulej, l-erwieħ tal-għeżież tagħna, ta’ dawk li mietu mingħajr is-sabar tas-sagrament, jew ta’ dawk li ma kellhomx l-okkażjoni jindmu, l-anqas fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.  Jalla ħadd ma jkollu għax jibża la jkun se jiltaqa’ miegħek, wara l-mixja fuq din l-art, bit-tama li jiġi milqugħ f’dirgħajn il-hniena bla tarf tiegħek.  Jalla oħtna l-mewt tal-ġisem isibna nishru fit-talb u mgħobbijin b’kull ġid li għamilna tul il-ħajja tagħna, twila jew qasira.  Mulej, jalla xejn ma jbiegħedna minnek fuq din l-art, imma kollox u kulħadd isostnina fix-xewqa mħeġġa li nistrieħu fis-sliem u għal dejjem fik. Ammen” (Talba għall-mejtin miktuba minn Antonio Rungi, Passjonista)

B’din it-tama fid-destin għoli tal-bniedem, induru issa lejn Marija, li batiet taħt is-Salib id-dramm tal-mewt ta’ Kristu u li ħadet sehem, imbagħad, fil-ferħ tal-qawmien tiegħu.  Ħa tgħinna Hi, il-Bieb tas-Sema, nifhmu dejjem aktar il-valur tat-talb u tas-suffraġju għall-mejtin.  Huma jinsabu qrib tagħna!  Ħa tgħinna fil-mixja ta’ kuljum fuq l-art u tgħinna ma nneħħu qatt ħarsitna minn fuq il-waqfa aħħarija tal-ħajja li hija l-Ġenna.  U aħna, b’din it-tama li ma tidħakx bina, nibqgħu mexjin ‘il quddiem!

_____

Wara l-Anglus:

Għeżież ħuti,

Insellem il-familji, il-gruppi parrokkjali, l-għaqdiet u l-pellegrini kollha ġejjin minn Ruma, mill-Italja u minn ħafna partijiet tad-dinja.  B’mod partikulari, insellem lill-insara tad-djoċesi ta’ Sevilla (Spanja), dawk ta’ Case Finali f’Cesena u l-voluntiera ta’Oppeano u Granzette li jagħmlu l-clown therapy fl-isptarijiet.  Qed narhom hemm: komplu għamlu dan li jgħin ħafna lill-morda.  Insellmu il dawn il-persuni bravi!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, fit-tifkira nisranija tal-għeżież mejtin tagħna. Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.

L-ikla t-tajba u nsellmilkom!

 

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia