Papa Franġisku

Angelus

Il-Ħadd, 2 ta’ Frar 2014

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum niċċelebraw il-festa tal-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju.  F’dan il-jum tat-2 ta’ Frar infakkru wkoll Jum il-ħajja konsagrata, li tfakkar ir-rwol importanti li għandhom fil-Knisja dawk li laqgħu s-sejħa biex jimxu wara Ġesù mill-qrib skont il-ħajja evanġelika.  Il-Vanġelu tal-lum jgħidilna li erbgħin jun wara t-twelid ta’ Ġesù, Marija u Ġużeppi ħadu lit-Tifel fit-tempju biex joffruh u jikkonsagrawh lil Alla, skont ma huwa mitlub mil-Liġi tal-Lhud.  Dan l-episodju mill-evanġelju jippreżenta wkoll ikona tal-għotja sħiħa tal-ħajja ta’ dawk li, għax irċevew don mingħand Alla, jieħdu fuqhom il-kwalitajiet ta’ Ġesù kast, fqir u ubbidjenti.

Din l-offerta tal-ħajja lil Alla hija ħaġa li tolqot lil kull nisrani, għax aħna lkoll ġeja kkonsagrati lilu fil-magħmudija.  Ilkoll kemm aħna msejħin biex noffru lilna nfusna lill-Missier flimkien ma’ Ġesù u bħal Ġesù, milli nibdlu ħajjitna f’don ġeneruż, fil-familja, fuq ix-xogħol, fis-servizz tagħna lejn il-Knisja, fl-opri tal-ħniena.  Madanakollu, din it-tip ta’ konsagrazzjoni hija mgħixa b’mod speċifiku mir-reliġjużi, mill-irħieb, mil-lajċi kkonsagrati, li bil-wegħda tal-voti jsir proprjetà ta’ Alla biss u dan b’mod sħiħ.  Din l-għotja sħiħa ta’ Alla u li tagħraf lil Alla biss bħala s-sid tiegħek twassal biex dawk li jgħixuha b’mod veru u sħiħ jagħtu xhieda speċjali tal-aħbar it-tajba tas-Saltna ta’ Alla.  Ladarba huma kkonsagrati b’mod sħiħ lil Alla, huma jiġu mogħtija b’mod sħiħ lill-aħwa, biex iwasslu d-dawl ta’ Kristu hemm fejn id-dlamijiet huma l-aktar imdallma, u biex ixerrdu t-tama tiegħu fil-qlub li tilfu kull tama.

Il-persuni kkonsagrati huma sinjal tal-preżenza ta’ Alla fid-diversi ambjenti tal-ħajja, huma l-ħmira għall-iżilupp ta’ soċjetà aktar ġusta u fraterna, huma profezija ta’ qsim ta’ ġid maż-żgħar u mal-fqar.  Jekk tkun mifhuma u mgħixa hekk, il-ħajja konsagrata tidher proprju kif tassew hi: don ta’ Alla, don ta’ Alla lill-Knisja, don ta’ Ala lill-poplu tiegħu!  Kull persuna konsagrata hija don lill-poplu ta’ Alla li jinsab fit-triq. Hawn bżonn kbir għal dawn it-tip ta’ preżenzi, li jsaħħu u jġeddu l-impenn għat-tixtrid tal-Evanġelju, għall-edukazzjoni nisranija, għall-karità ma’ dawk li huma l-aktar fil-bżonn, għat-talb kontemplattiv; l-impenn lejn il-formazzjoni umana, lejn il-formazzjoni spiritwali taż-żgħażagħ, tal-familji; l-impenn għall-ġustizzja u l-paċi fil-familja tal-bnedmin. Imma ejjew naħsbu ftit x’jiġri li kieku ma kienx hemm is-sorijiet fl-isptarijiet, is-sorijiet fil-missjoni, is-sorijiet fl-iskejjel.  Immaġinaw: Knisja mingħarj is-sorijet! Anqas biss nisgħu nimmaġinawha: huma dan id-don, din il-ħmira li twassal ‘il quddiem il-poplu ta’ Alla.  Dawn huma nisa kbar li jikkonsagraw ħajjiethom lil Alla, u li jmexxu ‘l quddiem il-messaġġ ta’ Ġesù.

Il-Knisja kif ukoll id-dinja għandhom bżonn ta’ din ix-xhieda ta-imħabba u l-ħniena ta’ Alla.  Il-persuni konsagrati, ir-reliġjużi rġiel u nisa huma x-xhieda li Alla hu tajjeb u ħanin.  Għalhekk hemm bżonn li napprezzaw b’radd il-ħajr l-esperjenzi ta’ ħajja konsagrata u li nsiru nafu aktar fil-fond dwar it-tipi differenti ta’ kariżmi u ta’ ħajja spiritwali.  Hemm bżonn nitolbu sabiex aktar żgħażagħ iwieġbu “iva” lill-Mulej li qed isejħilhom biex jingħataw b’mod sħiħ lilu għal servizz mingħajr interessi lill-aħwa; jikkonsagraw ħajjithom biex jaqdu lil Alla u lill-aħwa.

Għal dawn ir-raġunijiet kollha, kif ġa ġie mħabbar, is-sena d-dieħa se tkun iddediakta b’mod speċjali lill-ħajja konsagrata.  Ejjew nafdaw minn issa din l-inizjattiva fl-interċessjoni tal-Verġni Marija u ta’ San Ġużepp, li, bħala l-ġenituri ta’ Ġesù, kienu l-ewwel tnejn li ġew ikkonsagrati minnu biex jikkonsagraw ħajjithom lilu.


Wara l-Anġelus:

Insellem il-familji, il-parroċċi, l-għaqiet u l-pellegrini kollha li ġew minn Ruma, mill-Italja u minn tant partijiet tad-dinja.  Insellem b’mod partikulari lill-istudenti spanjoli ta’ Villafranca de los Barros u Zafra; id-devoti tal-beatu Stefano Bellesini li ġew minn Verona, l-insara ta’ Taranto, il-korijiet ta’ Turriaco, ta’ Modena u tal-provinċja ta’ Taranto.

Illlum qed tiġi ċċelebrata fl-Italja l-Ġurnata għall-ħajja, li għandha bħala tema “Innisslu l-ġejjieni”.  Insellem minn qalbi u nagħti l-appoġġ tiegħi lill-għaqdiet, lill-movimenti u liċ-ċentri kulturali li huma mpenjati biex jiddefendu l-ħajja u jippromovuha.  Ningħaqad mal-isqfijiet Taljani billi ntenni li “kull tarbija hija wiċċ tal-Mulej li jħobb il-ħajja, don lill-familja u lis-soċjetà” (mill-Messaġġ għas-36 Ġurnata Nazzjonali għall-ħajja).  Kulħadd, skont ir-rwol u l-ambjent li fih jgħix u jaħdem, għandu jħossu msejjaħ biex jaqdi l-ħajja, jilqagħha, jirrispettaha u jmexxiha ‘l quddiem, speċjalment meta hija dgħajfa u fil-bżonn tal-attenzjoni u l-kura, mill-ġuf tal-omm sat-tmiemha fuq din l-art.

Insellem il-Kardinal Vigarju u dawk kollha li huma mpenjati fid-djoċesi ta’ Ruma għall-animazzjoni tal-attivitajiet tal-Ġurnata għall-ħajja.  Nuri l-apprezzament tiegħi ukoll lill-għalliema tal-universitajiet li, f’din l-okkazjoni, nedew u ħadu ħsie diversi laqgħat dwar id-diskussjonijiet attwali marbutin mat-twelid.  Grazzi ħafna minn qalbi.

Ħsiebi jmur ukoll lejn l-għeżież li jgħixu f’Ruma u fit-Toscana li bħalisssa huma milqutin mix-xita li kkawżat ħafna għarar.  Ejjew ma nħallux li jkun neqsin is-solidarjetà konkreta u t-talb għal dawn ħutna li għaddejjin minn żmien diffiċli ta’ prova.  Għeżież ħuti, ninsab qrib ħafna tagħkom!

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, u l-ikla t-tajba! Insellmilkom.

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.