Peress li l-Papa Franġisku dalgħodu għamel Omelija waqt il-quddiesa li kellu f’Carpi, allura waqt l-Angelus ma għamilx katekeżi fuq il-qari tal-quddiesa kif jagħmel is-soltu.

 

APPELLI

Jien imnikket għall-aħħar minħabba t-traġedja li laqtet lill-Kolombja, fejn valanga ta’ tajn ta’ daqs enormi kkawżata mix-xita torrenzjali, niżlet fuq il-belt ta’ Mocoa u ħalliet bosta vittmi u feruti.  Nitlob għall-vittmi u niżgura l-qrubija tiegħi u tagħkom ma’ dawk li qed jibku t-telfa tal-għeżież tagħhom filwaqt li rrodd ħajr lil kull min hu mpenjat biex jagħti l-għajnuna.

Għadhom qed jaslu aħbarijiet ta’ ġlied imdemmi fir-reġjun ta’ Kasaj fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ġlied li qed jiħalli ħafna vittmi u nies turufnati u qed jolqot ukoll lin-nies u l-propjetŕ tal-Knisja: knejjes, sptarijiet, skejjel.....  Niżgura l-qrubija tiegħi lejn dan in-nazzjoni u nħeġġeġ lil kulħadd biex jitlob għall-paċi, sabiex il-qlub ta’ min qed iwettaq dawn il-krimini ma jibqgħux ilsira tal-mibgħeda u l-vjolenza, għax il-mibgħeda u l-vjolenza huma qerrieda.

Minbarra dan, qed insegwi b’attenzjoni dak li qed jiġri fil-Venezwela u fil-Paragwaj.  Nitlob għal dawk il-popolazzjonijiet tant għeżież għalija u nistieden lil kulħadd biex jippersevera mingħajr heda ħalli tkun evitata l-vjolenza, u jkunu mifttxija soluzzjonijiet politiċi.

 

Għeżież ħuti,

Irrid nirringrazzjakom talli ġejtu hawn, għal dil-quddiesa.  Irrid irrodd ħajr lil kulħadd, lil dawk kollha li ħadmu biex isseħħ dil-“maratona” doppja: il-Ħadd li għadda (għall-inawgurazzjoni tal-Katidral li ġie restawrat), u tal-lum.  Grazzi ħafna!  U rrid nirringrazzja lilkom, morda.  Hawn 4500 morda hawnhekk!  Nirringrazzjakom għax bit-tbatija tagħkom tgħinu l-Knisja, tgħinuha ġġorr is-Salib ta’ Kristu.  Grazzi!  Grazzi ħafna lilkom!

U fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni, ħsiebna jdur lejn il-Verġni Mqaddsa, li intom tqimu fil-knisja Katidrali dedikata lilha.  Noffru lil Marija l-ferħat tagħna, id-dwejjaq tagħna, it-tamiet tagħna.  Nitolbuha titfa’ ħarsitha mimlija ħniena fuq kull min fostkom jinsab fit-tbatija, partikolarment il-morda, il-foqra u fuq min hu nieqes minn xogħol dinjituż.

Aħna u niftakru fil-ħeġġa appostolika ta’ żewġ figuri lajċi ta’ artkom, il-Beatu Odoardo Focherini u l-Venerabbi Marianna Saltini, xhieda tal-karitŕ ta’ Kristu, insellem bi gratitudni lilkom, fidili lajċi, f’għaqda mas-saċerdoti tagħkom: immiraw dejjem lejn dak li hu essenzjali fit-tħabbir u x-xhieda tal-Evanġelju.

Irrodd ħajr lilek, għażiż Isqof Franġisku, u intom ilkoll, Isqfijiet tar-reġjun tal-Emilia Romagna, għall-preżenza tagħkom u, fuq kollox, lir-Ragħaj ta’ did-djoċesi, Monsinjur Francesco Cavina: inħeġġiġkom biex tkunu qrib tas-saċerdoti tagħkom bis-smigħ, bit-tenerezza u bil-qrubija mimlija attenzjoni.

Irrid, fl-aħħar nirringrazzja lil kulħadd u lil kull wieħed u waħda minnkom għeżież fidili, saċerdoti, reliġjużi nisa u rġiel, Awtoritajiet u b’mod speċjali lil kull min ikkollabora fl-organiżżazzjoni ta’ din iż-żjara, bi ħsieb partikolari jmur lejn l-AGESCI u l-kor iffurmat mill-korijiet kollha tad-djoċesi li animaw din il-liturġija.

Inqiegħdu d-destin tagħna u d-destin tal-Knisja u tad-dinja f’idejn Marija billi flimkien nirreċitaw it-talba tal-Angelus.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber