Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Il-liturġija tal-lum ittina l-aħħar parti tad-diskors missjunarju tal-kapitlu 10 tal-Evanġelju ta’ San Mattew (cfr 10,37-42), li fih Ġesù jgħallem lid-dixxipli tiegħu, fil-mument li fih għall-ewwel darba jibgħathom f’missjoni fil-villaġġi tal-Galielja u tal-Ġudeja.  F’din l-aħħar parti Ġesù jisħaq dwar żewġ aspetti essenzjali għall-ħajja tad-dixxiplu missjunajru: l-ewwel, li l-għaqda tiegħu ma’ Ġesù hija aktar sfieqa minn kull irbit ieħor; it-tieni, li l-missjunarju ma jirrappreżentax lilu nnifsu imma lil Ġesù, u biH, l-imħabba tal-Missier Ċelesti.  Dawn iż-żewġ aspetti huma marbutin katina għax Ġesù jkun iċ-ċentru tal-qalb u tal-ħajja tad-dixxiplu, aktar ma’ dan id-dixxiplu hu “trasprenti” fil-preżenza tiegħu.  It-tnejn imorru flimkien id f’id.

«Min iħobb lil missieru u lil ommu aktar minni ma jistħoqqlux li jkun miegħi...» (v. 37), jgħid Ġesù.  L-imħabba ta’ missier, it-tenerezza ta’ omm, il-ħbiberija ħelwa bejn l-aħwa, dan kollu, minkejja li hu tajjeb ħafna u leġittimu, ma jistax jitqiegħed qabel Kristu.  Mhux għaliex hu jridna bla qalb jew neqsin mir-rikonoxxenza, anzi, bil-maqlub, għaliex il-kundizzjoni tad-dixxiplu tesiġi relazzjoni prijoritarja mal-Imgħallem.  Għal kull dixxiplu kemm jekk ikun lajk, lajka, saċerdot, isqof: ir-relazzjoni hi prijoritarja.  Forsi l-ewwel mistoqsija li għandna nagħmlu lin-Nisrani hija: “Imma int tiltaqa’ ma’ Ġesù?  Inti titolbu lil Ġesù?”  Ir-relazzjoni.  Kważi nistgħu niġbru f’parafrasi l-Ktieb tal-Ġenesi: Għalhekk ir-raġel jitlaq lil missieru u lil ommu u jingħaqad ma’ Ġesù Kristu u t-tnejn isiru ħaġa waħda (cfr Ġen 2,24).

Inħalllu li dir-rabta ta’ mħabba u ta’ ħajja mal-Mulej Ġesù, tiġbidna lejha, u tagħmilna rappreżentanti tiegħu, “ambaxxaturi” tiegħu, fuq kollox bil-mod kif inġibu ruħna, kif ngħixu.  Sal-punt li hu u jibgħat lid-dixxipli f’missjoni Ġesù stess jgħid: «Min jilqa’ lilkom jilqa’ lili, u min jilqa’ lili jilqa’ lil dak li bagħatni» (Mt 10,40).  Hemm bżonn li n-nies jaraw li għal dak id-dixxiplu Ġesù hu verament “il-Mulej”, hu verament iċ-ċentru ta’ ħajtu, il-“kollox” fil-ħajja.  Ma jimpurtax imbagħad illi, bħal kull persuna umana, hu jkollu l-limitazzjonijiet tiegħu u anki l-iżbalji tiegħu – sakemm ikollu l-umiltà li jammettihom -; l-importanti hu li ma jkollux qalb doppja – dan hu perikoluż.  Jien Nisrani, jien dixxiplu ta’ Ġesù, jien saċerdot, jien isqof, imma għandi qalb doppja.  Le, dan mhux sew.  M’għandux ikollu qalb doppja, imma qalb sempliċi, sħiħa: li ma żżomx sieqha f’żewġt iżraben, imma li hi onesta magħha nfisha u mal-oħrajn.  Id-doppjezza mhix tan-Nisrani.  Għalhekk Ġesù jitlob lill-Missier biex id-dixxipli ma jinħakmux mill-ispirtu tad-dinja.  Jew int ma’ Ġesù, mal-ispirtu ta’ Ġesù, jew int mal-ispirtu tad-dinja.

U hawn, l-esperjenza tagħna ta’ saċerdoti tgħallimna ħaġa sabiħa ħafna, ħaġa importanti ħafna: hi propju din l-akkoljenza tal-poplu qaddis ta’ Alla, hi propju «it-tazza ilma frisk» (v. 42) li jitkellem dwarha l-Mulej fl-Evanġelju tal-lum, mogħtija bil-fidi, li tgħinek tkun saċerdot tajjeb!  Anki fil-missjoni hemm ir-reċiproċità: jekk int tħalli kollox għal Ġesù, in-nies fik jagħrfu l-Mulej; imma fl-istess ħin tgħinek tikkonverti lejH kuljum, tiġġedded u ssaffi lilek innifsek mill-kompromessi u tegħleb it-tentazzjonijiet.  Aktar ma’ s-saċerdot ikun qrib tal-poplu t’Alla, aktar iħossu qrib ta’ Ġesù, u aktar ma’ s-saċerdot ikun qrib Ġesù aktar iħossu qrib tal-poplu t’Alla.

Il-Verġni Marija ħasset personalment xi jfisser tħobb lil Ġesù, billi inqatgħet minnha nfisha u tat sens ġdid lir-rabtiet familjari, ibda mill-fidi fiH.  Bl-interċessjoni materna tagħha hi tgħinna nkunu missjunarji hielsa u ferrieħa tal-Evanġelju.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

Nhar il-5 ta’ Lulju taħbat il-festa tal-indipendenza tal-Venezwela.  Jien niżgura lil dan in-nazzjoni għażiż mit-talb tiegħi u nesprimi l-qrubija tiegħi mal-familji li tilfu ‘l uliedhom waqt il-manifestazzjoniet ta’ protesta.  Nagħmel appell sabiex titwaqqaf il-vjolenza u tinstab soluzzjoni paċifika u demokratika għall-kriżi.  Il-Madonna ta’ Coromoto tinterċedi għall-Venezwela!   U aħna lkoll nitolbu l-Madonna ta’ Coromoto għall-Venezwela: “Sliem għalik Marija.....”

Insellem lilkom ilkoll Rumani u pellegrini!

Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Belfast, l-Irlanda, u liż-żgħażagħ minn Schattdorf (l-Iżvizzera) li ftit ilu rċevew is-Sagrament tal-Konfermazzjoni.

Insellem lill-gruppi parrokkjali u lill-assoċjazzjonijiet, kif ukoll lill-parteċipanti tal-moto-pellegrinaġġ minn Cardito (Napli).

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jgħoġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 
Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber