ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd 2 ta' Marzu 2014

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-qalba tal-liturġija ta' dan il-Ħadd insibu waħda mill-veritajiet li l-aktar ifarġuna: il-Providenza Divina.  Il-Profeta Iżaija jippreżentaha bix-xbieha tal-imħabba tal-omm mimlija tenerezza u jgħid hekk: Tista' mara tinsa t-tarbija tagħha u ma tħennx għal bin ħdanha?  Ukoll jekk din tinsa, imma jien ma ninsiekx! (49,15).  Kemm hu sabiħ dan!  Alla ma jinsiniex, ma jinsiex lil kull wieħed u waħda minna!  Jiftakar lil kull wieħed u waħda bl-isem u l-kunjom.  Iħobbna u ma jinsiniex.  Xi ħsieb sabiħ.....  Din l-istedina għall-fiduċja f'Alla għandha eku fil-paġna tal-Evanġelju ta' Mattew:  Ħarsu lejn l-għasafar tas-sema – jgħid Ġesù – la jizirgħu, la jaħsdu u anqas igeddsu fl-imħażen u madnakollu, Missierkom li hu fis-smewwiet, jitmagħhom...Ħarsu lejn il-ġilji tal-għelieqi kif jikbru, la jitħabtu u lanqas jinsġu!  Madankollu, ngħidilkom, anqas Salamun, fil-glorja kollha tiegħu, ma kien jilbes bħal wieħed minnhom. (Mt 6,26.28-29)

Għal tant persuni li qed jgħixu f'kundizzjonijiet prekarji, jew addirittura fil-miżerja li toffendi d-dinjità tagħhom, dan il-kliem ta' Ġesù jista' jidher astratt, jew illużorju.  Imma fil-verità hu attwali ħafna!  Ifakkarna li ma nistgħux naqdu żewġ sidien: lil Alla u l-flus.  Sakemm wieħed jibqa' jaħseb biss biex irekken għalih waħdu, qatt ma jista' jkun hawn ġustizzja.  Irridu nisimgħuha tajjeb din!  Sakemm kull bniedem jibqa' jaħseb biex jaħżen għalih biss, qatt ma jista' jkun hawn ġustizzja.  Jekk, min-naħa l-oħra, bil-fiduċja fil-Providenza Divina, flimkien infittxu s-Saltna tiegħu, allura lil ħadd ma jonqsu dak li hu meħtieġ biex jgħix bid-dinjità.

Qalb mimlija bil-kilba biex takkumula l-ġid, hija qalb mimlija bil-kilba, imma mneżża' minn Alla.  Għalhekk Ġesù kemm-il darba wissa lis-sinjuri, għax għalihom ir-riskju li jorbtu s-sigurtà tagħhom mal-ġid ta' din id-dinja huwa kbir, u s-sigurezza, is-sigurezza definittiva, tinsab f'Alla.  Fil-qalb mhedija bir-rikkezza ma jibqax wisq aktar post għall-fidi: kollox hu okkupat mir-rikkezza, mhemmx post għall-fidi.  Jekk, min-naħa l-oħra nħallu għal Alla l-wisa' li hu tiegħu, jiġifieri l-ewwel post, allura imħabbtu tmexxina biex naqsmu anki r-rikkezzi tagħna, inqegħeduhom għas-servizz ta' proġetti ta' solidarjetà u żvilupp, kif naraw b'ħafna eżempji, anki reċenti, fl-istorja tal-Knisja.  B'hekk il-Providenza t'Alla titwassal permezz tas-servizz tagħna lejn l-oħrajn, b'dak li naqsmu mal-oħrajn.  Jekk kull wieħed u waħda minnha minflok irekken il-ġid għalih innfsu jqiegħed il-ġid għas-servizz tal-oħrajn, f'dal-każ il-providenza t'Alla tibda' tidher f'dal-ġest ta' solidarjetà.  Jekk, min-naħa l-oħra bniedem jiġmgħa għalih waħdu, x'se jiġrilu meta Alla jsejjaħlu?  Mhux se jieħu l-ġid miegħu għax – tafu – il-kefen m'għandux bwiet!  Aħjar naqsmu mal-oħrajn għax fis-sema nieħdu magħna dak biss li nkunu qsamna mal-oħrajn.

It-triq li juri Ġesù tista ma tidhirx tant realistika għall-mentalità komuni u quddiem il-kriżi ekonomika; imma, jekk wieħed jaħseb tajjeb, twassalna mill-ġdid lejn l-iskala tal-valuri awtentika.  Hu jgħid: Il-ħajja forsi ma tiswiex aktar mill-ikel u l-ġisem aktar mill-ilbies? (Mt 6,25).  Biex lil ħadd ma jonqsu l-ħobż, l-ilma, l-ilbies, id-dar, ix-xogħol, is-saħħa, jeħtieġ li nagħrfu li aħna lkoll ulied il-Missier li hu fis-smewwiet u għalhekk aħwa bejnietna u bħala konsegwenza, nġibu ruħna bejnietna ta' aħwa.  Dan fakkartu fil-messaġġ għall-Jum il-Paċi tal-1 ta' Jannar: it-triq tal-paċi u l-fraternità: din il-mixja flimkien, li naqsmu kollox bejnietna.  Fid-dawl tal-Kelma t'Alla ta' dan il-Ħadd, nitolbu lill-Verġni Marija, bħala Omm il-Providenza Divina.  Lilha nafdawlha l-eżistenza tagħna, il-mixja tal-Knisja u tal-umanità.  Partikolarment nitolbu l-interċessjoni tagħha biex kulħadd jagħmel ħiltu biex jgħix stil ta' ħajja sempliċi u sobriju, bil-ħarsa mitfugħa fuq il-ħtiġijiet ta' ħutna li l-aktar jinsabu fil-bżonn.

---------------------

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti, nitlobkom mill-ġdid biex titolbu għall-Ukranja li għaddejja minn sitwazzjoni delikata.  Filwaqt li nawgura li kull element tal-pajjiż jimpenja ruħu biex ikun megħlub in-nuqqas ta' ftehim u biex jinbena l-futur tan-nazzjonni, nagħmel appell minn qalbi lill-komunità internazzjonali biex tagħti sapport lil kull inizjattiva favur id-djalogu u l-ftehim.

Nagħti tislima lill-familji kollha, lill-gruppi parrokkjali, lill-assoċjazzjonijiet u lill-pellegrini kollha li ġew mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem lill-fidili Spanjoli li ġejjin mid-djoċesijiet ta' Valladolid u Ibiza; kif ukoll lit-Taljani li ġejjin minn Amantea, Brescia, Cremona, Terni, Lonate u Ferno, u lill-kor ta' Tassullo.

Insellem lil bosta gruppi ta' żgħażagħ mid-djoċesijiet ta' Como, Vicenza, Padova, Lodi, Cuneo u Cremona.  Għeżież żgħażagħ, uħud minnkom għadkom kif irċevejtu l-Griżma tal-Isqof jew qed titħejjew biex tirċevuha, oħrajn fostkom se tagħmlu l-professjoni tal-fidi jew intom attivi fl-oratorji tagħkom.  Għeżież zagħażagħ, jalla r-rabta tagħkom ma' Ġesù ssir dejjem aktar qawwija u profonda biex tkunu tistgħu tagħmlu ħafna frott!  Avanti, għeżież żgħażagħ!

Matul din il-ġimgħa nibdew ir-Randan, li hija l-mixja tal-Poplu t'Alla lejn l-Għid, mixja ta' konverżjoni, ta' ġlieda kontra l-ħażen bl-armi tat-talb, tas-sawm, tal-ħniena. L-umanità teħtieġ il-ġustizzja, ir-rikonċiljazzjoni, il-paċi u dawn tista' tiksibhom biss jekk terġa' ddur b'qalbha kollha lejn Alla, li hu l-għajn ta' kollox.  Anki aħna lkoll neħtieġu l-maħfra t'Alla.  Nidħlu fir-Randan bi spirtu ta' adorazzjoni lejn Alla u ta' solidarjetà fraterna ma dawk li, f'daż-żmien, għaddejjin mill-prova tal-faqar u tal-konflitti vjolenti.

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb u l-ikla t-tajba.  Arrivderci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.