IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd, 2 ta' Frar, 2020

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum qed niċċelebraw Il-festa ta-Preżentazzjoni tal-Mulej, meta Ġesù tarbija kien ippreżentat fit-Tempju mill-Verġni Marija u San Ġużepp.  Fl-istess data tal-lum niċċelebraw ukoll il-Jum tal-Ħajja Konsagrata, li jfakkarna fit-teżor kbir tal-Knisja ta' kull min jimxi wara l-Mulej mill-qrib għax iqiegħed fil-prattika r-rakkomandazzjonijiet evanġeliċi.

L-Evanġelju ta' Luqa (cfr Lq 2,22-40) jirrakkonta li erbgħin jum wara t-twelid, il-ġenituri ta' Ġesù ħadu lit-tarbija Ġerusalemm biex jikkonsagrawha lil Alla, skont ir-regoli tal-Liġi Għebrajka.  U filwaqt li jiddeskrivi rit stabbilit mit-tradizzjoni, dan l-episodju jgħinna nitfgħu l-attenzjoni tagħna fuq l-imġieba ta' xi persunaġġi.  Lil dawn narawhom fil-ħin li jkunu qed jagħmlu l-esperjenza tal-laqgħa tagħhom mal-Mulej fl-imkien fejn ikun Hu u fejn juri li hu qrib il-bniedem.  Dawn huma Ġużeppi, Marija, Xmun u Anna, li jirrappreżentaw mudelli ta' akkoljenza u għotja tal-ħajja tagħhom lil Alla.  Dawn l-erbgħa ma kienux bħal xulxin, kienu differenti minn xulxin imma kollha kienu qed ifittxu lil Alla u kienu jħallu lil Alla jmexxihom.

L-evanġelista Luqa jiddeskrivi l-erba' li huma f'atteġġjament doppju: atteġġjament ta' moviment u atteġġjament ta' stgħaġib.

L-ewwel atteġġjament hu l-moviment.  Marija u Ġużeppi jimxu lejn Ġerusalemm; min-naħa tiegħu, Xmun, imqanqal mill-Ispirtu, imur fit-tempju filwaqt li Anna taqdi lil Alla lejl u nhar bla waqfien.  B'hekk l-erba' protagonisti tas-silta tal-Evanġelju juruna li l-ħajja nisranija titlob dinamiżmu u titlob li nkunu lesti li nimxu aħna u nħallu lill-Ispirtu s-Santu jiggwidana.  L-istatiċità xejn ma tixraq lix-xhieda nisranija u lill-missjoni tal-Knisja.  Id-dinja teħtieġ insara li jħallu li min jibdilhom, li ma jegħjewx iterrqu l-mogħdijiet tal-ħajja biex iwasslu lil kulħadd il-kelma ta' Ġesù li tfarraġ.  Kull mgħammed irċieva l-vokazzjoni tat-tħabbir - it-tħabbir ta' xi ħaġa, it-tħabbir ta' Ġesù -, il-vokazzjoni għall-missjoni tal-evanġeliżżazzjoni: iħabbar lil Ġesù!  Il-parroċċi u l-komunitajiet ekkleżjali diversi huma msejħin biex jipprovdu l-ispazju għall-impenn taż-żgħażagħ, tal-familji u l-anzjani, ħalli kulħadd ikun jista' jagħmel esperjenza nisranija billi jgħix bħala protagonista l-ħajja u l-missjoni tal-Knisja.

It-tieni atteġġjament li bih San Luqa jippreżenta lill-erba' persunaġġi tar-rokkont hu l-istgħaġib.  Marija u Ġużeppi baqgħu mistgħaġba b'dak li kien qed jingħad fuqu (fuq Ġesù) (v. 33).  L-istgħaġib hu reazzjoni evidenti tax-xwejjaħ Xmun ukoll, għax fil-Bambin Ġesù għajnejh raw is-salvazzjoni tal-poplu mwettqa minn Alla: dik is-salvazzjoni li hu kien ilu jistenna snin.  U l-istess jgħodd għal Anna li wkoll bdiet tfaħħar 'l Alla (v.38) u turi lil Ġesù lin-nies.  Din hi qaddisa lablaba, kienet taf tpaċpaċ, titkellem dwar ħwejjeġ tajbin, mhux dwar affarijiet koroħ.  Kienet titkellem, tħabbar: qaddisa li bdiet tersaq lejn nisa oħra u turihom lil Ġesù.  Dawn il-figuri ta' nies li jemmnu huma mistgħaġba għax inħakmu u twaħħdu mal-ġrajjiet li kienu qed jitwettqu taħt għajnejhom.

Il-ħila li nistgħaġbu b'dak li għandna madwarna jiffaċilita l-esperjenza reliġjuża, u l-laqgħa tagħna mal-Mulej jirrendiha għammiela.  Bil-maqlub, in-nuqqas ta' ħila li nistgħaġbu jagħmilna indifferenti u jkabbar id-distanza bejn il-mixja tal-fidi u l-ħajja ta' kuljum.  Ħuti, nibqgħu dejjem mexjin u nibqgħu dejjem miftuħin biex nistgħaġbu!

Il-Verġni Marija tgħinna ħalli ta' kuljum nikkuntemplaw lil Ġesù, rigal mogħti lilna minn Alla, u biex inħalluh jaħkem fuqna fl-eżerċizzju tad-don, bi stagħġib hieni sabiex ħajjitna kollha ssir tifħir lil Alla bil-qadi lil ħutna.

 

Wara l-Angelus!

Għeżież ħuti,

illum fl-Italja qed niċċelebraw Jum il-Ħajja li għandu bħala tema "Iftħu l-bibieb għall-ħajja".  Ningħaqad mal-messaġġ tal-Isqfijiet u nawgura li dil-ġurnata tkun okkażjoni biex inġeddu l-impenn ħalli nindukraw u nħarsu l-ħajja umana mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha.  Huwa meħtieġ ukoll, li niġġieldu kull għamla ta' vjolazzjoni tad-dinjità anki meta fin-nofs hemm it-teknoloġija u l-ekonomija, u niftħu l-bibien għal għamliet ġodda ta' fraternità solidali.  Illum, fil-Ġurnata tal-Ħajja Konsagrata, nixtieq li aħna lkoll hawn fil-pjazza nitolbu għall-persuni konsagrati rġiel u nisa li jagħmlu ħidma sfiqa, il-biċċa l-kbira fis-satra.  Nitolbu flimkien.  (Sliem għalik, Marija..)  U nagħtu applaws lill-persuni konsagrati rġiel u nisa!

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini.  Partikolarment lill-istudenti minn Bajadoz (Spanja); lill-fidili minn Cremona, Spoleto, Fano, Palau u Roseto degli Abruzzi.  Qed nara li hawn pellegrini Pollakki, f'għadd kbir!  U pellegrini Ġappuniżi, insellmulhom ukoll!

Nawguralkom ilkoll il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber