Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

L-ewwel jumejn tax-xahar ta’ Novembru huma għal kulħadd waqtiet ta’ fidi intensa, ta’ talb u riflessjoni fuq “l-aħħar affarijiet” tal-ħajja.  Meta fil-fatt, tiċċelebra l-festa tal-Qaddisin Kollha u tfakkar lill-fidili li ħallewna, il-Knisja pellegrina fuq l-art tgħix u tesprimi r-rabta spiritwali li tgħaqqadha mal-Knisja tas-Sema.  Illum nagħtu ħajr lil Alla għall-għadd bla qies ta’ qaddisin nisa u rġiel ta’ kull żmien: irġiel u nisa komuni, sempliċi, kultant fost “tal-aħħar” fid-dinja, imma tal-ewwel għal Alla.  Fl-istess waqt niftakru fl-għeżież tagħna li ħallewna billi nżuru ċ-ċimiterji.  Hu ta’ faraġ kbir għalina li naħsbu li huma qiegħdin fil-kumpanija tal-Verġni Marija, tal-Appostli, tal-Martri u tal-qaddisin kollha tal-Ġenna!

Is-solennità tal-lum b’hekk tgħinna nikkunsidraw verità fundamentali tal-fidi Nisranija li aħna nistqarru fil-Kredu: ix-xirka tal-qaddisin.  Xi tfisser din ix-xirka tal-qaddisin?  Hija l-komunjoni li tinbet mill-fidi u tgħaqqad bejniethom lil dawk kollha li huma ta’ Kristu bis-saħħa tal-Magħmudija.  Hija għaqda spiritwali – ilkoll aħna magħqudin! – li ma tinkisrix bil-mewt, imma tibqa’ għaddejja fil-ħajja l-oħra.  Fil-fatt dejjem jibqa’ rabta li ma tinkiser b’xejn bejnna, li aħna ħajjin f’did-dinja,ma’ dawk li għaddew mill-għatba tal-mewt.  Aħna, hawn isfel fl-art, flimkien ma’ dawk li għaddew għall-eternità, flimkien niffurmaw familja kbira waħda.

Din il-komunjoni meraviljuża, din l-għaqda meraviljuża bejn l-art u s-sem, titwettaq b’mod mill-aktar għoli  u intens fil-Liturġija, u fuq kollox, fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija li tesprimi u ġġib fis-seħħ għaqda mill-aktar profonda bejn il-membri tal-Knisja.  Fl-Ewkaristija, infatti, aħna niltaqgħu ma’ Ġesù ħaj u mal-qawwa tiegħu, u bis-saħħa tiegħu nidħlu f’komunjoni ma’ ħutna fil-fidi: ma’ dawk li jgħixu magħna fid-dinja u ma’ dawk li qabilna waslu fil-ħajja l-oħra, il-ħajja li ma tintemmx.  Din ir-realtà timlina bil-ferħ: kemm hu sabiħ li jkollna tant ħutna fil-fidi li jimxu maġenbna, isostnuna bl-għajnuna tagħhom u flimkien magħna jimxu l-istess triq lejn is-sema.  U hu ta’ konsolazzjoni li nafu li hemm ħutna oħra li diġà waslu s-sema, qed jistennewna u jitolbu għalina biex aħna nkunu nistgħu nikkontemplaw għall-eternità il-wiċċ glorjuż u mimli ħniena tal-Missier.

Fix-xirka l-kbira tal-qaddisin, Alla ried jirriżerva l-ewwel post għal Omm Ġesù.  Marija hija ċ-ċentru tax-xirka tal-qaddisin bħala ħarriesa waħdanija tar-rabta tal-Knisja universali ma’ Kristu, tar-rabta tal-familja.  Hi l-Omm, Hi Ommna, Ommna.  Għal min irid jimxi wara Ġesù fit-triq tal-Vanġelu, Hi l-gwida żgura għax hija l-ewwel dixxiplu.  Hi l-Omm attenta li tieħu ħsiebna li lilHa għandna nisqtarru kull xewqa u diffikultà li jkollna.

Nitolbu flimkien lir-Reġina tal-Qaddisin Kollha bex tgħinna nwieġbu lil Alla li jistedinna nkunu qaddisin bħalma hu qaddis Hu, bil-ġenerożità u bil-fedeltà (cfrLev 19,2; Mat 5,48)


Waral-Angelus:

Għeżież ħuti,

Il-liturġija tal-lum tkellimna dwar Ġerusalemm tas-Sema, Ġeruslemm ċelesti.  Nistedinkom titolbu biex il-Belt Qaddisa, għażiża għal-Lhud, għall-Insara u għall-Musulmani, li f’dal-ġranet rat sitwazzjoni ta’ tensjoni, tkun dejjem aktar sinjal li jantiċipa l-paċi li Alla jixtieq għall-familja umana kollha.

Illum, f’Vitorja (fi Spanja) qed jiġi dikjarat Beatu, il-martri Pietro Asúa Mendía.  Saċerdot umli u awster li pprietka l-Evanġelju bil-qdusija ta’ ħajtu, bil-katekeżi u bid-dedikazzjoni tiegħu għall-foqra u n-nies fil-bżonn.  Kien safa’ arrestat, ittorturat u maqtul għax kellu rieda qawwija li jibqa’ fidili lejn il-Mulej u lejn il-Knisja.  Hu għalina lkoll eżempju merviljuż ta’ qawwa ta’ fidi u xhieda tal-karità.

Insellem lill-pellegrini kollha mill-Italja u minn tant pajjiżi oħra.  Partikolarment insellem lil dawk li qed jieħdu sehem fil-“Corsa dei Santi” u l-“Marcia dei Santi” organiżżati rispettivament mill-Fundazzjoni Don Bosco fid-Dinja u l-Assoċjazzjoni Familja Knisja Żgħira.  Nifirħilkom għal dawn l-inizajttivi li jgħaqqdu l-isport, ix-xhieda nisranija u l-impenn umanitarju.  Insellem ukoll liż-żgħażagħ minn Modena li llum irċevew il-Griżma tal-Isqof, flimkien mal-ġenituri u l-katekisti, kif ukoll lill-volontarji tal-belt ta’ Sciacca u l-grupp sportiv tal-parroċċa ta’ Castegnato (Brescia).

Illum, wara nofinhar se mmur fiċ-Ċimiterju Verano fejn se niċċelebra quddiesa b’sufraġju għall-mejtin.  Jien u nżur iċ-ċimiterju prinċipali ta’ Ruma, ningħaqad spiritwalment ma’ dawk li f’dal-ġranet imorru jżuru l-oqbra tal-għeżież tagħhom fiċ-ċimiterji tad-dinja kollha.

Nawguralkom ilkoll il-festa t-tajba, bil-ferħ li aħna nagħmlu parti minn dil-familja kbira tal-qaddisin.  Tinsewx, jekk jogħġobkom, titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.