SOLENNITÀ TAL-QADDISIN KOLLHA

 IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru

1 ta' Novembru, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Is-solennità tal-Qaddisin Kollha tal-lum tfakkarna li lkoll kemm aħna msejħin għall-qdusija.  Il-qaddisin ta' kull żmien, li llum qed niċċelebrawhom ilkoll flimkien, mhumiex sempliċiment simboli, bnedmin imbiegħda, li ma jistgħux jintlaħqu.  Bil-maqlub, huma persuni li għexu b'saqajhom mal-art; ġarrbu l-għeja ta' kuljum tal-eżistenza bis-suċċessi u l-fallimenti tagħha, imma li fil-Mulej sabu l-forza biex jerġgħu jqumu u jibqgħu mexjin.  Minn dan nifhmu li l-qdusija hija għan li ma jistax jintlaħaq bil-forzi tagħna waħedna, imma hu frott il-grazzja t'Alla u t-tweġiba ħielsa tagħna għaliha.

Peress li hija l-grazzja t'Alla, jiġifieri d-don tiegħu, aħna ma nistgħux nixtruha jew ninnegozjawha, imma nilqugħha biex b'hekk nieħdu sehem mill-istess ħajja divina bil-medjazzjoni tal-Ispirtu s-Santu li jgħammar fina minn jum il-Magħmudija tagħna.  Iż-żerriegħa tal-qdusija tinsab propju fil-Magħmudija.  Ifisser li fina tibqa' timmatura dejjem l-għarfa li aħna mlaqqmin fi Kristu, bħalma l-fergħa hi mwaħħla mad-dielja, u għalhekk nistgħu u għandna ngħixu miegħu u fih bħala ulied Alla.  Allura l-qdusija hi għixien f'komunjoni sħiħa ma' Alla, minn issa, tul dal-pellegrinaġġ fuq din l-art.

Iżda l-qdusija, lil hinn milli hi don, hi wkoll sejħa, hija vokazzjoni komuni bejnietna l-insara kollha, dixxipli ta' Kristu; hija t-triq tal-milja li kull nisrani hu msejjaħ iterraq bil-fidi, miexi lejn l-għan aħħari: l-għaqda definittiva ma' Alla fil-ħajja eterna.  Hekk, il-qdusija ssir tweġiba għad-don ta' Alla, għax tidher bħala aċċettazzjoni tar-responsabbiltà.  F'dil-perspettiva huwa importanti li kuljum nieħdu fuq spallejna l-impenn tal-qdusija fil-kundizzjonijiet, fid-dmirijiet u fiċ-ċirkustanzi tal-ħajja tagħna, billi nfittxu li ngħixu kollox bl-imħabba, bil-karità.

Il-qaddisin li qed niċċelebraw fil-liturġija tal-lum huma aħwa li f'ħajjithom aċċettaw li għandhom bżonn dan id-dawl divin, u ntelqu fih bil-fiduċja.  U issa, quddiem it-tron t'Alla (cfr Apok 7, 15),  jgħannu bla waqfien il-glorja tiegħu.  Huma jiffurmaw "il-Belt Qaddisa", li għaliha aħna nixxenqu bit-tama, bħala għan aħħari tagħna dment li għadna pellegrini "f-dil belt dinjija".  Mexjin lejn dik "il-belt qaddisa" fejn qed jistennewna dawn ħutna qaddisin.  Hu minnu li nħossuna mifluġin mill-ebusija tal-mixja, imma mit-tama niksbu l-forza biex nibqgħu għaddejjin.  Meta nħarsu lejn ħajjithom aħna xprunati biex nimitawhom.  Fosthom hemm tant xhieda ta' qdusija "tad-dar ta' ħdejna, ta' dawk li jgħixu qribna u huma mera tal-preżenza t'Alla" (. App. Gaudete et Exsultate, 7).

Ħuti, it-tifkira tal-Qaddisin timbuttana biex nerfgħu għajnejna lejn is-Sema: mhux biex ninsew ir-realtajiet ta' did-dinja, imma biex naffrontawhom b'kuraġġ akbar, b'tama mseddqa.  Bil-maternità tagħha, takkumpanjana bl-interċessjoni tagħha, Marija, l-Omm Qaddisa tagħna, sinjal ta' faraġ u ta' tama żgura.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi; partikolarment lill-adoloxxenti tal-Azzjoni Kattolika li ġew hawnhekk flimkien mal-edukaturi tagħhom minn ħafna djoċesijiet Taljani fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tal-ACR.  Wieħed, tnejn, tlieta... (l-adoloxxenti fil-pjazza jibdew ikantaw).  Insellem liż-żgħażagħ mid-Dekanat ta' Mauges, fi Franza; lill-adoloxxenti minn Carugate (Milan).

Insellem lill-atleti li ħadu sehem 'fil-Ġirja tal-Qaddisin' organiżżata mill-Fundazzjoni "Missjonijiet Dun Bosco" biex anki f'dimensjoni popolari jisħqu dwar il-valur reliġjuż tat-tifkira tal-Qaddisin Kollha.

Irrod ħajr lilkom u lil kull min, fil-parroċċi u fil-komunitajiet f'dal-ġranet ifakkru lill-mejtin b'inizjattivi ta' talb sabiex jiċċelebraw il-Qaddisin Kollha u jiftakru fil-mejtin..  Dawn iż-żewġ festi kristjani ifakkruna fir-rabta li hemm bejn il-Knisja fid-dinja - li hi aħna - u dik tas-Sema, bejnna u bejn l-għeżież tagħna li għaddew għal ħajja oħra.

Għada waranofsinhar se mmur niċċelebra l-Ewkaristija fil-Katakombi ta' Santa Priscilla, wieħed mill-imkejjen tad-dfin tal-ewwel insara ta' Ruma.  F'dawn il-jiem li fihom, sfortunatament, jiċċirkolaw ukoll messaġġi ta' kultura negattiva dwar il-mewt u l-mejtin, nistedinkom biex ma tittraskurawx, jekk ikun possibbli, li tagħmlu żjara u talba fiċ-ċimiterju.  Ikun att ta' fidi.

U nawgura lil kulħadd il-festa t-tsajba fil-kumpanija spiritwali tal-qaddisin.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber