Il-Papa Frangisku

Angelus,

Il-Ħadd, 1 ta' Diċembru 2013

 

 

Għeżież ħuti, il-ġurnata t-tajba!

Illum, l-ewwel Ħadd tal-Avvent, nibdew sena liturġika ġdida, jiġifieri mixja ġdida tal-poplu ta’ Alla flimkien ma’ Ġesù Kristu, ir-ragħaj tagħna, li jmexxina fl-istorja lejn it-twettiq tas-Saltna ta’ Alla.  Għalhekk dan il-jum għandu seħer speċjali, għax jgħinna nħossu sens kbir tat-tifsira tal-istorja.  Ejjew nagħrfu mill-ġdid il-ġmiel tal-fatt li aħna lkoll ninsabu f’mixja: sew il-Knisja, bis-sejħa u l-missjoni tagħha, kif ukoll il-ġens uman kollu, il-popli, iċ-ċiviltajiet, il-kulturi, ilkoll f’mixja tul il-mogħdijiet taż-żmien.

Imma lejn xiex mexjin?  Jeżisti tmiem wieħed ta’ din il-mixja komuni għal kulħadd?  Liema hu dan it-tmiem?  Il-Mulej iweġibna permezz tal-profeta Iżaija u jgħidilna hekk:  “Għad jiġri fl-aħħar jiem / li l-għolja tad-dar tal-Mulej / togħla 'l fuq mill-qċaċet tal-muntanji, / u tintrefa 'l fuq  mill-għoljiet, / lejha għad jiġru l-ġnus kollha. / Kotra ta' popli għad jiġu u jgħidu: / "Ħalli mmorru u nitilgħu fuq l-għolja tal-Mulej, / lejn id-dar ta' Alla ta' Ġakobb, / biex jgħallimna triqatu, / u nimxu fil-mogħdijiet tiegħu." (2, 2-3). Dan hu dak li jgħid Iżaija dwar it-tmien tal-vjaġġ li qed nagħmlu.  Dan tagħna huwa pellegrinaġġ universali lejn tmiem wieħed, li fit-Testment il-Qadim huwa Ġerusalemm, fejn hemm it-tempju ta’ Alla, għax minn hemm, minn Ġerusalemm, ġiet ir-rivelazjoni tal-wiċċ ta’ Alla u tal-liġi tiegħu.  Din ir-rivelazzjoni sabet f’Ġesù Kristu l-milja tagħha, u hu stess sar it-“tempju tal-Mulej”, il-Kelma magħmula bniedem: Hu il-gwida kif ukoll it-tmiem ta’ dan il-pellegrinaġġ tagħna, tal-pellegrinaġġ tal-poplu kollu ta’ Alla; u fid-dawl tiegħu anke l-popli l-oħra jistgħu jimxu lejn is-Saltna tal-ġustizzja, lejn is-Saltna tal-paċi.  Il-profeta jkompli jgħidilna: “huma jibdlu x-xwabel tagħhom f'sikek tal-moħriet, / u l-lanez tagħhom fi mnieġel. / Ebda ġens ma jerfa' x-xabla kontra ġens ieħor, / u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed” (2,4).

Nixtieq intenni dak li jgħid il-profeta, isimgħuni sew: “huma jibdlu x-xwabel tagħhom f'sikek tal-moħriet, / u l-lanez tagħhom fi mnieġel. / Ebda ġens ma jerfa' x-xabla kontra ġens ieħor, / u s-sengħa tal-gwerra ma jitgħallmuhiex iżjed”.  Imma dan meta se jseħħ? Xi ġmiel ta’ jum għad ikun dak li fih l-armi tal-gwerra jiġu żarmati biex jinbidlu f’għodda tax-xogħol! Xi ġmiel ta’ jum għad ikun dak! U dan huwa possibbli! Ejjew nafdaw fit-tama, fit-tama tal-paċi, u dan ikun possibbli!

Din il-mixja qatt ma tasal fi tmiem. Hekk kif fil-ħajja ta’kull wieħed minna hemm dejjem bżonn li nibdew mill-ġdid, li nqumu, li nsibu mill-ġdid it-tifsira tat-tmiem tal-vjaġġ tal-eżistenza tagħna, l-istess għall-familja l-kbira tal-bnedmin hemm bżonn li nġeddu dejjem ix-xefaq komuni li lejh qed nimxu.  Ix-xefaq tat-tama! Dan huwa x-xefaq biex nagħmlu mixja tajba.  Iż-żmien tal-Avvent, li llum qed nibdew mill-ġdid, jagħtina mill-ġdid ix-xefaq tat-tama, tama li ma tiksrilniex ix-xewqat tagħna għax hija mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla.  Tama li ma tiksrilniex xewqatna, sempliċement għax il-Mulej qatt ma jiksrilna xewqatna!  Hu jżomm kelmtu! Hu qatt ma jiksrilna xewqatna! Ejjew naħsbu nħossu l-ġmiel ta’ dan il-kliem.

Il-mudell għal din l-imġoeba spiritwali, ta’ dan il-mod ta’ eżistenza u ta’ mixja fil-ħajja hija l-Verġni Marija.  Tfajla komuni mir-raħal, li f’qalbha ġġorr it-tama kollha ta’ Alla!  F’ġufha, it-tama ta’ Alla ħadet il-ġisem, saret bnieden, saret storja: Ġesù Kristu.  L-innu ta’ radd il-ħajr tagħha, il-Magnificat, huwa l-għanja tal-poplu ta’ Alla li jinsab f’din il-mixja, tal-irġiel u n-nisa kollha li jittamaw f’Alla, fil-qawwa tal-ħniena tiegħu.  Ejjew inħallu lilna nfusna nitmexxew minnha, hi li hi omm, hi li hi mamà u taf kif għandha tmexxina. Ejjew inħallu lilna nfusna nitmexxew minnha, f’dan iż-żmien ta’ stennija u ta’ għassa attiva.

 

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

illum huwa l-Jum dinji tal-ġlieda kontra l-HIV/AIDS.  Ejjew nuru li ninsabu qrib il-persuni li huma maħkuma minn din il-marda, speċjalment it-tfal; din il-preżenza fil-qrib tidher b’mod konkret ħafna fl-impenn fis-skiet ta’ ħafna missjunarji u ħaddiema.  Ejjew nitolbu għalihom ilkoll, anke għat-tobba u għar-riċerkaturi.  Jalla kull min hu marid, bla ma jkun eskluż ħadd, ikun jista’ jersaq għall-kura li tagħha għandu bżonn.

Insellem bil-qalb lill-pellegrini kollha li hawn preżenti: il-familji, il-parroċċi, l-għaqdiet.  Insellem b’mod partikulari lill-insara li ġew minn Madrid, il-kor “Florilège” li ġej mill-Belġju, il-grupp “Famiglie Insieme” ta’ Solofra, u ll-Associazione artistica operaia ta’ Ruma.

Insellem l-insara ta’ Bari, ta’ Sant’Elpidio a Mare, ta’ Pollenza u ta’ Grumo Nevano.

Nawgura lil kulħadd bidu tajjeb għal dan l-Avvent. L-ikla t-tajba u nsellmilkom sakemm nerġgħu nitaqgħu!

 

Miġjub għall-Malti minn Fr Jonathan Farrugia.