Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Is-solennità tal-Qaddisin kollha hi l-festa “tagħna”: mhux għax aħna “bravi”, imma għax il-qdusija t’Alla misset ħajjitna. Il-qaddisin mhumiex xi mudelli żgħar perfetti, imma persuni li Alla daħal fihom.  Nistgħu nqabbluhom mat-twieqi tal-knejjes li minnhom jidħol dawl b’tonalitajiet differenti ta’ kuluri.  Il-qaddisin huma ħutna li laqgħu d-dawl ta’ Alla f’qalbhom u wassluh lid-dinja, kull wieħed u waħda skont “it-tonalità” personali.  Imma lkoll kienu trasparenti, tqabdu biex ineħħu t-tbajja tad-dnub sabiex iħallu d-dawl ġentili t’Alla jgħaddi minnhom.  Dan hu l-għan tal-ħajja: li nħallu d-dawl ta’ Alla jgħaddi, u huwa wkoll l-iskop tal-ħajja tagħna.

Infatti llum fl-Evanġelju, Ġesù jdur lejn tiegħu, lejna lkoll, u jsejħilna “Mbierka” (Mt 5,3).  Hi l-kelma li biha jibda l-predikazzjoni tiegħu, li hi “vanġelu”, aħbar tajba, għax hi t-triq tal-hena.  Min hu ma’ Ġesù hu mbierek, hu hieni.  L-hena ma tinkisibx għax ikollok xi ħaġa jew għax sirt xi ħaġa le, l-hena veru hu li tkun mal-Mulej u tgħix għall-imħabba.  Intom temmnuh dan?  Il-veru hena ma tinkisibx għax ikollok xi ħaġa jew għax sirt importanti: l-hena veru hu li tkun mal-Mulej u li tgħix għall-imħabba.   Temmnuh dan?  Jeħtieġ li nibqgħu mexjin biex nibdew nemmuh dan.  Allura l-ingredjenti tal-ħajja hienja jissejħu beatitudnijiet: huma hienja, is-sempliċi, l-umli li jagħmlu wisa’ għal Alla, li jafu jibku minħabba l-oħrajn u minħabba l-iżbalji personali, li jkunu mansweti, jitqabdu għall-ġustizzja, inħennu għal kulħadd, iħarsu s-safa tal-qalb, jaħdmu dejjem għall-paċi u jibqgħu fil-ferh, ma jobgħodux u anki meta jbatu jwieġbu bit-tajjeb għall-ħażin.

Dawn huma l-beatitudnijiet.  Ma jitolbux atti straordinarji, mhumiex għal xi bniedem “super” imma għal min jgħix il-provi u t-tbatijiet ta’ kuljum, għalina.  Hekk huma l-qaddisin: bħal kulħadd jirrespiraw l-arja mniġġsa tal-ħażen li hawn fid-dinja, imma fil-mixja ma jitilfu qatt minn quddiem għajnejhom il-pjan ta’ Ġesù, dak muri mill-beatitudnijiet, li huma wkoll il-mappa tal-ħajja Kristjana.  Illum hi l-festa ta’ dawk li laħqu l-iskop li turina dil-mappa: mhux biss il-qaddisin tal-kalendarju, imma tant ħutna “tal-bieb ta’ maġenbna”, li forsi ltqajna magħhom u konna nafuhom.  Illum hi festa tal-familja, ta’ tant persuni sempliċi u moħbija li fil-fatt jgħinu lil Alla jmexxi lid-dinja ‘l quddiem.  U hemm ħafna minnhom illum!  Hemm bosta.  Grazzi lil dawn ħutna mhux magħrufin li jgħinu lil Alla jmexxi d-dinja ‘l quddiem, li jgħixu fostna; insellmulhom b’applaws sabiħ!

Qabel kollox – tgħid l-ewwel beatitudni - hemm “il-foqra fl-ispirtu” (Mt 5,3).  Xi jfisser? Ifisser li ma jgħixux għas-suċċess, għall-poter, għall flus; jafu li min jaħżen it-teżori għalih innifsu ma jistgħaniex quddiem Alla (cfr (Luqa 12, 21).  Iżda jemmnu li l-Mulej hu t-teżor tal-ħajja, u l-imħabba lejn il-proxxmu hi l-uniku għajn ta’ qligħ.  Kultant ma nkunux kuntenti minħabba xi ħaġa li tonqosna jew imħassbin jekk l-oħrajn ma jħarsux lejna kif nixtiequ aħna; niftakru li l-beatitudni tagħna ma tinsabx f’dan, imma fil-Mulej u fl-imħabba:  miegħu biss, hu biss meta nħobbu li ngħixu hienja.

Fl-aħħar irrid nikkowta beatitudni oħra, li ma tinsabx fl-Evanġelju, imma fi tmiem il-Bibbja u li titkellem dwar it-tmiem tal-ħajja: “Imberkin dawk li jmutu fil-Mulej” (Apok 14,13).  Għada se nkunu msejħin biex nakkumpanjaw bit-talb lill-mejtin tagħna, sabiex huma jkunu jistgħu jgawdu lill-Mulej għal dejjem.  Niftakru fl-għeżież tagħna bi gratitudni u nitolbu għalihom.

Omm Alla, Reġina tal-Qaddisin u Bieb tas-Sema, tinterċedi għalina, għall-mixja tagħna tal-qdusija u għal dik tal-għeżież tagħna li marru qabilna u diġà telqu lejn il-Patrija Ċelesti.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

ninsab imnikket minħabba l-atnakki terroristiċi ta’ dawn l-aħħar ġranet fis-Somalja, fl-Afghanistan u lbieraħ fi New York.  Filwaqt li nikkundanna bil-qawwa dawn l-atti ta’ vjolenza, nitlob għall-mejtin, għall feruti u għall-familjari tagħhom.  Nitolbu lill-Mulej jikkonverti l-qlub ta’ dawn it-terroristi u biex jeħles lid-dinja mill-mibgħeda u mill-ġenn omiċida li jabbuża isem Alla biex jiżra’ l-mewt.

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll pellgrini mill-Italja u minn pajjiżi diversi, partikolarment lil dawk ġejjin minn Courbevoie (Franza) u Derry (l-Irlanda).  Insellem lill-fidili minn Terrasini, liż-żgħażagħ li se jagħmlu l-Griżma minn Modena, lill-Assoċjazzjoni “Impegnarsi serve”.

Tislima speċjali tmur lejn il-parteċipanti tal-Corsa dei Santi, imnedija mill-Fundazzjoni “Don Bosco fid-Dinja” li qed jagħtu dimensjoni ta’ festa lil diċ-ċelebrazzjoni reliġjuża tal-Qaddisin Kollha.  Grazzi tal-inizjattiva sabiħa tagħkom u tal-preżenza tagħkom!

Għada waranofsinhar se mmur fiċ-Ċimiterju Amerikan ta’ Nettuno u mbagħad fil-Fosse Ardeatine: nitlobkom takkumpanjaw bit-talb dawn iż-żewġ mumenti ta’ tifkiriet u suffraġju għall-vittmi tal-gwerer u tal-vjolenza.  Il-gwerer ma jipproduċu xejn aktar ħlief ċimiterji u mewt: hu għalhekk li ridt nagħti das-sinjal f’mument meta l-umanità tagħna donnha ma tgħallmitx il-lezzjoni jew ma tridx titgħallimha.

Nawguralkom ilkoll il-festa t-tajba fil-kumpanija spiritwali tal-Qaddisin.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber