Għeżież ħuti il-jum it-tajjeb u ll-festa t-tajba!

Fiċ-ċelebrazzjoni tal-lum, festa tal-Qaddisin Kollha, inħossu partikolarment ħajja fina r-realtà tal-komunjoni tal-qaddisin, il-familja kbira tagħna, iffurmata mill-membri kollha tal-Knisja, kemm aħna li għadna pellegrini hawn fl-art, kif ukoll dawk – f’għadd immensament akbar – li diġà ħallewha u marru s-Sema.  Ilkoll magħqudin, u din tissejjaħ “il-komunjoni tal-qaddisin”, jiġifieri l-komunità ta’ kull min hu mgħammed.

Fil-liturġija, l-Ktieb tal-Apokalissi jiddeskrivi karatteristika essenzjali tal-qaddisin u jgħid hekk: huma bnedmin kollha kemm huma ta’ Alla.  Jippreżenathom bħala għadd bla qies ta’ “magħżulin”, lebsin l-abjad u mmarkati bis-siġill ta’ Alla (cfr 7,2-4. 9-14).  Permezz ta’ dan id-dettal, b’lingwaġġ allegoriku, jintwera lilna li l-qaddisin huma ta’ Alla b’mod sħiħ u esklussiv, huma propjetà tiegħu.  U xi jfisser li f’ħajtek u fil-persuna tiegħek ikollok is-siġilll ta’ Alla?  Jgħidulna mill-ġdid l-Appostlu Ġwanni: ifisser li f’Ġesù Kristu aħna sirna verament ulied Alla (cfr 1 Ġw 3, 1-3).

Aħna konxji minn dan ir-rigal kbir?  Ilkoll aħna ulied Alla! Niftakru li fil-Magħmudija rċevejna “s-siġill” tal-Missier Ċelesti tagħna u sirna wliedu?  Biex ngħiduha bi kliem sempliċi: aħna nġibu l-kunjom ta’ Alla, kunjomna hu Alla, għax aħna wliedu.  Din hi l-vokazzjoni għall-qdusija!  U l-qaddisin li qed infakkru llum huma propju dawk li għexu fil-grazzzja tal-Magħmudija tagħhom u żammew sħiħ “is-siġill” billi ġabu ruħhom ta’ ulied Alla, ippruvaw jixbħu lil Ġesù; u issa waslu fid-destinazzjoni tagħhom “qed jaraw ‘l Alla kif inhu”.

It-tieni karatteristika tipika tal-qaddisin hi li huma eżempji li għandna nimitawhom.  Noqgħodu attenti: mhux biss dawk li huma kanoniżżati, imma l-qaddisin, biex ngħidu hekk, “tad-dar ta’ ħdejna”, li bil-grazzja t’Alla għamlu ħilithom kollha biex jipprattikaw l-Evanġelju fil-ħajja ordinarja ta’ kuljum.  Anki aħna ltqajna ma’ wħud minn dawn il-qaddisin: forsi kellna xi ħadd minnhom fil-familja tagħna jew fost ħbiebna jew fost in-nies li nafu.  Għandna nkunu grati lejhom, u, fuq kollox, għandna nkunu grati lejn Alla li rregalaholmlna, li qiegħdhom qrib tagħna bħala eżempji ħajjin li minnhom “nittieħdu” l-mod ta’ kif ngħixu u mmutu fidili lejn il-Mulej Ġesù u l-Evanġelju tiegħu.  Kemm konna nafu u kemm nafu nies tajbin, u ngħidu: “Imma dal-bniedem qaddis!”, ngħiduha b’mod spontanju.  Dawn huma l-qaddisn “tad-dar ta’ ħdejna”, dawk mhux kanoniżżati imma jgħixu magħna.

Meta nimitaw il-ġesti ta’ mħabba u ta’ ħniena tagħhom inkunu qiesna qed inżommu ħajja l-preżenza tagħhom f’din id-dinja.  Fil-fatt, dawn il-ġesti evanġeliċi huma l-uniċi li jirreżistu l-qerda li tnissel il-mewt: att ta’ tenerezza, għajnuna ġeneruża, ftit ħin nisimgħu, żjara, kelma tajba, tbissima....  F’għajnejna dawn jistgħi jidhru  affarijiet mingġġajr tifsira, imma f’għajnejn Alla huma eterni, għax l-imħabba u l-kompassjoni huma ajtar qawwija mill-mewt.

Il-Verġni Marija, Reġina tal-Qaddisin Kollha, tgħinna niksbu aktar fiduċja fil-grazzja t’Alla biex nimxu b’ħerqa kbira fil-ħajja tal-qdusija.  Inħallu f’idejn OmmnaMarija il-ħidma tagħna ta’ kuljum u nitolbuha wkoll għall-għeżież mejtin tagħna, b’tama minn qalbna li jum wieħed, niltaqgħu flimkien, ilkoll, fil-komunjoni glorjuża tas-Sema.

 

APPELL

Għeżież ħuti,

l-episodji ta’ niket li dawn l-aħħar jien ħarrxu s-sitwazzjoni delikata fir-Repubbika tal-Afrika tan-Nofs, iqanqluli f’qalbi tħassib kbir.  Nappella lill-partijiet kollha konċernati biex iwaqqfu dan iċ-ċiklu ta’ vjolenza.  Inħossni spiritwalment qrib il-patrijiet Kombonjani tal-parroċċa tal-Madonna ta’ Fatima f’Bangui, li qed jagħtu kenn lil ħafna maħruba.  Nesprimi s-solidarjetà tiegħi mal-Knisja u mal-konfessjonijiet reliġjużi l-oħrajn u man-nazzjon kollu tar-Repubbika tal-Afrika tan-Nofs, li qed isofri bla qies, biex isir kull sforz ħalli jintgħelbu l-firdiet u jerġgħu jaqbdu t-triq tal-paċi.  Biex nuri l-qrubija bit-talb tal-Knisja kollha lil dan in-nazzjon hekk imnikket u tturmentat u biex inħeġġeġ lill-popolazzjoni kollha ta’ dan il-pajjiż biex ikunu dejjem xhieda tal-ħniena u r-rikonċiljazzjoni, għandi f’moħħi lil-Ħadd 29 ta’ Novembru niftaħ il-“Porta Santa” fil-katidral ta’ Bangui, waqt il-Vjaġġ Appostoliku li nittama li nkunu nista’ nagħmel f’dak in-nazzjon.

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Ilbieraħ fi Frascati ġiet dikjarata beata Madre Tereża Casini, fundatriċi tas-Sorijiet Oblati tal-Qalb ta’ Ġesù.  Kienet mara ta’ kontemplazzjoni u missjunarja li ħajitha għamlitha offerta ta’ talb u karità konkreta u sapport għas-saċerdoti.  Niżżu ħajr lil Alla għax-xhieda tagħha.

Insellem lilkom ilkoll, pellegrini li ġejjin mill-Italja u minn tant pajjiżi oħra, partikolarment li dawk li ġew mill-Malasja u minn Valencia (Spanja).

Insellem lill-parteċipanti li qed jieħdu sehem fil-Corsa dei Santi u Marcia dei Santi, li huma organiżżati rispettivament mill-Fundazzjoni “Don Bosco nel Mondo” u mill-Assoċjazzjoni “Famiglia Piccola Chiesa”.  Napprezza dawn il-manifestazzjonijiet li joffru dimensjoni ta’ festa popolari fiċ-ċelebrazzjoni tal-Qaddisin Kollha.  Insellem ukoll lill Kor ta’ San Cataldo, liż-żgħażagħ minn Ruvo di Puglia u li dawk li ġejjin minn Papanice.

Illum wara nofsinhar se mmur fiċ-ċimiterju tal-Verano, fejn se niċċelebra l-quddiesa b’suffraġju għall-mejtin.  Jien u nżur iċ-ċimiterju prinċipali ta’ Ruma, ningħaqad spiritwalment ma’ dawk kollha li f’dawn il-jiem imorru jitolbu fuq l-oqbra tal-għeżież tagħhom f’kull rokna tad-dinja.

Nawgura lil kulħadd paċi u serenità fil-kumpanija spiritwali tal-qaddisin.  Il-Ħadd it-tajjeb u, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber