Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb.

F’dal-Ħadd ikompli l-qari tas-sitt kapitlu tal-Evanġelju skont San Ġwann.  Wara t-tkattir tal-ħobż, in-nies marret tfittex lil Ġesù u fl-aħħar issibu qrib Kafarnaum.  Hu jifhem sew ir-raġuni ta’ tant entużjażmu u jgħidha ċara: «intom qed tfittxuni mhux għax rajtu s-sinjali, imma għax kiltu minn dak il-ħobż u xbajtu» (Ġwanni 6, 26).  Fil-fatt dawk in-nies kienu mexjin warajh għall-ħobż materjali li l-jum ta’ qabel kien qatgħalhom il-ġuħ, meta Ġesù kien għamel il-miraklu tat-tkattir; ma fehmux li dak il-ħobż, maqsuma bejn tant, għal ħafna, kien l-istqarrija tal-imħabba ta’ Ġesà nnifsu.  Taw aktar valur lil dak il-ħobż milli lil dak li tahulhom.  Quddiem dan l-għama spiritwali, Ġesù juri l-ħtieġa li wieħed imur ‘l hinn mir-rigal u jiskopri, isir jaf lil min tahulu.  Alla nnifsu hu r-rigal u fl-istess waqt hu dak li jtih.  U għalhekk minn dak il-ħobż, minn dak il-ġest, in-nies tista’ ssib lil Dak li tah, li hu Alla.  Hi stedina biex ninfetħu għall-perspettiva li mhix biss dik tat-tħassib għall ħtiġijiet tal-ikel ta’ kuljum, tal-ilbies, tas-suċċess, tal-karriera.  Ġesù jitkellem dwar ikel ieħor li ma jitnawwarx u li hu tajjeb li nfittxuh u nilqgħu.

Hu jinkoraġġina: «Aħdmu mhux għall-ikel li jintemm imma għall-ikel li jiswa għall-ħajja eterna li jtikom Bin il-Bniedem» (v.27).  Jiġifieri, fittxu s-salvazzjoni, il-laqgħa ma’ Alla.   U b’dan il-kliem iridi ifehemna li minbarra l-ġuħ fiżiku l-bniedem għandu fih ġuħ ieħor – ilkoll għanda dan il-ġuħ – ġuħ aktar importanti li ma jistax jittaffa bl-ikel ordinarju.  Dan hu l-ġuħ tal-ħajja, ġuħ tal-eternità li Hu biss jista’ jaqtgħalna għax Hu «il-ħobż tal-ħajja» (v 35).  Ġesù ma jeliminax it-tħassib u t-tfittxija tal-ikel ta’ kuljum, le, ma jeliminax it-tħassib dwar dak li jista’ jagħmel il-ħajja aħjar.  Imma Ġesù jfakkarna li l-veru tifsira tal-eżistenza tagħna tinsab fl-aħħar, fl-eternità, tinsab fil-laqgħa miegħU, li hu għotja u Dak li jagħti, u jfakkarna wkoll li l-istorja umana bit-tbatijiet tagħha u l-ferħat, għandna nħarsu lejha mill-aspett tax-xefaq tal-eternità, jiġifieri dak ix-xefaq tal-laqgħa definittiva miegħU.  U din il-laqgħa ddawwal il-jiem kollha ta’ ħajjitna.  Jekk aħna naħsbu f’din il-laqgħa, f’dar-rigal kbir, ir-rigali ż-żgħar tal-ħajja, anki t-tbatijiet, il-preokkupazzjonijiet jisfaw imdawwla mit-tama ta’ din il-laqgħa kbira.  «Jien hu l-ħobż tal-ħajja; min jiġi għandi ma jkollux aktar ġuħ u min jemmen fija ma jkollux aktar għatx, qatt!» (v, 35).  Dan jirreferi għall-Ewkaristija, l-akbar rigal li jxabba’ r-ruħ u l-ġisem.  Niltaqgħu ma’ Ġesù u nilqgħuh fina. Ġesù “il-ħobż tal-ħajja” jagħti sens u tama lill-mixja, spiss imħattba, tal-ħajja.  Imma dan “il-ħobż tal-ħajja” ingħatalna flimkien ma’ dmir: illi min-naħa tagħna nissodisfaw il-ġuħ spiritwali u materjali ta’ ħutna billi nħabbru l-Evanġelju, kullimkien.  Bix-xhieda tal-atteġġjamnet fratern u solidali tagħna lejn il-proxxmu, innisslu l-preżenza ta’ Kristu u ta’ mħabbtu fost il-bnedmin.

Il-Verġni Qaddisa tgħinna fit-tfittxija u fil-mixja wara Binha Ġesù, il-ħobż veru, il-ħobż ħaj li ma jitnawwarx u jibqa’ għall-ħajja ta’ dejjem.


Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll fidili Rumani u Pellegrini minn diversi Pajjii.

Insellem liż-żgħażagħ Spanjoli minn Zizur Major u Pamplona; kif ukoll lit-Taljani minn Badia, San Matteo della Decima, Zugliano u Grumolo Pedemonte.

U nsellem lill-pellegrinaġġ  biż-żwiemel tal-Arċikonfraternità “Parte Guelfa” minn Firenze.

Illum infakkru “L-Maħfra ta’ Assisi”.  Hi sejħa qawwija biex nersqu lejn il-Mulej fis-Sagrament tal-Ħniena u anki biex nirċievu l-Ewkaristija.  Hemm nies li jibżgħu jersqu lejn il-Qrar, għax jinsew li hemm ma niltaqgħux ma’ mħallef sever iżda mal-Missier ta’ ħniena bla tarf.  Hu minnu li meta mmorru fil-kunfessinarju nħossu xi ftit tal-mistħija.  Dan jiġri lil kulħadd, imma rridu niftakru li anki din il-mistħija hija grazzja li tħejjina għat-tgħannieqa tal-Missier, li jaħfer dejjem u jaħfer kollox.

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it=tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber